Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Għall-iskola!

Għall-iskola!


Hemm hi! Fl-aħħar il-ġurnata waslet! Iva! Wasal il-jum li fih bdiet l-iskola! Mela issa jibda’ l-istorbju tas-soltu. Tfal lesti biex jitwasslu. Vannijiet jew coaches. Qamwien kmieni. Ġenituri li jridu jqumu minn sbiħ Alla ilestu. Ħa jħejju lill-uliedhom biex immorru jitgħallmu. U, imnalla jkunu huma, in-nanniet, li jagħtu dik il-palata. L-għaliex kieku …

L-iskola. It-tagħlim. L-għalliema. L-eżamijiet. It-taħriġ. Il-lezzjonijiet. L-attivitajiet. U … Kemm idejat u idejat. U kemm suġġetti se jiġu mgħallma. Hemm hu, l-istaġun tal-ħarifa. Li fetħilna mill-ġdid il-gradi tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati tat-tagħlim. Ħalli, il-Maltin u l-Għawdxin ta’ għada, jitħarrġu bl-aqwa u bl-aħjar mod. U dan għall-futur ta’ pajjiżna! Mela għall-futur tiegħi, tiegħek u ta’ dawk li ġejjin warajna. Il-magħrufa ġenerazzjonijiet futuri!

L-edukazzjoni! Xi grazzja! U kemm issolvi problemi! U, biex inkun Sależjan, għalkemm jien Franġiskan, kemm tipprevenina minn ħażen. Minn diżażtri. Minn problemi bla bżonn li jkissruna. U dan l-għaliex tgħallem, twissi, tiftaħ l-għajnejn. Mhux biss! Għax il-veru edukazzjoni, almenu minn kif dejjem għallmuni, hija dik li toħroġ il-potenzjalitajiet ta’ dak li jkun u twessagħhomlu. Tkabbarhomlu. U titfgħu fuq orizzonti kbar tal-ħajja.

L-edukazzjoni tkattar il-ġid. Mhux biss materjali. Għalkemm dan huwa meħtieġ u mportanti. Iżda, l-edukazzjoni vera, tgħallimna ngħixu l-valuri sbieħ li jagħmluna bnedmin. Hi x’inhi r-razza, it-twemmin jew l-orjentazzjoni sesswali tagħna. L-edukazzjoni tgħinna, fuq kollox, inkunu responsabbli għal xulxin. Tgħinna nfittxu l-ġid komuni bejnietna. Tgħinna naraw ħafna u ħafna aktar ‘il barra minn imneħirna. Il-vera edukazzjoni ma tħallinix nidħol fl-isqaq li nisloħ kemm niflaħ lill-oħrajn. Biex imbagħad lanqas jibqagħli wiċċ ma jibqgħali biex nersaq quddiem bniedem. U, ngħid jien, din il-kedda kollha l-għaliex?

Il-vera edukazzjoni ma ġġagħlnix nara kif se nħaxxen buti bl-iskuża tal-business. U lanqas ma ssuqni biex inkun gaffa fuq l-oħrajn. Il-vera edukazzjoni tibnili kuxjenza. Tfakkarni li jien minix ngħix waħdi. Li, madwari, hemm nies oħra. U, b’nies oħra, minix le sempliċiment nifhem bil-familja tiegħi biss. B’li nagħmel lil uliedi sinjuruni. Biex imbagħad, b’sopriża kbira, insib li ma japprezzaw xejn minn dak li nagħmel magħhom. Ejja ma nkunx iblaħ u belha! Ejja lil dawn uliedi niftaħhom għar-rejaltà li, il-veru tifsira tal-ħajja, mhix biss li nkunu tajbin finanzjarjament. Lanqas li nitħanżru minn fuq dahar min bilkemm ilaħħaq. Bħalma qed isir mill-kirjiet tad-djar. Dejjem telgħin sparati ‘il fuq! Le! Ejja ma nxettlux il-kultura tas-serq bl-iskuża tan-negozju. L-għaliex is-serq jisħetna u qatt ma jista’ iberikna!

L-edukazzjoni vera hija dik li tħoss għall-proxxmu. Li tgħin lill-batut. Li iddewwieh. Li timxi miegħu bil-mod il-mod. Jiena nitgħallem mhux biex inwaħħal iċ-ċertifikati li nikseb fi gwarniċ mal-ħajt u daqshekk! Le! Iżda ejja nkun persuna aktar responsabbli minn hekk! Ejja nara kif, minn dak it-tagħlim li ksibt, se jgħinni ninfetaħ għal min għandu bżonn l-għajnuna tiegħi ħa jgħix b’deċenza u b’dinjità li tisħoq lill-bniedem.

Ejja wkoll nifhem li jekk għandi r-responsabbiltà li ngħallem lill-istudenti ħa ngħallimhom minn qalbi u mhux l-għaliex qed nitħallas. Ejja ngħallimhom mill-esperjenza tiegħi li ksibt mill-professjoni tiegħi. Eżatt bħalma kien jagħmel it-tabib qaddis, San Giuseppe Moscati, u tant tobba, avukati u nies oħra ta’ professjoni. U mhux inġib lili nnifsi agente 007 l-għaliex naħbi kollox bil-codes li ma jmurx xi ħadd isir aqwa minni! U, allaħares qatt, ifettillu joħodli posti! Kemm tagħlim intilef għall-biża’ mimli grass tal-egoiżmu ta’ xi wħud! U anki riċetti ta’ ikel u xorb intilfu tafux! Le! Din bluha tal-bluhat!

Ejjew inwessgħu l-kunċett tal-edukazzjoni minn informazzjoni għall-formazzjoni. Formazzjoni tal-karattru. Le! Mhux kull ideja hija daqs l-oħra. Hemm ġerarkija ta’ idejat. Anki fl-edukazzjoni hemm it-tajjeb, aħjar u l-aħjar. Għax meta nkunu tassew irnexxejna fl-edukazzjoni? Meta niffurmaw il-kuxjenza ta’ uliedna. Mhux b’dak li jingħad fil-midja. Lanqas bl-opinjoni pubblika. Iżda minn prinċipji sodi li ma jċedu qatt!

Il-vera edukazzjoni hija sodda tajba biex il-fidi tissaħħaħ. Ħalli tissokta tfejjaqna bħala poplu. Mela ejja niffurmaw lil uliedna fl-għarfien biex fil-ħajja jagħżlu dejjem l-aħjar. Jiġifieri l-etern! Li ma jiġix mill-kotba iżda minn xi ħaġa aktar għolja: mill-qalb miftuħa għall-Mulej!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: