Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Inbattlu lix-xkora

Inbattlu lix-xkora


Il-Ħadd 10 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech,
fil-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem.

 

Kieku għada jitħabbar li ser ikun hawn strajk minn dawk li jiġbru l-iskart – li jagħmlu xogħol nobbli u utli ħafna – ninfixlu, għax tinħolqilna problema fejn ser inbattlu l-ixkejjer tal-iskart tagħna! Min jaf kemm ikun hawn diżordni, irwejjaħ; anzi, jekk l-istrajk itul, kapaċi tfaqqa’ epidemija.

Jekk il-fatt li ma jkollniex fejn inbattlu l-ixkora tal-iskart joħolqilna problema personali u soċjali, kemm iktar għandna għalfejn ninkwetaw meta ma nsibux fejn inbattlu l-ixkora tagħna – qed nirreferi għall-ixkora taż-żibel li jinġema’ f’qalbi u f’qalbek! Hija espressjoni fil-lingwaġġ tagħna li meta persuna tmur tqerr, tgħid li tkun marret battlet l-ixkora għand il-konfessur.

1009.jpgIllum qegħdin niċċelebraw il-Festa f’ġieħ Sant’Antnin ta’ Padova, li mhux biss huwa Duttur tal-Knisja minħabba l-predikazzjoni u l-kitbiet tiegħu, imma kien ukoll konfessur straordinarju. Kien iqarar ġranet sħaħ, xi drabi mingħajr lanqas ma jmur jiekol. Fil-ħajja tiegħu naqraw li “kien iħajjar għall-qrar ġgajtiet kbar ta’ rġiel u nisa, tant li ma kinux biżżejjed biex jisimgħuhom dawk il-ftit patrijiet u saċerdoti li kienu jkunu miegħu” (ara Vita Prima o Assidua, 13, 13).

Dan id-Duttur Evanġeliku kellu ħafna għal qalbu l-konfessjonarju, li kien isejjaħlu “d-dar ta’ Alla” u “l-bieb tal-Ġenna”. Għax meta wieħed jersaq lejn il-konfessjonarju, wieħed jagħmel esperjenza ta’ Alla li jilqgħu b’dirgħajh miftuħa u jduq il-ħniena tiegħu. Fil-konfessjonarju l-penitent iġarrab mhux tant it-tgħanniqa tal-konfessur, imma lil Alla li jħaddnu miegħu b’ħafna għożża.

Ħafna drabi fil-konfessjonarju l-penitent jibki. Dan nikkonfermawh int u jien – jien mhux bħala konfessur, imma bħala penitent. F’waħda mill-prietki tiegħu, Sant’Antnin jgħid li jekk fil-konfessjonarju jkun hemm il-mużika tal-biki tal-indiema, fl-istess waqt jinstema’ l-kor tal-ħniena divina li taħfer kull dnub (ara Omelija 1 għar-Randan (2), 19). Ħasra li llum ftit għadek tara konfessjonarji fil-knejjes! Nibża’ li għal ħafna din il-biċċa għamara mhux biss twarrbet fiżikament mill-knisja, imma saħansitra minn ħajjithom. Aħna s-saċerdoti nerfgħu parti mir-responsabbiltà f’dan il-proċess!

Skont Sant’Antnin, il-miżerikordja ta’ Alla – jiġifieri l-qalb ta’ Alla li tħoss ħafna meta tarana tant miżeri għax qlubna jsiru qishom tank taż-żibel – tiżboq kull intelliġenza. Jekk, kif tgħid l-Iskrittura, Alla għamel kollox bil-qies, bil-kejl u bl-għadd (ara Għerf 11:21), ħaġa waħda ma għamilx bil-qies, bil-kejl u bl-għadd: din hija l-miżerikordja li ma għandhiex qies, kejl jew għadd.

Sant’Antnin ifakkarna li l-ħniena ta’ Alla hija l-kolonna li fuqha jserrħu s-smewwiet u l-art, u jekk din titneħħa, kollox jaqa’ żorba (ara Omelia Dom. XVI d. Pent., 12). Jekk wieħed ineħħi ħnejja, il-binja kollha taqa’. Hekk ukoll fir-rigward ta’ Alla. Kieku Alla mhux ħanin, jinżel kollox. “Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem, tjubitu ma tonqos qatt” (Lam 3:22). Għalhekk Sant’Antnin jitlob lil Alla u jgħidlu: “Mulej, jekk inti ċċaħħadni mill-ħniena tiegħek, jien nispiċċa fil-miżerja eterna”. Dan ifakkarni f’espressjoni qawwija li jagħtina l-Papa Franġisku meta jgħid li l-miżerikordja hija l-ħnejja li żżomm il-binja tal-Knisja (ara Wiċċ il-Ħniena, 10). B’dan nifhmu li l-Knisja teżisti kemm bħala espressjoni tal-ħniena ta’ Kristu – Kristu waqqaf il-Knisja tant kemm iħobbna u huwa ħanin –, u kemm biex kontinwament iddewwaq il-ħniena divina lill-umanità.

Intuwizzjoni sabiħa oħra ta’ Sant’Antnin dwar is-sagrament tal-Qrar hija li dan jixbah lil beauty salon. Illum dawn iċ-ċentri saru mfittxija ħafna, għax il-bniedem sar aktar attent għas-sbuħija estetika; imma għal Sant’Antnin il-Qrar neħtiġuh biex niksbu s-sbuħija interjuri. Il-Qaddis ta’ Padova jirrifletti fuq silta mill-Profeta Isaija: “Dakinhar iqaxxar Sidi l-Mulej b’mus mikri (u misjun) min-naħa l-oħra tax-xmara… il-qorriegħa tar-ras u x-xagħar tar-riġlejn u jġiżż il-leħja wkoll” (7:20). Sant’Antnin jgħid li dan il-kliem jgħodd għal dawk li “qasmu x-xmara”, jiġifieri għal dawk li diġà rċevew il-Magħmudija; għax jekk bil-Magħmudija nindafu minn dnubietna, imbagħad neħtieġu s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni – magħruf ukoll bħala t-tieni magħmudija – biex nindafu. Hekk jagħmel Alla mal-bniedem: juża l-“mus” biex ineħħilu “l-pil tal-kuxjenza” u hekk jagħmlu ġdid, frisk u nadif. Meta jirrifletti dwar il-frażi “mus mikri”, Sant’Antnin jgħid li meta Alla jnaddaf lill-penitent, dan għandu jikkontribwixxi billi jħallas għall-kirja billi juri devozzjoni u umiltà. Dawn huma żewġ kwalitajiet meħtieġa għalina meta nersqu nitolbu l-ħniena fil-konfessjonarju.

Anzi, Sant’Antnin jagħtina parir li biex nagħmlu qrara tajba għandna bżonn “insiru bħat-tfal żgħar”. F’omelija li darba għamel fil-Milied, Sant’Antnin jgħid li min irid jikkonverti jeħtieġlu jsir tfal, fis-sens li jkun bniedem sempliċi, kollu fiduċja u fil-bżonn ta’ kollox: “Inkunu bħat-tfal, imma mhux infantili, u nintelqu f’dirgħajn il-Missier divin u ħanin, niedma mill-ħażen li nkunu għamilna. Din hija l-qrara tal-midneb li, maħfur minn Alla, jindem” (Omelija 15).

F’omelija oħra, Sant’Antnin jirrimarka li hemm erba’ għedewwa li jfixkluna milli nagħmlu qrara tajba: meta ma rridux ninfatmu mid-dnub tagħna, il-mistħija biex nistqarru ħtijietna, il-biża’ mill-penitenza, u li naqtgħu qalbna mill-maħfra ta’ Alla.

Dak li kien ta’ valur għal Sant’Antnin ma kienx it-tipi differenti ta’ mard, imma l-marid. Fi kliem ieħor, Sant’Antnin kien jagħżel bejn id-dnub u l-midneb. Waqt li d-dnub huwa ħażin, il-midneb huwa dejjem milqugħ, akkumpanjat u megħjun. Konfessur tajjeb ma jiqafx fuq id-dnub, imma jara l-persuna bl-istorja kollha tagħha u bl-isforzi u l-limiti tagħha. Kull bniedem huwa suġġett għal mard spiritwali, imma Alla jagħti l-grazzja lil kull bniedem biex ifiq mill-mard tiegħu. Ma hemm ebda marda li ma titfejjaqx. Alla qatt ma huwa ser iżomm lil xi ħadd milli jbattal ix-xkora tiegħu quddiemu.

Għalkemm Alla huwa twajjeb u ħanin, huwa jirrispetta l-għażla ħielsa tal-bniedem. Fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika naqraw li l-infern huwa “dak l-istat ta’ min minn rajh jinqata’ darba għal dejjem mill-għaqda ma’ Alla” (1033); “l-erwieħ ta’ dawk li jmutu fl-istat tad-dnub il-mejjet wara mewthom jinżlu minnufih fl-infern fejn isofru għal dejjem il-piena tal-infern… l-akbar kastig tal-infern hu l-firda għal dejjem minn Alla” (1035). Issa bħala wild denn tat-teoloġija Franġiskana, Sant’Antnin jafferma li l-miżerikordja ta’ Alla tant hija bla tarf li tasal saħansitra fl-infern! “Il-ħniena tiegħu tinsab kullimkien, anki fl-infern, għaliex lanqas il-bniedem indannat ma jirċievi l-kastig li jkun jistħoqqlu minħabba l-ħtija tiegħu” (Omelia Dom. XVI d. Pent.). Fid-dawl ta’ dan il-kliem ta’ kuraġġ ta’ Sant’Antnin, Alla, misjuq mill-miżerikordja, jintervieni wkoll f’dak l-istat ta’ tbatija eterna u ma jħallix lill-bniedem ibati kemm għandu jbati. Daqshekk hija profonda din il-mediċina u l-imħabba ta’ Alla.

Nieħu din l-okkażjoni, meta ninsabu f’dan il-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, biex nesprimi l-gratitudni tiegħi għas-servizz ġeneruż li huma jagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà. Normalment aħna nassoċjaw lill-patrijiet mal-ministeru ta’ konfessuri. Ħafna jfittxuhom biex iferrgħu x-xkora tagħhom. Napprezza li l-bieb tal-kunvent huwa dejjem miftuħ biex, niġu xħin niġu, insibu xi patri jilqagħna u bis-sagrament tal-Qrar jixxuttalna d-demgħat u jidlek bil-balzmu tal-miżerikordja l-feriti tagħna. Nirrakkomanda lill-patrijiet biex meta jkunu fil-konfessjonarju, huma jilbsu ċ-ċoqqa… għax iċ-ċoqqa għandha komma wiesgħa, u jien irrid li l-konfessuri jkollhom komma wiesgħa ħafna!

Nitolbu bl-interċessjoni ta’ Sant’Antnin ta’ Padova biex fil-Knisja u fis-soċjetà nibqgħu ngħożżu dan is-sagrament tal-Qrar, għajn ta’ paċi interjuri.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: