Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Dik il-passiġġjata!

Dik il-passiġġjata!


Meta f’pajjiżna konna qiegħdin immutu bis-sħana, is-sħana qalila ta’ Lulju, jiena kelli x-xorti, bħal ħafna Maltin u Għawdxin, li naqbad naqra l-ajruplan. U ntir ftit fil-beraħ. Iva! Intir lejn in-naħa t’isfel ta’ l-Italja. Lejn il-Belt imperjali u sabiħa ta’ Napli.

Il-Belt tal-fantasija. Il-Belt tal-ferħ. Minkejja l-problemi li ġġorr magħha ta’ kuljum. Bħall-bqija tal-Mezzogiorno kollu. U hemm, qalb dawk in-nies ta’ qalb tajba, bl-imqarbezza żejda ta’ xi wħud, imsieħeb mid-djalett Naplitan, terraqt fiċ-ċentru storiku tagħha. Terraqt biex nara mhux biss il-passat glorjuż ta’ din il-Belt li, għaliha, tant ħaddmu l-ħakkiema Borboni. Imma wkoll terraqt biex nifhem ftit ma’ min qed nagħmilha. Biex nara min huma tassew in-Naplitani. Lil hinn minn kull statistika jew sterjotip li titfagħhom f’xi grad inferjuri. Liema grad huwa, bħas-soltu, inġust għall-aħħar.

U wara l-ħarbiet l’hemm u l’hawn fit-terra Campana, kien wasal għalija l-mument li ninġabar ftit waħdi. Ninġabar ħa nkompli nistrieħ mal-MISTRIEĦ, il-Mulej. U nistrieħ f’xi ħaġa li, bħat-Taljani, l-aktar dawk tan-naħa t’isfel, tant inħobb nagħmel: nippassiġġja. U, bħas-soltu, nippassiġġja biha: bil-kuruna. Le! Mhux kif forsi qed jaħsbu xi wħud bħalissa, biex nagħmilha ta’ qaddis. Inkella biex nagħti xi spettaklu ta’ spiritwalità. M’għandix għalfejn nagħti spettaklu dwar dan l-għaliex, il-Kbir Alla li jista’ kollox, jafni sewwa. Ħafna aktar milli jistgħu jafuni n-nies u, wisq aktar, milli nista’ inkun naf lili nnifsi jien. Imma nagħżel nippassiġġja bil-kuruna biex nitlob. L-għaliex għalija, li nitlob, ifisser li jien bniedem li qed nieħu n-nifs. It-talb huwa n-nifs tal-ispirtu. U, dejjem safejn naf jien, ħadd ma jibilgħu n-nifs. Imma jieħdu. Mela nifs ‘il barra u nifs ‘il ġewwa. L-istess bħalma nitlob Ave Marija jew Bil-Passjoni ħarxa tiegħu. Waħda ‘il ġewwa u l-oħra ‘il barra…

U fejn kont immur biex nieħu n-nifs tan-nifsijiet? Fil-Kjostru magħruf tal-kumpless imsejjaħ Monastero di Santa Chiara. Liema kumpless jinsab fil-qalba ta’ Napli. Dan il-kumpless, li fih iħaddan l-eqdem Knisja li nbniet biex tagħti ġieħ lil Santa Klara, għandu tmin mitt sena ta’ storja. Storja li rat minn kollox. Għalhekk, ma’ kull pass li kont nagħti f’dan il-Kjostru ġigantesk, għad-dawl ta’ qamar, ruxxmata ħsibijiet kienu jgħadduli minn moħħi.

Imsieken in-nies meqruda mill-Vessuvju f’Pompei! Rajthom. Hemm, eżatt qabel tidħol biex tara l-iskavi. Miskin dak it-tifel ippetrifikat! U dawk id-dħaħen, l-irmied u l-materjal li ħareġ mill-Vulkan li, skont xi vulkanoloġi, kesa lil Pompei u lil Eroclano minn erba’ sa sitt metri! Imsieken! Sliem għalik Marija!…

U mbagħad, f’dak id-dawl sabiħ tal-qamar fuq l-art unika Naplitana, imdawla kif inhi minn dan l-ispettaklu ċelesti, ġew quddiem għajnejja l-istejjer ta’ xi nies li magħhom iltaqjt fil-kwartier Montesanto. Kulħadd bl-istorja tiegħu. Waħda mitielha ħuha, ta’ 57 sena, bil-marda tallum. Anki jekk, fil-profond ta’ qalbha, temmen bis-sħiħ li hu ma riedx iħalli dan il-wied tad-dmugħ. Imbagħad inqalgħet oħra li ħutha ma jridux jafu biha. U min suppost kellu jiddefendieha quddiem il-liġi spiċċa biex daħak biha u issa spiċċat b’xejn. U, fuq kollox, inqala’ l-ieħor u talabni nitlob għal ħabibu li qabad it-triq tad-delinkwenza. Missierna li inti fis-smewwiet! …

Il-ħin issokta għaddej. U, fil-Kjostru, ħassejt il-qarsa ta’ nemusa li rnexxielha ittir mill-fjuri t’isfel sakemm tasal sa fuq, fejn kont jien. U moħħi, f’dak il-waqt, mar lura fiż-żmien. Il-ħitan għolja tal-Knisja ta’ Santa Chiara fakkruni fiż-żmien tal-inkwiżizzjoni. U hawnhekk qalbi inqasmet. Ma stajtx ma nitlobx għal dawk li għaddew mill-inkwiżizzjoni Naplitana. X’hemm isbaħ milli nitlob għalihom it-talba tal-Omm? L-għaliex l-imħabba tal-Omm biss tista’ tidħol għalihom ħa jkollhom il-mistrieħ. Sliema għalik Sultana! …

U, sewwasew lejn l-aħħar tal-passiġjata, ġew f’moħħi n-nies ta’ Napli. In-nies li qiegħdin ibatu fis-skiet. Kemm wegħduhom ħwejjeġ il-politiċi! X’għamlu fil-verità għalihom? Kellimhom ħa jgħidulek? Ħallewhom lampa stampa! O kemm ħarġet minn qalbi l-ġalukatorja Mulej ħniena! …

Dawn huwa n-Naplitani. In-Naplitani li għadhom jirriturnaw lura lejn belthom wara l-bumbardamenti tal-problemi soċjali u d-delinkwenza. Il-bumbardamenti tan-nuqqas ta’ xogħol. U jien, f’dik il-passiġġjata, ma stajtx ma nkantax, bil-kuruna f’idejja, il-kanzunetta Munasterio ‘e Santa Chiara. Għalkemm, biex ngħidilkom il-verità, vers wieħed ma kantajtx. Ma ch’aggi’ ‘a fà? Mme fa paura ‘e ce turnà. Jew aħjar “Imma x’se nagħmel? Jien beżgħan li nirritorna”. Le ħbieb! Irranġajtu! Tant li kantajt hekk: “Ma ch’aggi’ ‘a fà? Ritòrn ca’ e’ sicurò. “Imma x’se nagħmel? Żgur li nerġa’ nirritorna hawn”.

Għal ġewwa! Buona nottè!

  1. Marie Therese Bonello
    October 1, 2017 at 12:23 am

    Wonderful experience Father.
    Napule’ is truly magical. Did you visit the Cappella di Dan Severo? Never and nowhere in my life have I seen a more beautiful statue of Christ – Il Cristo Velato.
    Good night and thank you for your “racconto”.

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: