Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Nedukaw għat-tama


33. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 20 ta’ Settembru 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-katekeżi tal-lum għandha bħala tema: “Nedukaw għat-tama”. U għalhekk jien se nagħtiha billi nindirizzakom direttament, bl-“inti”, għax nistħajjilni qed nitkellem bħala edukatur, bħala missier lil żagħżugħ, jew lil kull persuna oħra li moħħha miftuħ biex titgħallem.

Aħseb ftit; hemm fejn Alla żergħek, ittama! Dejjem ittama.

Iċċedix għal-lejl: ftakar li l-ewwel għadu li trid tqiegħed taħtek mhux qiegħed barra minnek: jinsab fik. Għalhekk, tagħtix spazju lil ħsibijiet koroh, mudlama. Din id-dinja hi l-ewwel miraklu li għamel Alla, u Alla qiegħed f’idejna l-grazzja ta’ għeġubijiet ġodda. Fidi u tama jimxu flimkien. Emmen fl-eżistenza tal-veritajiet l-iżjed għolja u sbieħ. Afda f’Alla l-Ħallieq, fl-Ispirtu s-Santu li jċaqlaq kollox lejn it-tajjeb, fit-tgħanniqa ta’ Kristu li qed jistenna lil kull bniedem fi tmiem ħajtu; emmen li hu qed jistennik. Id-dinja timxi grazzi għall-ħarsa ta’ tant bnedmin li fetħu xquq, li bnew pontijiet, li ħolmu u emmnu; imqar meta madwarhom kienu jisimgħu kliem ta’ tmaqdir.

Qatt taħseb li t-taqbida li qed tagħmel hawn isfel hi għalkollox bla siwi. Fl-aħħar tal-ħajja m’hemmx nawfraġju jistenniena: fina hemm tbaqbaq żerriegħa tal-assolut. Alla ma jqarraqx bina: jekk qiegħed tama f’qalbna, ma jridx ikissirha bi frustrazzjonijiet kontinwi. Kollox jitwieled biex iwarrad f’rebbiegħa eterna. Anki Alla lilna ħalaqna biex inwarrdu. Qed niftakar f’dak id-djalogu, meta s-siġra tal-ballut talbet lis-siġra tal-lewż: “Kellimni dwar Alla”. U l-lewża warrdet.

Kull fejn tkun, ibni! Jekk int mixħut fl-art, qum! Qatt tibqa’ fl-art, qum, ħalli lil min jgħinek terġa’ fuq saqajk. Jekk int bilqiegħda, aqbad miexi! Jekk id-dwejjaq tiegħek qed iwaħħlek, keċċih bl-opri tajba! Jekk tħossok vojt u demoralizzat, itlob li l-Ispirtu s-Santu jista’ mill-ġdid jimla x-xejn tiegħek.

Ħabrek għall-paċi fost il-bnedmin, u tismax il-leħen ta’ min ivenven mibegħda u firdiet. Tismagħhomx dawn l-ilħna. Il-bnedmin, huma kemm huma differenti minn xulxin, ġew maħluqa biex jgħixu flimkien. Fejn hemm id-differenzi, stabar: jum wieħed għad tiskopri li f’kull persuna hemm maħżuna biċċa mill-verità.

Ħobb lill-persuni. Ħobbhom wieħed wieħed u waħda waħda. Irrispetta l-mixja ta’ kulħadd, sew jekk hi dritt u sew jekk imqallba, għax kulħadd għandu storja tiegħu x’jirrakkonta. Imqar kull wieħed u waħda minna għandu l-istorja tiegħu x’jirrakkonta. Kull tarbija li titwieled hi l-wegħda ta’ ħajja li għal darb’oħra turi li hi iktar felħana mill-mewt. Kull imħabba li titnissel hi qawwa ta’ bidla li tixxennaq għall-hena.

Ġesù tana dawl li jilma fid-dlam: ħarsu, ipproteġih. Dak id-dawl waħdieni hu l-ikbar għana fdata lilek fil-ħajja tiegħek.

U fuq kollox, oħlom! Tibżax toħlom. Oħlom! Oħlom dinja li għadek m’intix tara, imma li żgur għad tasal. It-tama twassalna biex nemmnu fl-eżistenza ta’ ħolqien li dejjem jitwessa’ sa ma jasal għat-twettiq sħiħ tiegħu, meta Alla jsir kollox f’kulħadd. Il-bnedmin li għandhom ħila jimmaġinaw irregalaw lill-bniedem kixfiet xjentifiċi u teknoloġiċi. Ferqu l-oċeani, terrqu fuq artijiet li qatt ħadd ma kien għadu rifes fuqhom. Il-bnedmin li kkultivaw it-tamiet huma wkoll dawk li għelbu l-jasar, u ġabu kundizzjonijiet ta’ ħajja aħjar fuq din l-art. Aħseb f’dawn il-bnedmin.

Kun responsabbli ta’ din id-dinja u tal-ħajja ta’ kull bniedem. Ftakar li kull inġustizzja kontra fqir hi ġerħa miftuħa, u tnaqqas mill-istess dinjità tiegħek. Il-ħajja ma tiqafx mal-eżistenza tiegħek, u f’din id-dinja għad jiġu ġenerazzjonijiet oħra wara tagħna, u tant oħrajn warajhom. U ta’ kuljum itlob lil Alla d-don tal-kuraġġ. Ftakar li Ġesù għalina għeleb il-biża’. Hu rebaħ fuq il-biża’! L-ikbar għadu qarrieq tagħna ma għandu saħħa ta’ xejn kontra l-fidi. U meta ssib ruħek imbeżża’ quddiem xi diffikultà tal-ħajja, ftakar li int ma tgħixx biss għalik innifsek. Fil-Magħmudija ħajtek diġà ġiet mgħaddsa fil-misteru tat-Trinità u int kollok kemm int ta’ Ġesù. U jekk jum wieħed jieħdok il-biża’, u int taħseb li l-ħażen hu kbir wisq biex tista’ tħabbatha miegħu, aħseb biss li Ġesù jgħix fik. U huwa hu li, permezz tiegħek, bil-ħlewwa tiegħu jrid iqiegħed l-għedewwa kollha tal-bniedem taħt riġlejh: id-dnub, il-mibegħda, il-kriminalità, il-vjolenza; l-għedewwa kollha tagħna.

Ħa jkollok dejjem il-kuraġġ tal-verità, imma ftakar: int m’int superjuri għal ħadd. Ftakru dan: m’inti aqwa minn ħadd. Li kieku int kellek tkun anki l-aħħar wieħed li emmint fil-verità, minħabba f’hekk taħrabx mistħi mill-kumpanija tal-bnedmin. Imqar li kellek tgħix fis-silenzju ta’ eremitaġġ, ġorr f’qalbek it-tbatijiet ta’ kull ħlejqa. Int Nisrani; u fit-talb agħti kollox f’idejn Alla.

U żomm ħajja fik l-ideali. Għix għal xi ħaġa li tmur lil hemm mill-bniedem. U jekk jum wieħed dawn l-ideali kellhom jitolbuk tħallas kont għoli, tiqafx iġġorrhom f’qalbek. Il-fedeltà kollox tikseb.

Jekk tiżbalja, erġa’ qum: xejn ma hu iżjed uman milli wieħed jiżbalja. U dawk l-istess żbalji m’għandhomx isiru ħabs għalik. Tinqafilx fl-iżbalji tiegħek. L-Iben ta’ Alla ma ġiex għal min hu b’saħħtu, imma għall-marid: mela ġie għalik ukoll. U jekk sa terġa’ tiżbalja ’l quddiem, tibżax, int erġa’ qum! Taf għaliex? Għax Alla hu ħabib tiegħek.

Jekk tħossok mifni bid-dwejjaq, emmen bil-qawwa kollha fil-persuni li qed jaħdmu għat-tajjeb: fl-umiltà tagħhom hemm iż-żerriegħa ta’ dinja ġdida. Fittex il-kumpanija tal-persuni li żammew qalbhom bħal dik tat-tfal. Tgħallem mill-ġmiel, żomm ħaj is-sens ta’ stagħġib.

Għix, ħobb, oħlom, emmen. U, bil-grazzja ta’ Alla, qatt taqta’ qalbek.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s