Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Bniedem li titkabbar bih tassew!

Bniedem li titkabbar bih tassew!


Ismu, mill-Grieg, hu Γεωργιος (Georgios). Din il-kelma ġejja mill-kelma Griega oħra, γεωργος (georgos), li tfisser “bidwi, ħaddiem tal-art”. L-għaliex, minnha nnifisha, ġejja minn żewġ kelmiet Griegi oħra, (ge) “art” u εργον (ergon), “xogħol”.

Minix sempliċiment qed nitħaddet dwar il-magħruf suldat qaddis tat-tielet seklu mill-Palestina li ġie martirizzat matul il-persekuzzjonijiet tal-imperatur Dioklezjanu. U lanqas mhu qed nirreferi għall-ġrajjiet fejn San Ġorġ, permezz tal-kobor tal-qawwa tal-Mulej u bi driegħu merfugħ (ara Dt 9:9) seħħlu jisħaq ras id-dragun ta’ l-ilma (ara Salm 74). Imma qiegħed nitħaddet fuq bniedem sempliċi, iżda, fis-sempliċità, l-umiltà u t-tjubija ta’ qalbu, altru kienx bniedem mimli bil-kobor tal-Mulej! Altru kienx il-bniedem li saħaq taħt saqajh dragun li hawn idur u jibla’ ruxxmata fostna: id-dragun tal-egoiżmu!

It-tifkira għażiża ta’ Ġorġ Farrugia, tfisser, għalina li konna nafuh mill-qrib, bniedem b’qalb tad-deheb. Kif iddisrevietu b’tant preċiżjoni n-neputija tiegħu, Leanne, li hu kien tant iħobb, Ġorġ huwa “l-bniedem imżejjen bl-isbaħ valuri li tah il-Mulej”. Iżda x’inhuma dawn il-valuri sbieħ li, int u jien, tant għandna bżonn biex nikbru fil-ħajja vera? Fil-ħajja tal-imħabba?

Ġorġ kien il-bniedem li rabba lill-familja tiegħu fl-imħabba, fl-onestà u fis-sinċerità. Ġorġ kien il-bniedem li dejjem kien hemm għall-familja tiegħu. Kien il-missier tal-familja li ra kif għamel biex iżomm sewwa lill-familja tiegħu. Mhux biss fl-affarijiet materjali u li jgħaddu. Imma wkoll, u wisq aktar, bl-imħabba li tema lil martu, l-uliedu u lill-ulied uliedu. Iva! L-imħabba tal-qalb tajba u ħanina. Il-qalb li, fis-soċjetà tagħna, hawn tant bżonn li terġa’ titfaċċa ħa ssaħħan il-kesħa li hawn ta’ qlub li ma jimpurtahom minn xejn u minn ħadd għajr li jgħixu għalihom infushom. Imma ħej dawn il-qlub diġà huma mejta għax kiesħa silġ! Diġà iffriżaw ruħhom fil-ħażen!

Għall-kuntrarju, Ġorġ, ir-raġel bieżel, li kien “joħroġ għax-xogħol u jibqa’ jaħdem sa fil-għaxija” (S 104:23), kien il-bniedem ta’ qalbu f’idu. Ġorġ għex sal-inqas qattra l-kmand li tana Ġesù fil-vanġelu skont San Ġwann: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Id-don tal-ħniena li l-Mulej tefa’ f’qalb Ġorġ ma kienx biss mogħti lill-familja tiegħu. Anzi! Dan id-don Ġorġ ħaddmu saħansitra ma’ ħbiebu u l-ġirien tiegħu. Kont titgħaxxaq tħares lejh, dejjem lest biex jgħinnhom. Ġorġ kien raġel kbir tassew l-għaliex qatt ma ħaseb li kien xi ħaġa. Anzi! Kien raġel sempliċi. U għalhekk kien dejjem kuntent.

Ġorġ ifakkarni fil-kelma għażiża ta’ Ġesù li, quddiem is-sempliċità tan-nies umli u sempliċi bħal Ġorġ, aqta’ kemm qabeż bil-ferħ! Oh kemm nies umli bħal Ġorġ huma ta’ konsolazzjoni għall-qalb “ħelwa u umli” (Mt 11:29) ta’ Ġesù li tant tiġġerraħ minn nies suppervi u li ma jista’ ikellimhom ħadd! Nies li jaħsbu li huma xi ħaġa! Meta, u fil-fatt, huma l-aktar nies imkissrin minn ġewwa! “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11:25-26).

Ġorġ ifakkarni fil-kliem sabiħ li jikteb Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika postsinodali tiegħu Il-Ferħ tal-imħabba meta jgħid: “Ladarba aħna maħluqin biex inħobbu, nafu li ma jeżistix ferħ akbar milli naqsmu ma’ xulxin xi ħaġa tajba: ‘Agħti u ħu, u derri’ (Sir 14:16). L-aqwa ferħ fil-ħajja jitnissel meta jirnexxielna nferrħu lill-oħrajn, bħal f’tidwiqa minn qabel tas-Sema” (nru. 129). Ġorġ kien ta’ kuraġġ kbir għall-ħafna nies. Kien il-bniedem tal-familja li jisimgħek u jitħaddet miegħek. Għalhekk miegħu kont stajt titkellem! U, ibqa’ ċert, li kien jagħtik parir tajjeb. Mhux ta’ b’xejn li għan-nies li kienu jafuh Ġorġ ħalla eżempju mill-isbaħ ta’ x’jiġifieri tkun missier ta’ familja Nisranija.

Fi kliem in-neputija tiegħu Leanne, Ġorġ wera l-qawwa tal-Mulej li kien hemm taħdem fih partikularment fi żmien il-mard. Tgħid in-neputija tiegħu Leanne: “Ħaġa li impressjonatni fin-nannu kienet il-kuraġġ li kellu meta kien ġie diagnosed bil-marda tal-kanċer. Qatt ma smajtu jgħid l-għaliex jiena jew xi dwejjaq. Iżda aċċetta s-sitwazzjoni u ħalla kollox f’idejn Alla. Kienet marda ħarxa li ħakmitu u għalkemm bata ħafna, specjalment f’dawn l-aħħar xhur, xorta qatt ma qal xi dwejjaq. Dejjem kien pożittiv anki fl-aktar mumenti diffiċli. Kull meta konna nidħlu l-isptar kulhadd kien isellimlu bil-ferħ: ‘Ara Ġorġ!’. L-istaff kollu ta l-isptar ta’ l-onkologija u anke fis-swali oħra li kien ikun fihom f’Mater Dei kollha kienu jħobbuh. U l-ħin kollu kienu jistaqsuh jekk għandux bżonn xi ħaġa. Ġorġ qatt ma tahom trouble. Ħaġa li impressjonatni kienet li f’dawn is-sentejn u nofs li kien ilu ġej u sejjer l-isptar kulħadd sar ħabib miegħu”.

Ġorġ, is-sammaritan it-tajjeb, il-bniedem li għalih il-familja kienet tiġi fl-ewwel post. Ġorġ, ir-raġel, il-missier, in-nannu speċjali. Minkejja n-niket tat-telfa Leanne tgħid li tinstab “kuntenta li rani nilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħi fl-istudji tiegħi. Dejjem tani kuraġġ ta’ sur u sapport enormi. Nirringrazja lil Alla li kelli x-xorti li ngawdih u nkun dejjem qrib tiegħu. Ninsab ċerta li mill-bieraħ stess beda jgawdi l-premju etern tas-sema fil-ġenna”.

Għax il-bniedem ta’ qalb umli, sinċier, sempliċi u twajjeb, insomma l-ħaddiem ta’ veru, huwa dak li jagħmillek tabilħaqq unur! Eżatt bħalma għamilli unur u tant ġid Ġorġ Farrugia.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: