Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Minn fuq is-sodda tal-Isptar

Minn fuq is-sodda tal-Isptar


Il-ktieb ta’ Koħolet jgħidilna li fil-ħajja hemm ħin għal kollox. Hemm ħin meta nkunu b’saħħitna. U jeżiżti wkoll il-ħin meta din is-saħħa tmur lura wkoll. Iżda, l-għaliex nemmnu li l-Mulej ma jmarradx iżda jridna b’saħħitna, tant li jfejjaq il-mard tagħna, aħna mmorru l-isptar ħa nieħdu l-kura. Waqt li, b’fidi sħiħa fih, nitolbu bil-ġiri għall-fejqan tagħna.

Sant’ Irinew jgħid: “Il-glorja tal-Mulej hija bniedem li jgħix fil-milja tiegħu”. Hekk hu! L-għaliex, meta nkun f’saħħti, u f’saħħti f’kull sens, jiena nista’ nagħti tabilħaqq glorja lill-Mulej b’ħajti. Jiena nista’ naħdem aħjar. Nitlob aħjar. Nistrieħ aħjar. U nkun aktar ta’ servizz għal min għandu bżonni. L-għaliex f’saħħti! U allura naf x’inhu jseħħ madwari. U l-għaliex inkun fil-milja ta’ saħħti nista’ nirrispondi aħjar u bi prontezza għall-bżonnijiet ta’ għajri.

Iżda, bħalma tiġi fuqna r-rebbiegħa tiġi wkoll ix-xitwa. Mela anki saħħitna wkoll tgħaddi minn din l-esperjenza morra. Anki jien, li xogħli fl-Isptar hu ma’ dawk li jagħtu l-fejqan, xorta waħda kelli nispiċċa fuq sodda. Anki jekk għal tlieta u tletin siegħa kollox. Sewwasew mill-emerġenza sas-sala fejn fiha ġejt mqiegħed.

Kemm riflessjonijiet għaddew minn moħħi f’dak il-waqt li kont pazzjent! Kemm tagħlimiet tgħallimt! Ibda’ biex għax għaddejt mill-iskumdità li jilmentaw minna l-pazzjenti: jiġifieri li wħud jkollhom joqgħdu fis-sodda. Jagħmlu sewwa l-membri tal-istaff li jqajmuhom minnha u li jħeġġuhom bil-qawwa ħa jagħmlu dawk il-passejn. Inkella joqgħodu fuq il-pultruna. L-għaliex, ħbieb, huwa veru li s-sodda tkissrek. U tkissrek tabilħaqq! Minn din l-esperjenza fl-Isptar, fejn qattajt ħin mhux ħażin fis-sodda, tgħallimt ħaġa waħda importanti: aħna ma ġejniex maħluqa biex noqgħodu fis-sodda l-ġurnata kollha! Tmien sigħat iva! Imma dawk is-sigħat kollha le! Għalhekk qalbi tinqasam meta niltaqa’ ma’ pazzjenti li jkollhom iqattgħu sigħat twal fis-sodda. Kemm ibatu! Mela kemm għandi aktar nuriehom ħniena u kompassjoni! U nisma’ b’akbar sensittività għall-għajta siekta tagħhom!

Meta kont fuq is-sodda tal-isptar idi ġriet mill-ewwel fuq il-Kuruna tar-Rużarju. Kemm kelli ħin biex nitlob! Kif dejjem jgħiduli l-pazzjenti: “Il-ħin fl-isptar donnu jieqaf!” Veru! Ġieli lanqas tkun taf x’ħin hu. Allura, kemm waqt li kont fuq l-istrecher fl-emerġenza, u anki wara fis-sala, fil-baħħ ta’ quddiemi donni ilmaħt pjanura kbira kbira ta’ ħin. U din il-pjanuna l-Mulej tani grazzja li nimlieha bit-talb. Ġieli għejjejt nitlob tafux! L-għaliex, u kif jgħallmuni tant tajjeb il-pazzjenti li għandi grazzja li naqdi minn qalbi, ma kellix moħħ! Għax tkun għajjien! Madankollu, u bil-grazzja tal-Mulej, kelli ċ-ċans li nitlob ħafna. U li, filwaqt li bdejt nitlob biex infiq, fl-istess ħin bdejt noffri dak kollu li kont għaddej minnu lill-Mulej biex idawwru f’barka fuq dawk li kellhom bżonn tal-ħniena tiegħu.

Xi ħaġa oħra li tgħallimt mis-sodda tal-Isptar hija kemm hi sabiħa li nuru ħniena mal-marid. Kemm apprezzajt ix-xogħol tal-infermieri, tat-tobba, tal-carers, tal-porters, tal-ħassiela, tal-iskrivani, tal-ECG, tal-gwardji, insomma ta’ ħafna u ħafna ħaddiema li jaħdmu għas-servizz tal-morda! Fuq kollox kemm apprezzajt u għożżejt ma’ qalbi l-attitudni sabiħa tagħhom! Dik l-attitudni ta’ ħlewwa, ħniena, mogħdrija u qalb miftuħa biex tgħin! Emmnuni li f’moħħi u f’qalbi, f’dawk il-waqtiet, telgħet tiżreġ is-sentenza li kien iħobb jgħid il-qaddis Padrun tal-infermieri, San Kamillu de Lellis, lil dawk li kienu jgħinuh: mettete più coure in queste mani. Jiġifieri “poġġu aktar qalb f’dawn l-idejn”.

Il-qalb bdejt naraha tiżreġ kullimkien! Mhux biss fix-xogħol tabilħaqq interessanti u prezzjuż li kienu qiegħdin iwettqu l-ħaddiema fl-Isptar. Imma, u fuq kollox, bejn il-pazzjenti stess! Xi ġmiel u x’fejqan meta tara lil dak il-pazzjent isellef iċ-charger tal-mobile lill-ieħor. Inkella l-oħra tagħti ktieb spiritwali lill-pazzjenta li ħasbet li hija minsija minn kulħadd. U, b’dan il-ktieb, tatha l-kuraġġ mill-ġdid. Anki jien, avolja pazzjent, xorta waħda kelli x-xogħol f’din is-sala. Xi pazzjenti talbuni nismagħhom u nitlob magħhom. Oh Papa Franġisku kemm għandek raġun biex tbiegħ meta lilna s-saċerdoti tgħidilna li aħna m’għandniex ħinijiet tal-uffiċċju!

Kos! Kemm is-sodda tal-Isptar tista’ tabilħaqq tkun opportunità ta’ tagħlim, apprezzament, u sejħa aktar qawwija biex persuna taqdi minn qalbha lil għajra!

  1. pauline
    September 30, 2017 at 8:29 pm

    Proset fr .jien bhal issa qed nzur kuljum lisptar biex nmur nara lohti kemm jejnu xulxin ezatt fr il pazjenti qalb theggeg bi mhabba liema bhala DIK bhal qalb ta Gesu

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: