Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-Arkanġli huma mibgħutin biex jakkumpanjawna tul ħajjitna

L-Arkanġli huma mibgħutin biex jakkumpanjawna tul ħajjitna


Il-Ġimgħa, 29 ta’ Settembru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Aħna u l-anġli għandna l-istess vokazzjoni: li nikkoperaw flimkien fil-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla. Dan hu miktub fit-talba tal-Kolletta li tingħad fil-bidu tal-quddiesa tal-lum u minnu dalgħodu l-Papa ħa spunt biex jagħmel l-omelija waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Illum il-Knisja qed tiċċelebra l-festa tat-tliet Arkanġli Mikiel, Rafel u Gabrijel.

Biex ngħidu hekk, qal Franġisku, aħna ‘aħwa’ fil-vokazzjoni. Huma jinsabu quddiem il-Mulej biex jaqduh, biex ifaħħruh u wkoll biex jikkontemplaw il-glorja ta’ wiċċu. L-anġli huma l-kontemplattivi l-kbar: huma jikkontemplaw lill-Mulej, jaqdu u jikkontemplaw. Imma l-Mulej jibgħathom ukoll biex jakkumpanjawna fit-triq tal-ħajja.

Mikiel, Garbijel u Rafel, b’mod partikolari, spjega l-Papa Franġisku, għandhom rwol importanti fil-mixja tagħna lejn is-salvazzjoni. Il-kbir Mikiel hu dak li jagħmel gwerra lid-demonju, id-dragun il-kbir, is-serpent l-antik, li jtina l-inkwiet tul ħajjitna, isaħħar lid-dinja kollha kif kien saħħar lil ommna Eva, b’argumenti konvinċenti u mbagħad, meta nkunu waqajna, jakkużana quddiem Alla.
‘Tibżax, kul il-frotta, tagħmillek tajjeb, issir taf tant affarijiet…..’. Is-serpent jibda jisseduċi, ftit, ftit, u mbagħad, meta nkunu waqajna, jibda jakkużana quddiem Alla: ‘Dan hu midneb, dan tiegħi! Dan tiegħi!’ Din hi proprju l-kelma tax-xitan. Jirbaħna bis-seduzzjoni u mbagħad jakkużana quddiem Alla u jgħidlu: ‘Dan tiegħi, dan se nieħdu miegħi!’

U Mikiel jagħmillu gwerra. Il-Mulej talbu jitqabad għalina li ninsabu fil-mixja ta’ dil-ħajja, mexjin lejn is-sema, Mikiel hu għajnuna u jgħinna fit-taqbida tagħna biex ma nħallux lid-demonju jisseduċina.

Dan ix-xogħol, din id-difiża, Mikiel jagħmilha ‘għall-Knisja’ u għal kull wieħed u waħda minna u hija xi ħaġa differenti minn dak li jagħmel Gabrijel, wieħed mill-Arkanġli l-oħra li niċċelebraw illum.

Dan tal-aħħar, qal il-Papa, iġib l-aħbarijiet it-tajba lid-dinja; hu dak li wassal lil Marija, lil Żakkarija, lil Ġużeppi l-aħbar tas-salvazzjoni. Gabrijel qiegħed magħna wkoll, u jgħinna fil-mixja meta aħna ‘ninsew’ il-Vanġelu t’Alla, jiġifieri li Ġesù ġie fostna, ġie magħna biex isalvana.

It-tielet Arkanġlu li nfakkru llum, issokta Franġisku, huwa Rafel, dak li ‘jimxi’ magħna u jgħinna fil-mixja. Il-Papa stedinna biex nitolbuh iħarisna ‘mis-seduzzjoni li nagħmlu l-pass żbaljat.’

Dawn huma l-ħbieb tagħna fil-vjaġġ ta’ qadi lil Alla, fil-ħajja, u Franġisku għallimna nitolbu b’mod sempliċi:

‘Mikiel, għinna fit-taqbida.’ Kull wieħed u waħda minna jaf liema hi t-taqbida li għandu f’ħajtu. Kull wieħed u waħda minna nafu liema hi t-taqbida ewlenija, dik li minħabba fiha nirriskjaw is-salvazzjoni. ‘Għinna!’

‘Gabrijel ġibilna l-aħbarijiet, ġibilna l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni, li Ġesù jinsab magħna, li Ġesù salvana, u tina t-tama.’

‘Rafel, mexxina minn idejna u għinna fil-mixja biex ma nitfixklux it-triq, biex ma nibqgħux weqfin iċċassati. Biex nimxu dejjem, imma bl-għajnuna tiegħek.’

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: