Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Laqqa’ lil din il-komunità ma’ leħen il-Maħbub

Laqqa’ lil din il-komunità ma’ leħen il-Maħbub


Is‑Sibt, 23 ta’ Settembru 2017: Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa li matulha jagħti il‑pussess lil Dun Blake Camilleri, bħala l‑kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa Marija Immakulata, l‑Ibraġ.

20170923_191557.jpg

 

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-Ibraġ

“Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet fi Kristu” (Efes 1, 3). L-awgurju tiegħi lilek, għażiż Fr Blake Camilleri, għażiż kappillan, hija li meta jiltaqgħu miegħek in-nies ta’ din il-parroċċa għażiża, kull meta tħabbat il-bieb ta’ darhom jew inkella ċċempel f’xi kanċell bil-kelb jinbaħ, huma jgħidu, “Il-Mulej imliena bil-barka”.

L-aqwa awgurju li nista’ nagħmel lilek, għażiż kappillan, huwa li inti tkun barka għall-poplu afdat f’idejk. Issa inti taf li barka bħal din għandha prezz għoli u li minnek il-Mulej jitlob li inti tagħti ħajtek. “Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għal-merħla” (Ġw 10. 11), jagħti ħajtu għal ħbiebu, u li tagħti ħajtek tfisser li tkun sinjal ta’ disponibilità, tkun sinjal ta’ mħabba pastorali, tkun sinjal ta’ umiltà u ta’ żelu.

Nistiednek biex fil-mod kif tiltaqa’ ma’ dan il-poplu għażiż, inti tagħżel it-triq tal-umiltà.

Waħda mill-affarijiet li laqtitni fl-aħħar ktieb ippublikat bit-tagħlim tal-Papa Franġisku, li huwa intervista ma’ ġurnalista Franċiz bit-titlu Societe Politique, ħin minnhom Viltomme, dan il-ġurnalist Franċiż, jagħmel qisu tliet paġni ta’ espressjonijiet tal-Papa Franġisku li laqtuh. Jgħid, “dawn l-espressjonijiet il-Papa qalhom waqt li qed nintervistah u anke waqt xi kollokju li kien ikollna meta niltaqgħu”. Waħda minnhom tgħid li “l-aqwa triq biex tikkomunika,” skont il-Papa, “hija t-triq tal-umiltà”. Ħafna drabi aħna s-saċerdoti nagħżlu t-triq tal-fire and brimstone, tas-sajjetti u tal-proklami u tal-kundanni.

Nistiednek biex fil-mod kif tiltaqa’ ma’ dan il-poplu għażiż, li għandu ħafna għatx għal Ġesù, inti tagħżel it-triq tal-umiltà. Kultant ilkoll kemm aħna taqbżlilna ċ-ċinga u rridu nieħdu nifs ’il ġewwa, nifs profond u flok nirreaġixxu immedjatament, ngħidu ħa nistenna ftit ħalli dak il-mument ta’ frustrazzjoni u rabja ma jirkibnix, ma jkunx hu li jiddeċiedi kif se nitratta ma’ din il-persuna.

Anke għaliex jekk inti u tisma’ b’attenzjoni dak li jgħidilna l-appostlu San Pawl fil-qari lill-Efesin, li huwa l-qari wkoll tal-festa tat-titulari, tal-Kunċizzjoni, ħafna drabi juża’ espressjonijiet li jistgħu jissarrfu f’kelma waħda: imħabba. “Hekk hu għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (v. 4). Parroċċa ddedikata lill-Kunċizzjoni Immakulata ta’ Marija, omm il-Knisja, trid tieħu din l-espressjoni ta’ San Pawl bħala l-motto, l-ideal tagħha. Aħna magħżula minn Alla, għażilna fi Kristu “biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba”. Ideal għoli ħafna.

Hija ħaġa sabiħa li l-Knisja tfakkarna f’dan il-qari minn San Pawl fil-festa ta’ dik li kienet imnissla mingħajr tebgħa tad-dnub. U kif niċċelebraw fit-8 ta’ Diċembru, illum aħna qed infaħħru lill-Mulej talli lill-ommu mhux ħelisha mid-dnub wara li għamlitu, imma ħarisha mid-dnub, ippreservaha mid-dnub. Lilna l-Mulej ħelisna billi ħafrilna. Mela, fil-każ tal-Madonna hemm azzjoni preventiva, fil-każ tagħna hemm azzjoni redentiva. Fil-każ tal-Madonna ħarisha mid-dnub, lilna ħafrilna d-dnub, ħelisna minnu billi ħafrilna. Imma lkoll aħna frott tal-imħabba tiegħu fi Kristu, għax għażilna fi Kristu “biex inkunu qaddisa u bla tebgħa”.

L-imħabba vera tiggwida lil dak li jkun, mhijiex laissez faire u lanqas hija dittatorjat.

Tgħiduli, “kif bla tebgħa? Aħna miksijin bid-dnubiet, aħna miksijin bid-difetti, ilkoll kemm aħna”. U nkunu qed ngħidu sew. Imma l-vokazzjoni fondamentali tagħna hija li “nkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu”, quddiem il-Mulej, quddiem Ġesù Kristu fl-imħabba. L-imħabba ta’ bejnietna, l-imħabba konkreta, l-imħabba ta’ min jisma’, ta’ min jifhem, ta’ min f’kull deċiżjoni anke jekk iebsa, qed jesprimi l-imħabba.

Għax l-imħabba vera tiggwida lil dak li jkun, mhijiex laissez faire (kulħadd jagħmel li jrid) u lanqas hija dittatorjat. L-imħabba hija dik il-qawwa spiritwali li kull min jiltaqa’ magħha jifhem li dak li jkun qed jixtieqlu l-aqwa ġid, il volersi bene. Kemm hi ħaġa qaddisa li aħna bħala komunità nħossuna tant komdi bejnietna, għalkemm kulħadd bid-doni differenti, bl-ideat differenti tiegħu, imma li nixtiequ tassew il-ġid ta’ xulxin.

Dan kollu “għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu”. Mela mhux għall-glorja ta’ xi bniedem, imma għall-glorja ta’ Ġesù, għall-glorja tal-Mulej li “biha mliena fil-maħbub tiegħu” (v. 6). Kemm hija espressjoni sabiħa meta San Pawl jitkellem fuq Ġesù u jsejjaħlu “il-maħbub”. Anke San Ġorġ Preca, meta kien jitkellem fuq il-kliem ta’ Ġesù kien isejħilhom “leħen il-maħbub”. Leħen il-maħbub!

U din hija l-istedina li nagħmillek illum fil-ġurnata tal-pussess tiegħek bħala kappillan ta’ din il-parroċċa: Laqqa’ lil dawn ħutek u ħutna ma’ leħen il-maħbub. L-aħħar kelma li l-Madonna tgħid fl-Evanġelji hija sempliċi. Fit-tieġ ta’ Kana tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Isimgħu leħen il-maħbub tiegħi Ġesù. Inti wkoll, Fr Blake, dak li tgħid, dak li tagħmel fl-azzjoni pastorali tiegħek flimkien mas-saċerdoti li jgħinuk, laqqgħu din il-komunità għażiża ma’ leħen Ġesù l-maħbub.

Nitolbu ħafna għalik, nawgurawlek! Din hija l-ewwel parroċċa tiegħek, i primi amori non si dimenticano mai, jgħidu. U jalla f’din il-komunità ssib sapport bħalma kull wieħed u waħda minn dawn ħutna membri ta’ din il-parroċċa fik isibu wkoll ir-ragħaj. Ippermettili, la qegħdin hawn, nirringrazzja f’isimna lkoll lill-ġenituri tiegħek, li tawk il-ħajja mbagħad offrewk lill-Knisja. Nirringrazzjakom f’isem il-maħbub Ġesù.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: