Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 3 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 3 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja

Lq 9, 51-56

Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, Ġesù b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor.

La kienet l-ewwel u l-anqas l-aħħar darba li Ġesù bagħat lid-dixxipli qablu biex iħejjulu fejn ikun sejjer. Darba bagħthom tnejn tnejn qablu f’kull belt jew raħal fejn kien beħsiebu jmur, biex in-ni sikunu jafu bih, u x’jistennew mingħandu. Dakinhar riedhom jikkonvinċu bil-kelma mhux jimpressjonaw b’li jieħdu magħhom; riedhom iwasslu lilu bil-qawwa tiegħu, mhux lilu b’dak li kellhom.  Iktar ’il quddiem bagħat tnejn minnhom iħejjulu l-post u l-ikel u xi oħrajn biex iġubulu l-felu ta’ ħmar.  Ma’ Ġesù ma tkun qatt qiegħed. Riedhom biex ikunu miegħu biex jibgħathom jippridkaw.

Hawn min jaħseb li li tkun dixxiplu ta’ Kristu jfisser li tisma’ u tqogħod bilqiegħda komdu tosserva u tikkritika; hemm min jirraġuna li la qed jagħmel dmiru hu biżżejjed, ħaddieħor jara hu. Jista’ jkun li waħda mill-ikbar problemi li għandha l-Knisja llum, li għandha s-soċjetà llum, li għandhna aħna fil-familji tagħna hija din. Kuntent jien kuntent kulħadd, moqdi jien moqdi kulħadd u met anaraw li mhux kollox sejjer sew, erħilna nippuntaw subgħajna u ngħidu ħaddieħor x’missu jagħmel. Ħallina nikkritikaw lil min jagħmel xi ħaġa waqt li aħna naħtru lilna nfusna mħallfin ta’ kulħadd barra tagħa nfusna. Omm il-ġifa qatt ma tagħli u min ma jagħmel xejn ma jiżbalja qatt.

Sfortunatament, anke fil-Knisja, din il-mentalità toħloq distinzjonijiet u differenzi u tifred u tqanqal id-diżappunti u l-frustrazzjoni, għax min ma jagħmel xejn, ma jagħmel xejn, u min jagħmel u jħossu l-ħin kollu kkritikat minn min ma jagħmilx, jibda jaqta qalbu.  Ma’ Ġesù trid ixxammar u taħdem. Min ma jerfax salibu kuljum u jimxi warajja, mhux tajjeb għal miegħi. Minn bilqiegħda ma nimxux u meta ma nimxux lanqas biss nitilqu, aħseb u ara kemm naslu.

Lanqas ma kienet l-ewwel darba lil lil Ġesù ma laqgħuhx. Nazaret riedu jitfgħuh minn fuq l-irdum għal isfel. U l-Gerażin twerwru minnu u talbuh jitlaq. Din tas-samaritani stramba. F’San Ġwann mhux biss laqgħuh, iżda baqa’ hemm xi jiem. Għalfejn dawn ma riduhx. Jiena naħseb li ma riduħx mhux għax kien Lhudi (u huma u l-Lhud ma kienux jitħamlu) iżda għax saru jafu fejn kien sejjer: Ġerusalemm. Lil Ġesù din il-ħaġa ma taħsdux, anzi hu stess kien wissa lid-dixxipli biex minn fejn ma jilqgħuhomx jitilqu u jfarfru t-trab minn ma’ saqajhom.

Hu ma jinkwetax, imma Ġwanni u Ġakbu jirritaw ruħhom. Huma, ulied ir-ragħad, talbuh jibgħatilhom in-nar u l-kubrit mis-sema.

Kemm nafuha din! Kemm nixtiequ li Alla jtajjar ras kullmin ma jaqbilx magħna jew mhux bħalna. Eħles minnhom. Dawn mhux tajbin bħalna u mhux tajbin għal magħna. Dawn tentazzjoni għalina, għax jekk jibqgħu jagħmlu li jridu, iħajruna u nibdew nagħmlu bħalhom. U jekk Alla mhux lest li jara x’se jagħmel bihom, nieħdu deċiżjoni aħna dwarhom. Naslu anke biex nhedduhom u nieħduha kontra minn jipprova jimxi magħhom kif jimxi Ġesù, bil-paċenzja u s-sabar. Nikkoreġu lil Papa, neħduha kontra l-Isqof u ngħidu lil Alla kif għandha timxi l-Knisja tiegħu. Minflok inħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxi l-Knisja, nippretendu li mmexxuha aħna.

Min hu bla dnub, jitfa’ l-ewwel ġebla. Id-dnub ta’ xi wħud jidher, id-dnub ta’ oħrajn huwa moħbi. Ninsew li aħna wkoll ġieli nkunu bħalhom. Ninsew li, li kieku ma jieħux paċenzja bina, m’aħniex fejn aħna llum. Ninsew li f’kull quddiesa aħna ngħidu, ‘Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi’; bil-grazzja ta’ Alla biss nistgħu nkomplu u ngħidu ‘iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa’. Ħaddieħor, min għal raġuni u min għal oħra, għadu ma laqgħax dik il-grazzja.

Iċ-ċanfira mingħand Ġesù ma jaqilgħuhiex huma. Iċ-ċanfira naqilgħu aħna.

Illum dur dawra madwarek u ibda ħejjilu t-triq, mhux billi toqgħod bilqiegħda u tipprova ssib ix-xagħra fl-għaġina ta’ ħaddieħor imma billi tibda tagħġen int.

U llum ukoll ħu paċenzja b’min hu rasu iebsa u u għadu ma wasalx; ftakar li biex tagħmel hekk, trid trattab rasek int u tird titlaq timxi int.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: