Għada, is-Sibt 23 ta’ Settembru, hija l-festa ta’ San Piju ta’ Pietrelcina. Il-ħajja ta’ Patri Piju, il-Miġrugħ tal-Monte Gargano, tgħallimni kemm ix-xitan jeżiżti. Jaħdem. U jipprova jfixkel il-pjan ta’ mħabba tal-Missier li għandu għalik u għalija.
Wieħed mill-ewlenin kuntatti ta’ Patri Piju mal-prinċep tad-dlamijiet seħħ fl-1906. Lejl minnhom Patri Piju reġa’ lura lejn il-kunvent ta’ San Elia ta’ Pianisi. F’dak illejl ma setax jagħlaq għajn m’għajn. Is-sħana kienet tabilħaqq qawwija. Huwa sama’ l-passi ta’ xi ħadd li kien donnu ġej mill-kamra ta’ biswitu. Hekk ħaseb Patri Piju: “Milli jidher lanqas Fra Anastasio ma seta’ jorqod”. Xtaqt jgħajtlu bil-għan li jitħaddtu ftit flimkien. Għalhekk Patri Piju mar ħdejn it-tieqa u ipprova jsejjaħ lil ħabibu. Iżda ma setax jitkellem. Fuq il-ħoġor tat-tieqa ta’ biswitu jara kelb daqshiex. Bil-biża’ f’leħnu Patri Piju qal: “Rajt il-kelb il-kbir jidħol mit-tieqa u kellu duħħan ħiereġ minn ħalqu. Jien waqajt fuq is-sodda u smajt leħen mill-kelb li qal: ‘Huwa hu. Huwa hu’. Waqt li kont għadni fuq is-sodda l-annimal qabeż għall-ħoġor tat-tieqa imbagħad għall-bejt u għeb”.
Ix-xitan kien jattakka lil Patri Piju b’għadd ta’ tentazzjonijiet. Anki Patri Agostino ikkonferma li x-xitan kien jidhirlu taħt ħafna forom differenti. “Ix-xitan kien jidher f’għamla ta’ tfajliet żgħar li kienu jiżfnu bla ħwejjeġ, kruċifiss, ħabib żgħażugħ tal-patrijiet, Missier Spiritwali jew bħala l-Patri Provinċjal; bħala Papa Piju X, Anġlu Kustodju, San Franġisk u anki bħala Madonna”. Ix-xitan kien jidhirlu wkoll f’għamliet tal-biża flimkien mal-armata tal-ispirti tal-infern. Kien hemm drabi oħra fejn Patri Piju ġie avviċinat mix-xitan iżda mingħajr ma dehrlu. Kien jiffastidjah minn ħsejjes li jtarrxu u anki kien jimlieh kollu bżieq. Patri Piju seħħlu jeħles minn dawn l-attakki tax-xitan l-għaliex kien isejjaħ l-isem ta’ Ġesù.
It-taqbida bejn Patri Piju u Satana ħraxet sewwa meta Patri Piju kien jeħles erwieħ ipposseduti mix-xitan. Patri Tarcisio minn Cervinara qal hekk: “Aktar minn darba, qabel kien iħalli l-ġisem tal-ippossedut, ix-xitan kien jgħajjat, ‘Patri Piju, int tagħmlilna aktar ħsara minn San Mikiel’. Ukoll, ix-xitan kien jgħajjat: ‘Patri Piju tisraqx l-iġsma minna u aħna ma ndejqukx’”.
Fl-ittri lid-Diretturi Spiritwali tiegħu Patri Piju fisser l-attakki li kien iġarrab mix-xitan. F’waħda minnhom lil Patri Agostino, li ġġib id-data tat-18 ta’ Jannar 1912, Patri Piju kitiblu hekk: “Ix-xitan ma jridx jitlef din il-battalja. Jinħeba taħt ħafna forom. Issa, għal ħafna jiem, deher ma’ ħutu li huma armati bil-bsaten u l-biċċiet tal-ħadid. Waħda mid-diffikultajiet hija li jidhru f’ħafna għamliet. Kien hemm ħafna drabi fejn tefgħuni barra mis-sodda u kaxkruni ‘l barra minn kamarti. Għandi paċenzja madankollu naf li Ġesù, il-Madonna, l-Anġlu Kustodju tiegħi, San Ġużepp u San Franġisk huma dejjem miegħi”.
F’ittra oħra li ġġib id-data tal-5 ta’ Novembru 1912 u li hija indirizzata lil Patri Agostino, Patri Piju kitiblu hekk: “Għażiż Missieri, din hi, bil-ħniena ta’ Alla, it-tieni ittra tiegħi lilek. U tixxiebaħ ma’ tal-ewwel. Jiena ċert li Patri Evangelista diġà infurmak dwar il-gwerra ġdida li x-xjaten, l-apostati impuri, qiegħdin jagħmluli. Missieri, ma jistgħux jirbħu minħabba l-konsistenza tiegħi. Irrid ngħidlek dwar in-nasbiet li jħejjuli u kif jittentawni biex inwarrab is-suġġerimenti tiegħek. Insib li l-ittri tiegħek huma l-uniku komfort tiegħi. U nigglorifika lil Alla li jservu biex ifixkluhom. Ma nistax infissirlek b’liema ħruxija qiegħdin jattakkawni. Xi minn daqqiet naħseb li wasalt biex immut. Nhar is-Sibt ħsibt li tassew riedu joqtluni. Ma kontx naf lil liema qaddis kelli nsejjaħ għall-għajnuna. Dort lejn l-anġlu tiegħi. Iżda hu, apposta, dam ma ġie. Fl-aħħar ġie itir madwari jkanta innijiet lil Alla bil-leħen anġeliku tiegħu. Imbagħad waħda minn dawk ix-xeni tas-soltu seħħet: Jiena widdibtu bil-herra dwar id-dewmien tiegħu meta għajjatlu b’tant ħrara għall-għajnuna. U biex nikkastigah ma ħaristx lejh apposta. U xtaqtu jżomm id-distanza tiegħu. Imma miskin fl-aħħar seraq l-attenzjoni tiegħi l-għaliex beda jibki u meta affaċċjajtu intbaħt li kien iddispjaċieh”.
Ittra oħra tat-18 ta’ Novembru 1912 Patri Piju kiteb hekk lil Patri Agostino: “L-għadu ma riedx iħallini waħdi; il-ħin kollu jattakkani. Jipprova jivvelena lil ħajti bin-nasbiet infernali tiegħu. Imdejjaq li nirrakkuntalek dawn il-fatti. Jissuġġerili li naħbihomlok bħala s-sigriet tagħna. Jgħidli biss biex ngħidlek biż-żjarat tajba li nirċievi. Fil-fatt jgħidli li int tħobb biss dawn l-istejjer. Il-kappillan ġie infurmat fuq il-battalja li qed nagħmel ma’ dawn ix-xjaten. U, b’referenza għall-ittri tiegħek, issuġġerixxa li niftaħ l-ittra biss fil-preżenza tiegħek. Għalhekk, meta l-ewwel ittra tiegħek wasslet jiena mort biex niftaħha fl-uffiċċju tiegħu. Iżda meta ftaħt l-ittra fil-preżenza tal-kappillan sibnieha imċappsa kollha bil-linka. Kienet il-vendetta tax-xitan? Ma nemminx li int se tibgħatli ittra f’dik il-kundizzjoni. Aktar u aktar meta taf li ma narax sewwa. Għall-ewwel ma stajniex naqraw l-ittra. Imma mbagħad meta poġġejna kruċifiss fuqha, stajna naqrawha, almenu parti minnha”.
Nhar it-13 ta’ Frar 1913 Patri Piju bagħat ittra oħra lil Patri Agostino fejn fiha qallu hekk: “Issa, tnejn u għoxrin jum għaddew, sakemm Ġesù ippermetta lix-xjaten biex joħorġu r-rabja tagħhom fuqi. Missieri, ġismi kollu mbenġel mix-xebgħat li irċevejt sallum mill-għedewwa tagħna. Ħafna drabi qattgħuli l-flokk biex ikunu jistgħu jsawtuni fuq laħmi għeri”. U f’ittra lil Patri Benedetto tat-18 ta’ Marzu 1913 Patri Piju jiktiblu hekk: “Dawn ix-xjaten ma jieqfux milli jsawtuni. Anki jaqilbuni mis-sodda. Saħansitra jqattgħuli l-flokk biex isawtuni! Imma issa ma jbeżżgħunix iżjed. Ġesù jħobbni. Spiss jerfagħni u jpoġġini mill-ġdid fuq is-sodda”.
