Il-familjarità ma’ Ġesù teħlisna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 26 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Għal Ġesù, il-kunċett tal-familja hu aktar wiesa’ minn dak tal-familja li permezz tagħha aħna niġu fid-dinja. Għal Ġesù l-familja hi dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha.

 

Din kienet l-ewwel osservazzjoni li għamel il-Papa fir-riflessjoni dwar il-Vanġelu tal-lum meħud minn San Luqa. Fih il-Mulej isejjaħ ‘ommi’ u ‘ħuti’ u ‘familja’ lil dawk ta’ madwaru li kienu qiegħdin jisimgħuh jipprietka.

Dan, ikkummenta Franġisku, iwassalna biex naħsbu dwar ‘il-familjarità’ ma’ Alla u ma’ Ġesù, li hi xi ħaġa akbar mill-fatt li tkun dixxiplu jew ħabib. Mhux atteġġjament formali jew ta’ manjieri tajba, anqas u anqas mhu atteġġjament diplomatiku, innota l-Papa.

Allura xi tfisser dil-kelma li tant użawha l-Missirijiet Spiritwali fil-Knisja, u li għallmuhielna?

Il-Qdusija Tiegħu ssokta li, qabel kollox, tfisser li nidħlu fid-dar ta’ Ġesù: nidħlu f’dik l-atmosfera, ngħixu dik l-atmosfera li tinsab fid-dar ta’ Ġesù. Ngħixu hemmhekk, nikkontemplaw, inkunu ħielsa, hemmhekk. Għax l-ulied huma ħielsa, dawk li jgħammru fid-dar tal-Mulej huma ħielsa, dawk li għandhom il-familjarità miegħu huma ħielsa. L-oħrajn, fi kliem il-Bibbja, huma wlied l-ilsira. Biex ngħidu hekk, huma Nsara imma ma jazzardawx jersqu qrib, ma jazzardawx ikollhom dil-familjarità mal-Mulej, u dejjem iżommu d-distanza bejnhom u bejn il-Mulej.

Imma l-familjarità ma’ Ġesù kif jgħallmuhielna l-qaddisin, żied il-Papa, tfisser ukoll li nkunu miegħu, inħarsu lejh, nisimgħu kelmtu, infittxu li nwettquha, nitkellmu miegħu.

U l-kelma hi talb, saħaq Franġisku, dik it-talba li tista’ ssir anke fit-triq: ‘Imma Mulej, x’taħseb?’ Din hi l-familjarità, mhux hekk? Il-qaddisin kollha kellhom minnha, dejjem. Santa Tereża kienet tgħid li kienet issib il-Mulej kullimkien, kienet familjari ma’ Ġesù kullimkien, anke qalb il-borom tal-kċina. Hekk kienet magħmula, familjari mal-Mulej.

Il-familjarità tfisser li nibqgħu mal-Mulej, nibqgħu fil-preżenza tiegħu kif iwissina Hu stess fl-Aħħar Ċena, jew kif ifakkarna l-bidu tal-Vanġelu meta San Ġwann jgħidilna: ‘Dan hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.’

Indrì u Ġwanni marru wara Ġesù u, kif hemm miktub, baqgħu miegħu l-jum kollu.

Din hi l-familjarità ma’ Ġesù, tenna l-Papa. Dan hu l-atteġġjament tal-familjarità, mhux dak tal-Insara li jżommu d-distanza minn miegħu: int hemm u jien hawn!

Allura l-Papa Franġisku talab lil kull wieħed u waħda minna biex nagħmlu dal-pass u nsiru familjari ma’ Ġesù. Dak hu n-Nisrani: dak li jmur fuq il-karrozza tal-linja, fl-underground, bil-problemi tiegħu, u jitkellem mal-Mulej; jew għall-inqas iħoss li l-Mulej qed iħares lejh, jinsab qribu. Din hi l-familjarità, il-qrubija: li tħossok tifforma parti mill-familja ta’ Ġesù.

Nitolbu dil-grazzja għalina lkoll, temm il-Papa, il-grazzja li nifhmu xi jfisser li tkun familjari mal-Mulej. Jalla l-Mulej itihielna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: