Il-Tnejn, 11 ta’ Settembru 2017: Dan l-artiklu kien publikat fir-Rivista Pastor ta’ Mejju-Ġunju 2000, 35-37.
Ħarsa Pastorali lejn it-Trinità Qaddisa.
Il-fidi nisranija tgħallimna li kollox ġej mit-Trinità. Nitgħallmu wkoll li kull ma hawn f’din id-dinja għandu l-fini tiegħu t-Trinità wkoll. Għalhekk fil-kateketika u l-pastorali hija ta’ importanza kbira li nagħtu tagħlim rilevanti fuq dan is-suġġett li jappella għall-bniedem ta’ ll-lum.
Jista’ jkun li f’moħħ il-poplu t-tagħlim fuq it-Trinità huwa bħal tabù. Tant hu tqil, u li tista’ titfixkel, li aħjar ma titkellimx fuqu. Fil-prattika n-nisrani, għalkemm jistqarr il-fidi tiegħu fit-Trinità qaddisa, ma tantx jemmen fiha fil-ħajja prattika tiegħu. Huwa innegabli l-fatt li ħafna nsara “għalkemm jistqarru l-fidi fit-Trinità, huma ‘monoteisti’ fil-prattika tal-ħajja reliġjuża tagħhom . . . . . . . Jista’ wieħed ikollu l-biża’, li fil-katekiżmu tal-moħħ u tal-qalb (b’differenza mill-katekiżmu stampat) il-fatt li huwa jemmen fl-inkarnazzjoni ma jbiddel l-ebda punt, qisha it-Trintà ma teżistix.” 1 “Hija konvinzjoni tal-massa li il-misteru tat-Trinità hija teorema teoloġika mingħajr l-ebda implikazzjoni.” 2
Dawn l-idejat wasslu lill-filosofu Kant biex jistqarr “Mid-duttrina tat-Trinità ma nistgħu nieħdu xejn għall-prattika, anki jekk nemmnu li nifhmuha, għax hija tissupera kull ħsieb tagħna.” 3 . Dawn il-kummenti minn nies li ħasbu fil-profond għandhom jispirawna biex nagħtu xejra aktar pastorali lit-tagħlim fuq it-Trinità b’implikazzjoni morali, spiritwali kif wkoll soċjali.
It-teoloġija skolastika tittratta t-Trinità mill-aspett metafiżiku. Għalhekk hija mimlija b’distinzjonijiet fini tar-raġuni filwaqt li ma hemm ebda rabta mal-ħajja ta’ kuljum. Prinċipalment din it-teoloġija hija mibnija fuq ir-relazzjonijiet li għandhom il-persuni ma’ xulxin. Għalhekk, illum nistgħu, nieħdu l-essenzjal minn din it-teoloġija, ma nagħmlux enfasi fuq l-irqaqat, filwaqt li nadattawha għall-bniedem modern.
Il-fenomenoloġija u l-personaliżmu jistgħu jgħinuna ħafna biex nippreżentw xbieha aktar pastorali tat-Trinità li tappella għall-ħajja ta’ kuljum. Però ta’ min issemmi li xbieha aktar pastorali tat-Trinità m’hijiex żgur se tħoll il-misteru. Dan jibqa’ hemm. Infatti “id-domma tat-Trinità hija misteru assolut, li, anki wara r-rivelazzjoni tiegħu, ma jistax jiġi mifhum fil-qalba tiegħu. Din it-teżi, hija konklużjoni inekwivoka tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan I .” 4
Għalhekk, filwaqt li nitkellmu b’umiltà kbira fuq dan is-suġġett, ma nippretendux li għandna nħollu dan il-misteru. Mill-banda l-oħra lanqas għandna ninħakmu minn biza’ esġerat li se naqgħu fl-ereżija jekk nitkellmu fuq dan il-misteru. Ta’ min jgħid li ‘misteru’ ma hijiex xi ħaġa li ma nistgħu ngħidu xejn fuqha. Il-pretensjoni tal-bniedem hija meta jipprova jħoll dan il-misteru qisu xi teorema tal-matematika. Santu Wistin fil-kitbiet tiegħu jistqarr “Min se jifhem it-Trinità li tista’ kollox? Iżda ma jitkellimx fuqha, jekk tassew fuqha jitkellem? Darba fill insibu ruħ titkellem fuqha u taf fuqhiex qiegħda titkellem.” 5
Għalhekk jekk mingħajr ma niċħdu l-metafiżika, li hija r-reġina tax-xjenzi kollha, l-istudju tal-fenomenoloġija u l-personaliżmu jistgħu jgħinuna nitkellmu fuq it-Trinità. Il-fenomenoloġija hija l-istudju filosofiku li jitlaq mill-fenomeni. Għalhekk, meta niġu biex insibu fenomenu li jaqbel mat-Trinità, naslu għall-konklużżjoni li s-soċjetà tal-bniedmin tixbahha. Is-soċjetà hija magħmula minn persuni li għandhom rabta intima ma’ xulxin. Infatti, skond il-proverbju Ingliż “No man is an Island”. Ilkoll għandna relazzjoni u kommunikazzjoni ma’ xulxin. Illum qegħdin ngħixu f’fażi ta’ l-istorja ta’ l-umanità fejn id-dinja qegħda ssir “global village”. Il-kommunikazzjoni permezz tar-radjijiet, television, videos, kif wkoll permezz tal-internet qiegħda ġġib il-bnedmin aktar f’kuntatt ma xulxin. U proprju nistgħu nfissru dak li l-iskolastiċi kienu jgħidu “b’relazzjonijiet” permezz tal-kommunikazzjoni li l-bniedem qiegħed għaddej minnha illum.
Infatti jekk noqogħdu niflu t-teologija Skolastika naraw x’jgħid San Tumas meta jiġi biex jispjega li l-Iben huwa l-Kelma. Wara li spega li l-kelma komuni hija mezz biex tesprimi ħsieb, jasal għall-konklużjoni “It-terminu Kelma, meta nużawha għal Alla, m’għandhiex tittieħed essenzjalment, izda b’mod personali” 6
Għalhekk, kif jispjega San Tumas d’Aquino, li l-Iben huwa kelma kommunikativa, irrevelalna l-misteru tat-Trinità. Din hija wkoll komunità ta’ persuni li jinħabbu b’mod perfett “Dawn il-kelmiet, frott il-fidi tal-Knisja tal-bidu, juru kif, għan-nisrani, li temmen f’Alla ma jfissirx sempliċement li taħseb li Alla jeżisti, imma jfisser ħafna iżjed minn hekk. Ifisser li tistqarr b’xufftejk u b’qalbek li Alla hu Mħabba. U dan ifisser tagħraf li Alla m’hux solitudni: għax biex tħobb għall-inqas irid ikun hemm tnejn, f’relazzjoni hekk sabiħa li wieħed ikun miftuħ għall-ieħor. Alla Mħabba hu komunjoni ta’ Tlieta; Dak li jħobb, il-Maħbub u l-Imħabba milqugħa u mogħtija, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Temmen f’Alla Mħabba jfisser temmen f’Alla li hu Wiehed fi Tlieta persuni, komunjoni daqshekk perfetta, li t-Tlieta huma tassew Wieħed fl-imħabba tagħhom. Hija komunjoni minsuġa f’relazzjonijiet daqstant reali li huma tassew Tlieta filli jagħtu u jirċievu l-imħabba, f’li jiltaqgħu u jinfetħu għall-imħabba.” 7
Għalhekk, il-misteru tat-Trinità jixħet dawl fuq ir-relazzjoni ta’ bejnietna, li għandhom jkunu mibnija fuq l-imħabba vera li persuna tinfetaħ għall-persuni oħra. Dan l-orjentament jista’ jixħet dawl fuq kif għandha tkun ir-relazzjoni bejn il-miżżewġin fil-familja. Barra minn hekk, l-imħabba Trinitarja hija eżempju ta’ kif għandhom jkunu r-relazzjonijiet umani fil-Parroċċa li trid tkun magħquda biex tirrifletti lil Alla Wieħed fi Tliet Persuni.
Għalhekk, fil-katekeżi u l-pastorali trid issir enfasi kemm hija sabiħa l-kommunikazzjoni li, saħansitra f’Alla, hemm rabta ta’ imħabba. Qegħdin ngħixu fi zmien meta d-dinja għadejja minn fażi ta’ kommunikazzjoni qawwija. Għalkemm dawn il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni jistgħu jservu għal xi uħud biex joqorbu lejn il-ħażen, madankollu huma tajbin fihom infushom. Għalhekk, l-enfasi għandha tkun li nużawhom tajjeb bħala tagħlim, rilassament kif ukoll għas-servizz tal-Vanġelu biex inxerrdu l-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Imbagħad, biex ngħallmu tagħlim fuq il-misteru tat-Trinità, nistgħu nużaw il-Bibbja li titkellem b’mod sempliċi. Il-Bibbja titkellem prinċipalment fuq Sidna Ġesù Kristu. Huwa ċ-ċentru ta’ l-istorja ta’ l-umanità. Huwa daħal fl-istorja tagħna biex jifdina, jagħtina eżempju u jgħallimna. U proprju Kristu għallimna fuq it-Trinità. Għalhekk fil-kateketika u l-pastorali nistgħu nużaw l-istess kliem ta’ Kristu li tkellem fuq il-Missier u fuq l-Ispirtu s-Santu.
B’dan il-mod it-Trinità ma tibqax misteru ’l-bogħod mill-ħajja tan-nisrani. Anzi, bil-maqlub, in-nisrani jibda jara fit-Trinità l-eżempju u l-ideal ta’ kif għandu jħobb lill-oħrajn, iżomm il-għaqda fil-familja u l-parroċċa filwaqt li bil-moħħ limitat tiegħu ma jistax jifhmu. Għalkemm jarah imċajpar, jemmen fih, madankollu jibqa’ misteru għalih li jadura bil-qima u l-fidi.
Riferenzi
- Karl Rahner, Il Dio Trino come fondamento originario e trascendente della storia della salvezza, f’Mysterium salutis 3, Brescia 1969, 404.
2.Bruno Forte, Trinità come storia, Napoli 1993, 13.
- Immanuel Kant, Il conflitto delle facoltà, tr. A. Poggi, Genova 1953, 47.
- Karl Raher, Linee Fondamentali della Dottrina del Magistero ecclesiastico sulla Trinità, Brescia 1980, 440.
- Santu Wistin, L-Istqarrijiet, Kt. 13, 11.
- San Tumas d’Aquino, Summa Teologica, I, Q 34 2
7.Bruno Forte, Introduzzjoni Qasira għall-fidi, Malta 1997, 11
Bibliografija
Jean-Hervè Nicholas, Dalla Trinità alla Trinità, II, Città del Vaticano 1992.
Dizionario Enciclopedico di Spiritualità, a cura di Ermanno Ancilli, Roma 1990.
Giuseppe Barbaglio-Severino Dianich, Nuovo Dizionario di Teologia, Torino 1988.
Schmaus Michel, Dogma ( God and his Christ), London 1971.