Il-Tlieta, 12 ta’ Settembru 2017: Dan l-artiklu kien publikat fir-Rivista Pastor ta’ Novembru-Diċembru 2002, 11-14.
ĦARSA PASTORALI LEJN IL-MAGĦMUDIJA
Għalkemm is-sagramenti huma indispensabbli għall-ħajja nisranija madankollu dejjem tinħass il-ħtieġa li ssir preparazzjoni għalihom. U b’dan il-mod iħallu aktar frott.
Rigward il-magħmudija, il-preparazzjoni tista ssir fuq żewġ livelli. L-ewwel billi ssir tħejjija xierqa għall-parrinijiet u l-ġenituri li jkunu se jgħammdu lit-tarbija, u imbagħad issir insistenza kbira ma’ l-insara kollha li l-magħmudija hija fiha innifisha vokazzjoni għall-ħajja nisranija u konsegwentament titlob impenn.
Biex nifhmu kemm il-magħmudija hija vera vokazzjoni, irridu nħarsu lejn il-Knisja primittiva u lejn il-katekumenat li kien qisu skola prattika li fiha ssir spjegazzjoni tal-fidi nisranija u gwida prattika biex il-katekumenu jibda jgħix b’mod konkret il-fidi tiegħu. Qabel jitgħammed il-katekumenu ried jagħmel għażliet favur il-fidi.
Illum li l-maġġoranza assoluta ta’ l-insara qegħdin jitgħammdu meta jkunu trabi, jista’ jiġri li ħafna ma jqisux il-magħmudija bħala sejħa. Minn hawn tidher kemm hija meħtieġa l-pastorali batteżimali, li jekk tiġi mwettqa tajjeb, tista tħalli bosta frott spiritwali.
Il-katekesi batteżimali trid tibda mill-preparazzjoni għas-sagrament tal-magħmudija. Jista’ jiġri li l-parrinijiet li jgħammdu lit-tarbija jqisu li din hija xi ħaġa ċerimonjali ta’ dak il-mument biss u li x’ħin joħorġu barra l-Knisja tispiċċa l-funzjoni tagħhom. Għalhekk il-katekesi ta’ qabel il-magħmudija qabel xejn trid tagħmel enfasi fuq id-dmirijiet tal-parrinijiet. “Dmirhom hu vera ħidma ekklesjatika (“officium”).1 Il-parrinu jew il-parrina għandhom ikunu nsara ta’ fidi sħiħa “li jkollhom il-ħila u jkunu lesti jgħinu l-imgħammed ġdid, tarbija jew kbir li jkun, fit-triq tal-ħajja nisranija”.2 Infatti l-parrinu jew il-parrina jkun jirrappreżenta lit-tarbija u jkun qiegħed jagħti garanzija li se jinteressa ruħu mill-ħajja ta’ fidi tagħha. B’dan il-mod, jekk il-parrinijiet jibdew iqisu l-parti tagħhom bħala uffiċċju, se jkollna aktar insara li qegħdin jieħdu bis-serjetà l-fidi tagħhom.
“Wara l-Magħmudija l-fidi trid tikber fl-imgħammdin kollha, kemm kbar u kemm trabi”.3 Għal dan il-għan trid issir katekesi adegwata biex l-insara kollha, hija x’inhija l-vokazzjoni tagħhom u l-istat tagħhom fil-Knisja, jiskopru mill-ġdid din s-sejħa hekk bażika. Infatti l-magħmudija tħalli karattru. Dan ifisser li wieħed għandu jirċievi dan is-sagrament darba waħda biss f’ħajtu. Anki l-bniedem li jkun ikkommetta l-aktar dnubiet gravi, ma għandux bżonn jitgħammed. Minn hawnhekk toħroġ aktar l-urġenza li l-operaturi pastorali fil-ħidma tagħhom jagħmlu enfasi biex l-insara jiskopru f’ħajjithom mill-ġdid is-sbuħija tas-sejħa tal-magħmudija.
Ta’ min jgħid li, billi l-maġġoranza assoluta ta’ l-insara tgħammdu bħala trabi, ma japprezzawx biżżejjed din is-sejħa hekk importanti. Infatti Santu Wistin, li tgħammed kbir u kien jisgħobih li m’għamduhx meta kien tarbija, kiteb dan fuq l-esperjenza li għadda minnha meta tgħammed: “Matul dawk il-jiem ma kont nixba’ qatt naħseb bi ħlewwa tal-għaġeb fuq il-għoli tal-pjan tiegħek għas-salvazzjoni tal-bnedmin. Kemm dmugħ xerridt jien u nisma’ l-għana ħlejju ta’ l-innijiet u l-kantiċi jidwi fil-knisja tiegħek u jqanqalni mill-qiegħ ta’ qalbi.” 4
Sejjer nagħti xi ftit punti jew skema żgħira ta’ kif għandha ssir katekesi batteżimali għall-insara kollha.
- Mixja ta’ fidi wara Kristu . . . . Permezz tal-magħmudija l-imgħammed jircievi s-sejħa li jimxi wara Kristu u jibda jqisu l-imgħallem waħdieni ta’ ħajtu. Jekk jagħmel dan, ħajtu tinbidel radikalment, filwaqt li ma jagħtix importanza żejda lill-idoli foloz bħal ma huma l-għana u l-poter. Kristu jibda jiġi Jekk dawn allura jmorru kontra l-ispirtu tal-Vanġelu, allura n-nisrani għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza biex jibda jqis lil Kristu bħala l-uniku ċentru tal-qalb tiegħu.
- Fidi fil-Knisja. . . . “Il-Magħmudija tagħmilna membri tal-Ġisem ta’ Kristu. “Aħna membri ta’ xulxin (Ef 4,25). Il-Magħmudija ddaħħalna fil-Knisja”. 5 Għalhekk in-nisrani jrid jħobb il-Knisja billi jqis lilu innifsu parti minnha b’tali mod li jħossu responsabbli għall-ġejjieni tagħha. Jekk huwa se jgħix tajjeb, il-Knisja se timxi ’l quddiem u jekk huwa se jgħix ħażin, allura hija se tbati. Li tħobb il-Knisja jfisser wkoll li n-nisrani joħroġ mill-fosdqa kampanili tiegħu u jibda jinteressa ruħu mill-Knisja universali kollha kemm hija: “Għax aħna ukoll tgħammidna fi Spirtu wieħed, biex nagħmlu ġisem wieħed”.6
- Stqarrija tal-Kredu. . . . La darba bil-magħmudija n-nisrani jsir membru tal-Knisja ta’ Kristu, irid jistqarr il-fidi tal-Knisja. Dan ma jfissirx li kull nisrani jkun jaf it-teoloġija tal-Knisja bl-irqaqat kollha tagħha. Digriet tal-Kongregazzjoni tal-Propagazzjoni tal-fidi jitfa’ dawl fuq dan is-suġġett. Huwa jipprojbixxi li tiġI amministrata l-magħmudija, anki jekk wieħed ikun fil-periklu tal-mewt jekk ma jkunx jaf dawn il-ħwejjeġ . . . li jemmen b’Alla wieħed fi tliet persuni, fl-Inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, u l-premju u l-kastig wara l-mewt. Il-Papa Benedittu XIV isemmi li biex wieħed jitgħammed, minbarra fil-periklu tal-mewt fil-pajjiżi tal-missjoni għandu jkun jaf dawn il-ħwejjeġ: Il-misteri prinċipali tal-fidi, il-Kredu, il-Missierna, id-dekalogu, il-preċetti tal-Knisja, l-effetti tal-magħmudija, l-atti tal-fidi, tama u mħabba u l-motivazzjoni tagħhom. Mhux ta’ min jinsa li dan huwa l-minimu u għalhekk in-nisrani għandu jieħu bħala impenn ta’ ħajtu li jitgħallem aktar il-fidi nisranija.
- Parteċipazzjoni fil-Liturġija. . . . Fil-Knisja primittiva l-katekumeni kienu jiġu mgħammda, mogħtija l-griżma ta’ l-Isqof filwaqt li kienu jirċievu l-Ewkaristija. Għalhekk il-magħmudija hija sejħa biex in-nisrani jissieħeb fil-Liturġija tal-Knisja. Il-magħmudija hija l-ewwel sagrament u għalhekk hija sejħa biex jirċievi s-sagramenti l-oħra, speċjalment il-Qrar u l-Ewkaristija.
- Sens ta’ Apostolat. . . . . Permezz tal-magħmudija n-nisrani jikseb is-saċerdozju komuni tal-fidili. B’hekk isir responsabbli li jissieħeb fil-missjoni tal-Knisja li tkun xhieda quddiem id-dinja u jwassal lil Kristu lil oħrajn. L-imgħammdin, “għax saru wlied Alla bit-twelid ġdid (li tathom il-Magħmudija), huma fid-dmir li jistqarru quddiem il-bnedmin il-fidi li rċevew minn għand Alla permezz tal-Knisja”.7 Dan is-sagrament iseħibna wkoll “fil-ħidma appostolika u missjunarja tal-poplu ta’ Alla.8
- Għixien radikali tal-Vanġelu. . . .Il-magħmudija tagħtina l-grazzja li ngħixu l-Vanġelu fil-pronfondità, tiegħu speċjalment fil-għixien ta’ l-umiltà u spirtu ta’ maħfra lejn l-għedewwa. In-nisrani huwa msejjaħ ukoll biex iħobb il-proxxmu tiegħu b’imħabba kbira
- Għixien tal-Misteru ta’ l-Għid. . . . . “Bil-magħmudija, il-bnedmin jidħlu fil-misteru paskwali ta’ Kristu”.9 Dan ifisser li n-nisrani jrid jmut għax-xewqat ħżiena li jwasslu għad-dnub, mhux b’sens ta’ telf, iżda ta’ wieħed ta’ rebħ kif ukoll jaċetta minn idejn Alla kull tbatija li jġarrab, konvint li jekk jissieħeb fil-misteru paskwali se jqum żgur għall-ħajja ta’ dejjem. San Pawl jesprimi t-tisħib tal-magħmudija fil-misteru paskwali b’dan il-mod: “Ma tafux li aħna li tgħammidna fi Kristu, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija, sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.” 10
B’dan il-mod il-magħmudija ssir sfida li n-nisrani għandu jgħix filwaqt li jkun jqiegħed pedament sod għal vokazzjonijiet oħra.
- Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, paragrafu 1255.
- Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, paragrafu 1245.
- Santu Wistin, L-Istqarrijiet, Malta 1989 p.242.
- Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, paragrafu 1267.
- I Korintin 12, 13.
- Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, paragrafu 1270.
- Sacrosanctum Concilium, 6.
- Rumani 6, 3-4.
Biblijografija.
Forte, Bruno. Introduzzjoni Qasira għall-fidi. Malta (1997).
Barbaglio, Giuseppe u Dianich, Severino. Nuovo Dizionario di Teologia. Torino (1988)
Ratzinger, Joseph. Principles of Catholic Theology. San Francisco (1989).
Schembri Guido, Is-Sagramenti f’Ħajjitna, Gozo (2000).
Schmaus Michael, The Church as Sacrament (Dogma 5), London (1975).
De Lubac Henri, The Christian Faith, San Francisco (1986).