Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-faraġ mhuwiex ftit divertiment imma l-paċi tal-Mulej

Il-faraġ mhuwiex ftit divertiment imma l-paċi tal-Mulej


It-Tnejn 25 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Dalgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fil-Vatikan, il-Papa Franġisku għamel omelija dwar l-ewwel qari tal-ġurnata li fih naqraw dwar il-ħelsien tal-poplu ta’ Iżrael mill-eżilju.

 

Il-Mulej, qal Franġisku, żar il-poplu tiegħu u reġa’ ħadu lura lejn Ġerusalemm. Il-kelma ‘żar’ hija importanti fl-istorja tas-salvazzjoni, spjega l-Papa, għax kull ħelsien, kull azzjoni ta’ redenzjoni ta’ Alla, huma żjajjar.

Meta Alla jżurna jtina l-ferħ, jiġifieri jqegħedna fi stat ta‘ faraġ. Din hi t-tifsira tal-frażi ‘tiżra’ fid-dmugħ’. Veru li żergħu fid-dmugħ, imma issa l-Mulej qed ifarraġna u qed itina l-faraġ spiritwali. Il-faraġ ma wasalx biss dakinhar imma huwa stat tal-ħajja spiritwali ta’ kull Nisrani. Hekk tgħallimna l-Bibbja kollha, osserva Franġisku.

Allura l-Papa ħeġġiġna biex nistennew iż-żjara li Alla jagħmel lil kull wieħed u waħda minna. Ikun hemm waqtiet ta’ dgħufija u waqtiet ta’ qawwa, imma l-Mulej dejjem iġegħelna nħossu l-preżenza tiegħu bil-faraġ spiritwali li jimliena bil-ferħ.

Għalhekk għandna nistennew din il-ġrajja bil-virtù l-aktar umli fost il-virtujiet kollha: it-tama, li hi dejjem ‘żgħira’ imma bosta drabi hi qawwija meta tkun moħbija bħax-xrar taħt l-irmied. B’hekk in-Nisrani jgħix bit-‘tensjoni’ lejn l-istennija tal-laqgħa tiegħu ma’ Alla, lejn il-faraġ li ttina dil-laqgħa mal-Mulej. Jekk Nisrani ma jkollux din it-tensjoni, ikun Nisrani magħluq, qal Franġisku, ikun jgħix fil-‘maħżen’ tal-ħajja, mingħajr ma jaf x’għandu jagħmel.

Għalhekk l-istedina tal-Papa kienet li aħna nagħrfu liema hu l-faraġ, għax jeżistu profeti foloz li donnhom ifarrġuna imma minflok ikunu qed jingannawna. Il-faraġ veru ma jistax jinxtara bil-flus.

Il-faraġ li jtina l-Mulej imissna minn ġewwa, iqanqalna u jtina injezzjoni biex nagħmlu l-karità, injezzjoni ta’ fidi, ta’ tama, u jwassalna wkoll biex inxerrdu d-dmugħ minħabba dnubietna. U kull meta nħarsu lejn Ġesù u l-Passjoni tiegħu, nibku miegħu.

Dal-faraġ jerfa’ qlubna ‘l fuq, lejn il-ħwejjeġ tas-sema, lejn il-ħwejjeġ t’Alla, u jikkalma l-ispirtu tagħna bil-paċi tal-Mulej.

Dan hu l-veru faraġ, issokta l-Papa Franġisku, mhux id-divertiment. Id-divertiment mhux ħaġa ħażina meta jkun onest – aħna bnedmin u neħtiġuh…. Imma l-faraġ hu xi ħaġa li tiċċirkondana u huwa proprju l-preżenza t’Alla li aħna nħossu u nagħrfu: dan hu l-Mulej.

Il-Papa fakkarna biex niżżuħajr lill-Mulej bit-talb, il-Mulej li jgħaddi biex iżurna, biex jgħinna nibqgħu mexjin ‘il quddiem, biex nittamaw, biex inġorru s-salib.

Il-Qdusija Tiegħu Franġisku ħeġġiġna wkoll biex il-faraġ li nirċievu nibżgħu għalih. Minnu, qal, li l-faraġ hu qawwi, imma mhux tant faċli nikkonservawh. Huwa mument imma jħalli l-marki tiegħu.

Għalhekk għandna ngħożżu dawn il-marki fil-memorja; ngħożżuhom bħalma l-poplu apprezza dak il-ħelsien. Aħna erġajna lura lejn Ġerusalemm għax Hu ħelisna mill-jasar. Għalhekk għandna nistennew dal-faraġ, nagħrfuh u ngħożżuh. U meta dal-waqt tant qawwi jgħaddi, x’jibqa’? Il-paċi. U l-paċi hi l-livell l-aktar għoli tal-faraġ.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: