L-Evanġelju tat-Tnejn, 2 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Mt 18: 1-5.10

Il-mistoqsija tad-dixxipli ġġibli quddiem għajnejja il-mod kif naħsbuha aħna. Aħna ma nistaqsu xil-mistoqsija li staqsew id-dixxipli għax m’għandniex għalfejn. Barra mill-Knisja u fiha intanbru l-ħin kollu min hu l-aqwa, min hu l-ewwel, min hu l-uniku. Nitħabtu għat-titli u għall-unuri; nasserixxu bil-qawwa kollha is-supremazija tagħna, kemm aħna kbar u kemm m’hawnx bħalna, fil-Knisja u barra minnha. Fina bħala persuni u anke bħala komunitajiet jew gruppi, terfa’ rasha dejjem l-attitudni tal-‘jien aqwa minnek’. Anke jekk nargumentaw jew niddisukutu, l-anqas biss nagħtu ċnas lil xulxin nitkellmu, ngħollu leħinna u jekk leħinna mhux għoli biżżejjed, ninsulentaw u ngħajru biex nuru li aħna ma joqgħodilniex dubbien fuq imnieħirna. Aħna l-ikbar minn hawn sas-saltna tas-smewwiet.

Nissogra ngħid kultant inħossuna ikbar minn Alla stess, l-iktar meta nqiegħdu lilna nfusna fiċ-ċentru ta’ kollox; donnu llum il-kelma ‘egoiżmu’ (li taħseb biss fik innifsek u tiġbed lejk) mhix biżżejjed għalina, din kważi ġustifikata. Illum irridu nkunu u aħna ‘egoċentristi’ jiġifieri miegħi idur kollox; jiena naħseb fija nnifsi u l-bqija tad-dinja trid iddur miegħi, mal-aptiti tiegħi, mal-kapriċċi tiegħi, mal-opinjonijiet tiegħi. Jiena nemmen f’alla wieħed, il-jien li nista’ kollox. Ammen.

Il-mistoqsija tad-dixxipli, hija applikazzjoni għas-setgħa, hija l-kilba għall-awtorità fuq ħaddieħor, ix-xewqa għas-supremazija. Dudu qadim li jikolna minn ġewwa għax huwa dudu li ma jikkuntenta ruħu qatt.

Did-darba Ġesù ma jċanfarhomx, fuq hekk Ġesù ma jċanfarniex. Għax jekk iċanfar jaf li minflok jgħallimhom ikun qed jagħmel bħalhom, jagħtihom raġun għall-kurżità mikduda tagħhom.

Ġesù jurina il-bluha tagħna, jurina kemm qed norbtu qalbna mar-riħ. Jekk ma tiċċekknux, mhux biss ma tkunux l-aqwa u l-ikbar, tispiċċaw weħdikom, għax iktar kemm togħlew ’l fuq iktar tkunu weħidkom, u l-anqas il-bieb ta’ barra ma taraw. Tibqgħu barra u l-bieb jistabat f’wiċċkom. L-anġli tagħna jaraw wiċċ Alla l-ħin kollu u jiddefenduna u jħarsuna l-ħin kollu, għax għandna bżonn min jiddefendina u jħarisna, l-iktar mill-għadu ewlieni tagħna, aħna stess, meta nimlew rasna u naħsbu li aħna xi ħaġa kbira. Ġesù jiftħilna għajnejna mingħajr ma jumiljana kif nagħmlu aħna bejnietna.
Veru li l-bniedem, bilwieqfa jirraġuna mod u mimdud jirraġuna mod ieħor, imma għalfejn għandu jkolli nimtedd biex nagħaraf li jien għandi bżonn kulħadd, l-iktar lil Alla.
Aħna kbar mhux għax nirbħu l-argumenti jew għax nilbsu sabiħ jew għax in-nies jistmawna skont kif nixtiequ u jsejħulna bit-titli. Aħna kbar għax maħluqin xbieha ta’ Alla, mifdija b’demm Ibnu u mqawwijin bl-Ispirtu tiegħu; fuq kollox niddependu għal kollox minnu li jrid jagħtina kollox, kulma hu tiegħu. Hemm jinsab il-kobor tagħna għax Alla ma jisserdaqx, Alla jħobb.

Ħalli lill-anġlu tiegħu imexxik u jżommok f’postok li ma jmurx jitlalek għal rasek l-inbid tas-suppervja u tisker bih. Dur dawra madwarek u lil min forsi taħtfu jew tinjorah, għax mhux tal-qata’ tiegħek, urieh li inti bħalu, urieh li inti bżonnu, urieh li waħdek m’inti xejn, imma flimkien u bir-rieda tajba tat-tnejn, id-dinja tat-tnejn issir waħda u ssir waħda aħjar għat-tnejn.

San Pawl missierna jagħtina dan il-parir: Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.