Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Minjiera Agostinjana

Minjiera Agostinjana


Is-sena skolastika qiegħdha, tista’ tgħid, wara l-bieb. Dan ifisser li anki s-sena akkademika Agostinjana, 2017-2018, waslet biex tibda’ wkoll. Il-laqgħat tad-diversi korsijiet li se jsiru matul din is-sena akkademika se jsiru fl-Istitut Agostinjan, G’Mangia Hill, Pietà.

It-tema ewlenija ta’ din is-sena għall-Kors għal Kulħadd se tkun L-Ereżija u L-Ortodossija mis-Sekli 1 sa 6. Għal dan il-għan se jkun hemm għaxar laqgħat li se jittrattaw dan is-suġett tabilħaqq interessanti u mportanti fil-mixja tal-fidi Nisranija. Nhar il-Ġimgħa, 6 t’Ottubru, fis-6.35 pm, se ssir il-Quddiesa tal-ftuħ tas-Sena Akkademika 2017-2018. Din se titqaddes mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech OSA. Wara l-quddiesa Kardinal Grech se jagħti lecture bl-isem Criteria for heresy and orthodoxy in the Early Church. Din it-taħdita se ssir fis-sala tal-Istitut Agostinjan fil-Pietà. Imbagħad nhar il-Ġimgħa, 13 t’Ottubru 2017, Dr Nadia Delicata PhD (Tor.) se tagħti taħdita interessanti ħafna dwar il-pnewmatoloġija fix-xogħlijiet ta’ Sergei Bulgakov (1871-1944).

Il-Ġimgħa ta’ wara, jiġifieri fl-20 t’Ottubru, id-Dottsa Ritienne Debono MD FRCP, se tagħti taħdita dwar Oriġene bejn qaddis u eretiku. Nhar is-27 t’Ottubru ir-Revdu Kan. Dr Jonathan Farrugia SThD se jitħaddet dwar Missirjiet tal-Knisja Kappadoċi u l-ereżiji ta’ żmienhom. Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru, ir-Revdu Professur Dun Hector Scerri SThD (Greg.), se jagħti xi riflessjonijiet dwar Atanasju ta’ Lixandra kontra l-Arjaniżmu. Is-sitt lezzjoni tal-kors, li se tkun nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru, ir-Revdu Professur Martin Zammit PHD se jitkellem dwar l-ereżija fil-ġrajja tal-Knejjes tal-Lvant Nisrani mis-seklu 1 sas-seklu 6.

Is-seba’ taħdita tal-Kors għal Kulħadd se tlaqqagħna ma’ Santu Wistin u l-Pelaġjaniżmu. Din se ssir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Novembru mir-Revdu Prof. Patri Salvinu Caruana OSA SThD (Melit.). Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Novembru, Dr Pauline Dimech PhD (Durham) se titħaddet dwar nisa eretiċi matul il-ġrajja Nisranija mis-sekli 1 sa 6. Fil-waqt li nhar il-Ġimgħa, 1 ta’ Diċembru, ir-Revd Pierre Desira OSA SThL (Aug.), se joffri xi riflessjonijiet dwar Santu Wistin u d-Donatiżmu fl-Afrika ta’ Fuq. Il-Kors għal Kulħadd jiġi fit-tmiemu bl-aħħar taħdita li se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Diċembru mir- Revdu Prof. Patri Salvinu Caruana OSA SThD (Melit.). Din se titratta fuq Santu Wistin u s-SemiPelaġjaniżmu.

Bħas-snin l-imgħoddija anki din is-sena l-Istitut Agostinjan se joffri bħas-soltu s-sensiela ta’ lectures bit-titlu Lectio Augustini. Din is-sena it-test tat-traduzzjoni għall-Malti li se jiġi ittrattat fil-fond m’huwa xejn għajr il-kapovalur ta’ Santu Wistin De Doctrina Christiana. Bl-Ilsien Malti It-Tagħlim Nisrani. Ix-xogħol tat-traduzzjoni hu ta’ Patri Salvinu Caruana OSA. It-tmien laqgħat, li ilkoll se jkunu ta’ sagħtejn ‘il waħda, jiġifieri mis-6.00 pm sat-8.00 pm, se jsiru kull nhar ta’ Ġimgħa f’dawn id-dati li ġejjin: fid-19 ta’ Jannar, fis-26 ta’ Jannar, fit-2 ta’ Frar, fid-9 ta’ Frar, fis-16 ta’ Frar, fit-23 ta’ Frar, fit-2 ta’ Marzu. Nhar il-Ġimgħa d-9 ta’ Marzu se titqaddes u ssir ċerimonja tat-Tqassim ta’ ċertifikat ta’ Attendenza lill-parteċipanti li jkunu ħadu sehem f’dawn il-korsijiet.

Il-lezzjoni tat-tieni edizzjoni tas-City of God Seminar (2018), se tingħata mill-Em. T. il-Kardinal Prospero Grech OSA, nhar il-Ħamis, 5 t’Ottubru 2017, fis-6.30 pm ġewwa s-Sala S. Wistin fl-Istitut Agostinjan, G’Mangia Hill, Pietà. Is-suġġett li se jittratta l-Kardinal Grech huwa The Social & Political Environment of the Gospels. Se jkun qed imexxi din is-serata r-Revdu Dr Pawlu Sciberras.

Laqgħa oħra interessanti li se sseħħ tul din is-sena akkademika fl-Istitut Agostinjan hija dik li se ssir nhar il-Ħamis 19 t’Ottubru ġewwa s-sala tal-Millennium Chapel,f’Paceville, fis-7.30pm. Hawnhekk il-Professur Salvinu Caruana OSA, id-Direttur tal-Istitut Agostinjan – Pietà, se jagħmel taħdita bit-titlu Dr Martin Luther’s Use of Augustine on Grace and Free Will in On the Bondage of the Will. L-għan ewlieni ta’dan il-lecture hu sabiex jitfakkru l-500 sena mir-Riforma Protestanta Luterana. Dħulgħal dan il-lecture se jkun b’xejn. Kulħadd huwa milqugħ. Wara l-lecture jkun hemm bibita.

L-21 edizzjoni tal-Annual Saint Augustine Lecture 2018 sejjer jingħata mill-Prof. Dr Theodore Dieter tal-Università ta’ Strasbourg dwar The Presence of Augustine of Hippo’s Thought in Dr Martin Luther’s Heidelberg Disputation (1518). Dan il-lecturese ssir ġewwa l-GW Hall E tal-Università ta’ Malta, nhar it-Tlieta 5 ta’ Diċembru 2017 fis-7.00pm. Ir-Revdu Prof. Hector Scerri se jmexxi s-serata. Il-Prof. Dieter se jagħtilecture ieħor fis-Sala tal-Istitut Agostinjan nhar il-Erbgħa 6 ta’ Diċembru 2017 fis-6.15pm.

Tajjeb jekk issa nagħtu ftit ħarsa lejn iż-żewġ kelliema ewlenin f’din is-sena akkademika. Jiġifieri l-Kardinal Prospero Grech OSA u l-Prof. Dr Theodore Dieter.
Il-Kardinal Grech OSA twieled nhar it-23 ta’ Diċembru 1925. Studja fil-Liċeo. Fl-1943 issieħeb fl-Ordni Agostinjan. Ġie ordnat saċerdot fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma fl-1950. Tul it-Tieni Gwerra Dinjija Grech kien gunner fir-Royal Malta Artillery. Imbagħad huwa studja l-filosofija fil-Kunvent San Mark ir-Rabat u t-teoloġija fil-Kulleġġ ta’ Santa Monika f’Ruma. Fl-1953 Patri Grech kiseb id-dottorat fit-Teoloġija mill-Università Gregorjana f’Ruma. Fl-1954 kiseb ukoll il-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa mill-Istitut Pontifiċju Bibbliku. Fl-1951 Patri Grech kiseb id-diploma fl-Educational Psychology minn Fribourg, fl-Iżvizzera. Huwa għamel riċerki fl-Ilsna Semitiċi fl-universitajiet ta’ Oxford (1957-1958) u f’dik ta’ Cambridge (1958-1959). Fl-istess sena Patri Grech ġie maħtur għalliem fil-Kulleġġ tat-teoloġija fir-Rabat. Huwa serva wkoll bħala segretarju fil-Vikarjat tal-Vatikan u professur fl-Augustinianum f’Ruma. Wieħed mid-dmirijiet ewlenin li kellu Patri Grech OSA f’Ruma kien li jlibbes lil Papa Ġwanni XXIII u lil Pawlu VI għall-funzjonijiet reliġjużi.

Fl-1970, flimkien ma’ Patri Agostino Trapè OSA, Patri Grech waqqaf l-Institutum Patristicum Augustinianum. Dan l-istitut huwa maqgħud mal-Università Laterana f’Ruma. Huwa serva bħala l-president tiegħu bejn l-1971 sal-1979. Patri Grech għallem l-ermenewtika ‘il fuq minn tletin sena fl-Istitut Pontifiċju Bibbliku. Kien ukoll professur tat-Teoloġija Bibblika fl-Università tal-Laternan f’Ruma. Insibuh ukoll kunsillier għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi u Segretarju tal-Provinċja Agostinjana Maltija. Patri Grech għallem fl-Accademia dei Lincei f’Ruma u fil-Consiglio Nazionale delle Ricerche. Huwa ikkollabora mal-Enciclopedia Italiana Treccani. Nhar it-13 ta’ Diċembru 2011 Patri Grech kien maħtur kumpann ta’ l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu tar-Repubblika ta’ Malta. Papa Emeritu Benedittu XVI għamlu Kardinal nhar it-18 ta’ Frar 2012. Il-motto Kardinalizju tal-Kardinal Grech huwa In te Domine speravi. L-Em. T. Il-Kard. P. Grech OSA huwa kardinal djaknu tal-Knisja ta’ Santa Maria Goretti f’Ruma.

Professur Theodor Dieter huwa magħruf għall-idejat inċisivi tiegħu fil-ħajja intelletwali taż-żgħażugħ Luteru. Ma ninsewx li fil-ħajja ta’ Martin Luteru kemm il-filosfu Aristotile u anki l-filosofija skolastika kellhom tabilħaqq rwol importanti. Professur Dieter huwa l-arkitett prinċipali ta’ kważi kull test tad-djalogu Luteran-Kattoliku f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Huwa professur tar-riċerka u anki kap tal-Istitut għar-Riċerka Ekumenika fi Strasbourg.

Il-prospectus tas-sena akkademika 2017-2018 jista’ jintalab b’xejn lil P. Salvinu Caruana OSA f’PO Box 61 Msida MSD 1000. Għal aktar tagħrif ikteb: salvino.caruana@um.edu.mt / caruana.salvino@gmail.com.mt / jew żur il-website http://www.agostinjani.org/mt/kalendarju-tal-attivitajiet/istitut-agostinjan-istudji-u-ricerka.html

Ibbenifika int ukoll minn din il-minjiera ta’ informazzjoni u formazzjoni Agostinjana!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: