Home > Rivista Pastor > Ħarsa Pastorali lejn l-Ewkaristija

Ħarsa Pastorali lejn l-Ewkaristija


Il-Ġimgħa, 15 ta’ Settembru 2017. Dan l-artiklu kien publikat fir-Rivista Pastor snin ilu matul il-Pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II.  Jiddispjeċina li fil-mument la għandna dettalji tal-Awtur u lanqas ta’ data tal-publikazzjoni.  Malli jkollna dawn id-dettalji ninkluduhom ukoll.   Ċerti li minkejja ż-żmien li għadda, dak li hawn miktub għadu u jibqa rilevanti.

L-Ewkaristija hija ċ-ċentru kemm tal-ispiritwalità personali kif ukoll tal-Knisja kollha. Għalhekk, nistudjaw kemm nistudjaw fil-fond dan il-misteru qatt ma jkun biżżejjed. Dejjem insibu l-ġdid għax dan is-sagrament huwa l-istess ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Qabel il-Konċilju, meta n-nisrani komuni kien jisma’ l-kelma Ewkaristija, moħħu kien jassoċjaha ma l-ostja fit-tabernaklu jew mat-tqarbin. Għalkemm din l-idea hija tajba, madankollu hija marbuta ma konċezzjoni wisq statika tal-Ewkaristija. Forsi din l-mentalità  ġejja mit-tifisir strett li kien jiġi mogħti lill-kelma ‘transustanzazzjoni’. Illum, għad li sar ħafna żvilupp, jista’ jkun li baqa’ residwi u traċċi ta’ din l-mentalità, li għalkemm hija tajba u tista’ tkun devota ħafna, madankollu hija nieqsa mill-iżvilupp li sar mill-Konċilju Vatikan II sal-lum.

Nistgħu ngħidu li l-Padri Konċiljari kienu influwenzati mill-istudji Patristiċi, Bibliċi, Liturgiċi  u Ekumeniċi. Dan kollu ġab orjentament fil-Knisja li huwa għani ħafna fil-ħsieb u li ma nistgħux ma nagħtux kasu. Naturalment, il-Katekiżmu tal-Knisja bena t-tagħlim tiegħu fuq dak li qal l-Konċilju. Għalhekk ma nistgħux noffru katekeżi Ewkaristika  soda u mġedda jekk ma naqbdux  f’idejna l-Bibbja u s-Santi Padri.

San Pawl, fl-ewwel ittra lill-Korintin, jispjegalna l-implikazzjonijiet fraterni tal-Ewkaristija. Huwa qiegħed jitkellem f’sitwazzjoni partikulari u għalhekk it-tagħlim tiegħu huwa prattiku ħafna. Is-sinjuri ta’ Korintu kienu jagħmlu ikla kbira u sakemm jiġu l-foqra ma kien jibqa’ xejn u kienu jiskużaw lilhom infushom billi jgħidu li l-fqar kienu se jieklu mill-ikla tal-Mulej. Għalhekk, San Pawl ma ċanfarhomx talli kienu jiċċelebraw ħażin l-Ewkaristija, iżda għall-ħajja tagħhom li ma kenitx taqbel ma dak li kienu qegħdin jiċċelebraw. Għal San Pawl, l-Ewkaristija mhix ċelebrazzjoni biss u mbagħad il-membri tal-komunità li jkunu ħadu sehem fiha jagħmlu bil-maqlub. Fil-komunità ta’ Korintu, s-sinjuri kienu jiddiskriminaw il-foqra fl-istess Ewkaristija “Għax kull wieħed iġib, jaqbad u jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-guħ u l-ieħor fis-sakra” (1 Korintin 11,21).

Fil-Knisja tal-bidu kien hemm atteġġjament ta’ rispett, imma l-attenzjoni ma kenitx iffokata fuq is-sagrament daqskemm fuq l-iskop tal-Ispeċi Ewkaristiċi (Domenico Sartore-Achille M. Triacca, Nuovo Dizionario di Liturgia, Torino (1988) p 472).

Id-Didache jara fil-ħobż simbolu ta’ unità  għax huwa magħmul mis-sbul li jkun imxerred fuq il-għoljiet, imbagħad jintaħan u jsir ħaġa wahda. San Ġwann Krisostmu u Santu Wistin żvilluppaw l-idea ekklesjali ta’ dan is-sagrament “Huwa l-misteru tagħkom li tpoġġa fuq l-altar tal-Mulej. Huwa l-misteru tagħkom li intom qegħdin tirċievu”  (Santu Wistin, Serm. 272).

Il-Padri tal-Knisja, għalkemm rabtu bis-sħiħ l-Ewkaristija mas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib, dejjem żammew f’moħhom imma l-konsegwenzi soċjali ta’ dan is-sagrament. Dan għamlu partikularment San Ġwann Grisostmu, “ l-altar huwa magħmul mill-ġisem stess ta’ Kristu, u dan il-ġisem huwa għalikom il-ħaġra tas-sagrifiċċju” (San Ġwann Grisostmu, In 2 Cor.hom. 20, 3). San Ġustinu, li offrielna l-ewwel rakkont ta’ kif kienet issir l-Ewkaristija, jgħidilna li “kienu jinghataw l-ikel Ewkaristiku mingħajr ma kienu jiġu minsija dawk li ma kinux preżenti” (San Ġustinu, 1 Apologia, 65-67).

Għal dawn ir-raġunijiet d-duttrina Patristika hija għanja ħafna. Il-Padri kienu jemmnu bis-sħiħ li fis-sagrament tal-altar hemm taħt il-ħobż u l-inbid Sidna Ġesù Kristu. Imma ma kenux jieqfu hawn biss iżda kienu jaraw x’effetti għandha l-Ewkaristija partikularment mal-għaqda tal-Knisja.

San Tumas D’Aquino jispjega wkoll li l-Ewkaristija hija l-għaqda tal-Knisja. Fis-Summa Teoloġija huwa jistaqsi: Għaliex Kristu ma għażilx id-demm tal-annimali biex ifakkruna aktar fil-passjoni tiegħu? Huwa jwieġeb: “Għalkemm id-demm ta’ l-annimali maqtula jirrapreżenta l-passjoni aktar bil-qawwi, madankollu hija anqas konvenjenti għall-użu komuni ta’ dan is-sagrament, u sabiex jispjega l-unità  tal-Knisja” (Summa Teologiae Part III, Q 74 1).

It-taghlim tal-Bibbja u tas-Santi Padri għandu jkun stimolu għalina biex il-katekeżi nibnuha fuq bażi soda b’tali mod li tkun rilevanti għall-bniedem modern.

L-Ewkaristija u l-għaqda tal-Parroċċa: Illum qegħdin ngħixu f’soċjetà xjentifika, filwaqt li qegħda tinħakem mis-sekularizzazzjoni. Għalhekk il-punt ta’ riferiment tal-parroċċa għandha tkun l-Ewkaristija. Huwa dan is-sagrament li jgħaqqad lill-komunità flimkien bħala xi ħaġa waħda. Forsi għad baqa’ l-idea fost il-poplu li l-quddiesa hija s-sagrifiċċju ta’ Kristu mis-saċerdot biss. Tajjeb li nispjegawlhom li s-saċerdot qiegħed iqaddes mhux biss f’ismu iżda f’isem il-komunità, ukoll jekk ma jkunx hemm nies miġbura. Il-quddiesa, barra li hija s-sagrifiċċju ta’ Kristu hija wkoll is-sagrifiċċju tal-Knisja.

Ser insemmi xi punti oħra li tista’ tinbena fuqhom, katekeżi b’lingwaġġ lill-bniedem ta’ llum. L-ewwelnett, il-quddiesa hija impenn: Irridu ngħallmu lill-poplu li mhux biżżejjed li jattendi għall-quddiesa li hija indispensabbli, jekk dan is-sagrament ma jwassalx lill-individwu biex jgħix ħajja aktar nisranija u li jkun sinjal ta’ għaqda kull fejn ikun. X’jiswa jekk wieħed jirċievi dan is-sagrament jekk fil-komunità parrokkjali li jkun qiegħed jgħix ma jkunx sinjal ta’ għaqda? F’kelma oħra, ma jkunx qieghed jgħix l-Ewkaristija fis-sens proprju tagħha li waqqafha Sidna Ġesù Kristu.

L-Ewkaristija u x-xogħol: L-offerti tal-quddiesa huma l-ħobż u l-inbid. Għall-mentalità tal-bniedem Lhudi, l-ħobż u l-inbid kienu l-ikel u x-xorb tiegħu li tant kien iħobb. L-inbid kellu sinjifikat qawwi fil-mentalità  tal-kultura Lhudija u kien ifisser ferħ. Fil-fatt, Sidna Ġesu Kristu l-ewwel miraklu għamlu f’Kana tal-Galileja. Hekk il-ħobż u l-inbid huma offerti ta’ soċjetà agrikola u primittiva. Illum, għaliex qegħdin ngħixu f’soċjetà  industrijalizzata, post moderna, kompjuterizzata u teknoloġika, jista’ jiġri li dawn l-offerti ma jinftehmux biżżejjed.

Għalhekk, l-Ewkaristija tfisser impenn fix-xogħol ta’ kuljum li jrid isir aktar b’imħabba lejn Sidna Ġesù Kristu, sew jekk ikun ta’ natura pastorali, intellettwali, kateketika kif wkoll xogħol manwali. Fid-dawl tal-Ewkaristija kull xoghol jikseb id-dinjità tiegħu biex iġib dinja aħjar u aktar ġusta. Fil-fatt, l-univers kożmiku mingħajr ma jaf għandu fiċ-ċentru tiegħu wkoll l-Ewkaristija. Hemm relazzjoni wkoll fil-qrib bejn l-Ewkaristija u d-dinja. Teilhard de Chardin  fil-viżjoni mistika tiegħu, iddeskriva  l-univers f’lingwaġġ  Ewkaristiku.( P.Teilhard de Chardin, La messe sur le monde f’Hymne de ‘univers, Parigi, Seuil 1961).

Hekk l-Ewkaristija hija l-ġisem u d-demm ta’ Kristu filwaqt li hija impenn għall ħajja aktar nisranija, għall-għaqda,  impenn favur il-foqra u għal dinja aħjar filwaqt li hija l-istennija tat-tieni miġja tal-Mulej.

Bibliografija

Karl Rahner, Theological Investigations, Vol. VII: Further Theology of Spiritual Life, New York 1871.

Dizionario Patristico e di  Antichità Cristiane, III,  diretto da  Angelo Di Berardino,  Genova 1983.

Jean-Hervè Nicholas, Dalla Trinità alla Trinità , II,  Città del Vaticano 1992.

Dizionario Enciclopedico di Spiritualità, II , a cura di Ermanno Ancilli, Roma 1990.

Giuseppe Barbaglio-Severino Dianich, Nuovo Dizionario di  Teologia, Torino 1988.

Documento Pastorale dell’Episcopato Italiano, Comunione e Comunità Roma 1984.

Categories: Rivista Pastor
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: