Il-Papa ħeġġeġ lill-gvernijiet biex jilqgħu lill-immigranti

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 27 ta’ Settembru 2017: Dalgħodu l-Papa Franġisku kompla l-katekeżi dwar it-tama Nisranija waqt l-udjenza ġenerali li saret fi Pjazza San Pietru.

Franġisku qal li ried ikompli jitkellem dwar dan is-suġġett b’riflessjoni dwar dak kollu li jhedded it-tama tagħna.  Mill-istorja antika tal-kaxxa ta’ Pandora, qal il-Qdusija Tiegħu, nitgħallmu li t-tama tibqa’ dejjem teżor li lill-bniedem tippermettilu jibqa’ jittama fil-providenza t’Alla mikejja l-ħażen kollu li twaddablu quddiemu d-dinja.

Fi żmienna stess, hi t-tama li ġġiegħel ħafna ħutna jitilqu minn pajjiżhom ifittxu ħajja aħjar, u hija t-tama wkoll li dawk li jilqugħhom jaqsmu l-vjaġġ magħhom u jittamaw li għada jkun aħjar.

It-tama, kompla l-Papa, hi l-virtù tal-foqra.  Kif jgħallimna l-misteru tal-Milied, Alla ġie fid-dinja fost il-fqar biex iġib l-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni tagħna.  It-tama hi wkoll il-virtù taż-żgħar li għandhom dritt li ma tinsterqilhomx minn soċjetà materjalista u bla ruħ.

Fil-fatt, it-tama hi l-akbar għadu tal-vojt spiritwali, u rridu nitqabdu kontra x-xitan li jittantana biex naqtgħu qalbna u ma nibqgħux nitqabdu, biex nitilfu l-kuraġġ.

Nitolbu lil Alla jagħtina l-grazzja li t-tama tagħna fil-wegħdiet tiegħu tkun aktar sħiħa għax aħna ċerti li r-rebħa tiegħu fuq id-dinja timlielna qlubna bil-ferħ aħna u niffaċċjaw il-futur u dak kollu li dan għandu maħżun għalina.  Jekk Alla hu magħna, ħadd ma jista’ jisirqilna t-tama, afferma Franġisku.

Għall-udjenza kienu preżenti għadd ta’ immigranti li wieħed wieħed, waħda waħda ltaqgħu personalment mal-Papa. Franġisku ħeġġeġ lill-gvernijiet biex jilqgħu lill-immigranti b’diragħjhom miftuha u jaqsmu magħhom is-sitwazzjoni mwiegħra tagħhom kif għamel Ġesù.

Il-Papa tkellem dwar dal-punt waqt il-katekeżi fejn spjega l-importanza li niġġieldu dak kollu li jhedded it-tama tagħna u għamel appell biex aħna nneħħu l-preġudizzju u minflok inkunu tolleranti.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading