Ħafna drabi l-Kattoliċi jiskandaliżżaw ruħhom minħabba l-Ħniena


Il-Ħamis, 21 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-bieb li minnu niltaqgħu ma’ Ġesù hu li nagħrfu li aħna midinbin, qal il-Papa dalgħodu fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta. L-omelija kienet dwar is-sejħa ta’ Mattew minħabba li llum il-Knisja tiċċelebra t-tifkira tiegħu. Dan l-episodju kien pinġieh Caravaggio fi nkwatru li hu ħafna għal qalb il-Papa Franġisku.

 

L-istorja hi mqassma fi tliet passi: il-laqgħa, il-festa, l-iskandlu, beda jgħid il-Papa. Ġesù kien fejjaq paralitiku u jiltaqa’ ma’ Mattew bilqiegħda wara l-bank tat-taxxi. Dan kien iġiegħel lill-poplu ta’ Iżrael iħallas it-taxxi biex imbagħad jgħaddihom lir-Rumani. Minħabba f’hekk hu kien mistmerr u meqjus traditur tal-patrija.

Ġesù ħares lejh u qallu: ‘Ejja warajja.’ U Mattew qam minn fejn kien u mar warajh, kif jirrakkuntalna l-Vanġelu tal-lum. Minn naħa, fil-kwadru ta’ Caravaggio, issokta l-Papa, għandna l-ħarsa ta’ Mattew, ħarsa nieqsa mill-fiduċja – minn naħa kien qed iħares fil-ġenb, bl-għajnejn ta’ Alla, u mill-oħra kien qed iħares lejn il-flus, b’ħarsa ta’ fastidju.

Min-naħa l-oħra hemm il-ħarsa mimlija ħniena ta’ Ġesù – osserva l-Papa – ħarsa li kienet mimlija mħabba. Ir-reżistenza ta’ dak il-bniedem li kien marbut mal-flus iċċedi: huwa jqum u jimxi wara Ġesù. Din hija t-taqbida bejn il-ħniena u d-dnub, kompla josserva Franġisku.

L-imħabba ta’ Ġesù setgħet tidħol f’qalb dak il-bniedem għax hu kien jagħraf lilu nnifsu bħala midneb; kien jaf li ħadd ma kien iħobbu, anzi kienu jiddisprezzawh. U proprju dak l-għarfien li hu midneb fetaħlu l-bieb għall-ħniena ta’ Ġesù. Għalhekk ħalla kollox u telaq. Din hija l-laqgħa bejn Ġesù u l-midneb.

L-ewwel kundizzjoni biex aħna nsalvaw hi li nħossuna fil-periklu; l-ewwel kundizzjoni biex infiqu hi li nħossuna morda. U li nħossuna midinbin hi l-ewwel kundizzjoni biex aħna nkunu nistgħu nirċievu din il-ħarsa ta’ ħniena.

Naħsbu ftit dwar il-ħarsa ta’ Ġesù, tant sabiħ, tant twajjeb, tant ħanin. U aħna wkoll, meta nkunu qegħdin nitolbu nħossu din il-ħarsa fuqna; il-ħarsa ta’ mħabba, il-ħarsa ta’ ħniena, il-ħarsa li ssalva. Ma nibżgħux.

Mattew, l-istess bħal Żakkew, iħossu hieni u jistieden lil Ġesù f’daru għall-ikel. It-tieni fażi hi proprju l-festa. Mattew stieden lil ħbiebu, dawk tal-istess qatgħa tiegħu, midinbin u pubblikani. Żgur li fuq il-mejda kienu jagħmlu mistoqsijiet lil Ġesù li kien iweġibhom.

Dan, innota l-Papa, ifakkarna f’dak li qal Ġesù fil-kapitlu 5 ta’ Luqa: ‘Ikun hemm aktar ferħ fis-sema għal midneb li jindem milli għal mija li jkunu ġusti.’ Hija l-festa tal-laqgħa mal-Missier, il-festa tal-ħniena. Infatti Ġesù hu ħali fil-ħniena għal kulħadd, afferma Franġisku.

Imbagħad hemm it-tielet fażi: dik tal-iskandlu. Il-Fariżej jaraw lill-pubblikani midinbin flimkien ma’ Ġesù fuq il-mejda, u lill-Appostli jgħidulhom: ‘L-Imgħallem tagħkom jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?’

Hija din il-frażi li dejjem tagħti bidu għall-iskandlu. Fiha nfisha hi n-nuqqas li wieħed jimxi mal-liġi, allura jsir impur. Dawn in-nies kienu jafu d-duttrina sewwa, kienu jafu kif u fejn għandek timxi biex tasal għas-Saltna t’Alla, kienu jafu x’għandhom jagħmlu aħjar minn kulħadd, imma kienu nsew l-ewwel kmandament: l-imħabba.

B’hekk kienu magħluqin fil-gaġġa tas-sagrifiċċji u forsi kienu jaħsbu: ‘Nagħmel dan is-sagrifiċċju lil Alla, nimxi mar-regoli u b’hekk insalva.’ Fi kliem ieħor kienu jaħsbu li s-salvazzjoni kienet tiddependi minnhom, kienu jħossuhom ċerti.

Le!, saħaq il-Papa. Huwa Alla li jsalvana; isalvana Ġesù Kristu.

Kemm-il darba smajna lil fidili Kattoliċi jgħidu: ‘Imma kif?’ kull meta jaraw xi opra tal-ħniena. ‘Imma kif?’ U Ġesù hu ċar ħafna: ‘Mur u tgħallem.’ U bagħathom jitgħallmu. ‘Morru u tgħallmu xi tfisser il-ħniena għax jien ħniena rrid mhux sagrifiċċji, għax jien ġejt insejjaħ lill-midinbin mhux lill-ġusti.’ Jekk int trid li Ġesù jsejjaħlek, qal Franġisku, għandek tammetti li int midneb.

Allura l-Papa ħeġġiġna biex nagħrfu li aħna midinbin, mhux fl-astratt imma fil-konkret, għax ilkoll kemm aħna għandna d-dnubiet. Inħallu lil Ġesù jħares lejna b’dik ħarstu mimlija ħniena u mħabba, issokta l-Papa, u reġa’ dar fuq it-tema tal-iskandlu.

Huwa qal li huma bosta – minn dejjem kienu u għadhom sal-lum fil-Knisja – dawk li jgħidu: ‘Le, ma tistax, kollox huwa ċar….’ Dawk huma midinbin u rridu ntellquhom ‘il hemm. Kien hemm ħafna qaddisin li sfaw ippersegwitati u ssuspettati. Niftakru f’Giovanna d’Arco, li ntbagħtet biex tinħaraq għax kienu jaħsbu li kienet saħħara u għalhekk ikkundannawha.

Ftakru f’Santa Tereża, li kienu jissuspettaw li kienet eretika, ftakru fil-Beatu Rosmini. ‘Ħniena rrid mhux sagrifiċċju.’ Il-bieb li ngħaddu minnu biex niltaqgħu ma’ Ġesù hu li nagħrfu kif aħna, nagħrfu l-verità: aħna midinbin. U mbagħad Hu jiġi u niltaqgħu. Hu tant sabiħ li niltaqgħu ma’ Ġesù, temm il-Papa Franġisku!

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.