Satana ipprova jqarraq b’Patri Piju saħansitra billi libes il-libsa ta’ penitent li ried iqerr! Patri Piju stess jagħti din ix-xhieda: “Jum minnhom, meta kont qed inqarar, ġie raġel fil-konfessinarju fejn kont inqarar. Kien twil, sabiħ, liebes pulit. Kien dħuli u pulit. Beda jqerr dnubietu. Li kienu ta’ kull għamla. Kontra l-Mulej, il-bniedem u l-morali. Dawn id-dnubiet kienu tal-biża’. Kont diżorjentat. Fil-fatt għad-dnubiet li qalli weġibtu bil-Kelma ta’ Alla, l-eżempju tal-Knisja u l-imġieba tal-Qaddisin. Iżda l-penitent misterjuż weġibni kelma b’kelma, iġġustifika dnubietu, dejjem bl-aktar abilità u edukazzjoni. Huwa skuża l-azzjonijiet midinba tiegħu. U ġabhom jidhru normali u naturali. Anki mifhuma fuq il-livell uman. Issokta b’dan il-mod bid-dnubiet li kienu orribbli kontra l-Mulej, il-Madonna, il-Qaddisin. Dejjem billi uża argumentazzjoni ta’ ġustifikazzjoni. Issokta b’dan il-mod anki bl-aktar dnubiet maħmuġa li jistgħu jiġu mixtieqa fil-moħħ tal-iktar bniedem midneb. It-tweġibiet li tani, b’tant sottilezza u ħażen, ħasduni. Bdejt naħseb: Min kien? Minn liema dinja kien ġej? U ippruvajt inħares lejh biex naqra xi ħaġa fuq wiċċu. Fl-istess ħin ikkonċentrajt fuq kull kelma li kien qed jitħaddet, waqt li bdejt nipprova niskopri kull ħjiel tal-identità tiegħu. Imbagħad, f’daqqa waħda; permezz ta’ dawl qawwi, jiddi u ġewwieni intbaħt mill-ewwel minn kien. B’ton sod u ta’ kmand għedtlu: ‘Għid jgħix għal dejjem Ġesù, tgħix għal dejjem Marija!’ Meta lissint dawn l-ismijiet ħelwin u qawwija Satana mill-ewwel għeb fi fjamma nar. Huwa ħalla warajh riħa li ma tissaportihiex”.
Dawn l-esperjenzi huwa tweġiba ta’ bilħaqq ċara u tonda għal min ma jemminx li x-xitan jeżiżti. L-għadu qadim tagħna jissokta jħajjarna, bħala bnedmin, biex naqgħu fid-dnub. U, quddiem din ir-rejaltà daqshekk ċara, int u jien, bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù, jinħtieġ li nkunu għassa u qawwija fil-ġlidiet li jkollna kontra x-xitan. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti għall-eżiżtenza tiegħu. Hija ħasra li l-mentalità ta’ xi wħud, anki ta’ xi studjużi, hija li jirrelegaw il-figura tax-xitan ma’ dik tal-mitoloġija u l-folkor qadim. Il-poeta Franċiż Charles Baudelaire jgħid li l-opra ta’ Satana fiż-Żmien Modern hija li jkun hemm nies li jemmnu li hu ma jeżiżtix. Jista’ ikun li, għal numru minna, hija iebsa jimmaġinaw id-dehra ta’ Satana li ġie mill-infern biex jiġġieled kontra Patri Piju. Kif rajna dawn il-ġlidiet kienu, fin-natura tagħhom, imdemma. Ejjew ma ninsewx li biex lix-xitan nirbħulu d-dnub ma niġġustifikawh qatt. Imma, u din hija importantissima, lill-midneb, hu min hu, inħobbuh, billi nwiddbuh u ngħinuh iqum ħa jimxi! Wara kollox dan hu l-veru Ġesù li jirrappreżentalna l-vanġelu!