Katekeżi Tama Nisranija, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Missjunarji tat-tama llum


35. Katekeżi dwar it-Tama Nisranija mill-Papa Franġisku. 4 ta’ Ottubru 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’din il-katekeżi nixtieq nitkellem fuq it-tema “Missjunarji tat-tama llum”. Qed nieħu pjaċir nagħmel dan fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru, li fil-Knisja hu ddedikat b’mod partikulari lill-missjoni, u anki nhar il-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li kien missjunarju kbir tat-tama!

Fil-fatt, in-Nisrani mhuwiex profeta ta’ ħwejjeġ koroh. Aħna m’aħniex profeti tal-isfortuna. L-essenza tat-tħabbira tiegħu hi l-kuntrarju, bil-maqlub tal-isfortuna: hu Ġesù, li miet għax ħabbna u li Alla qajmu mill-imwiet fi sbiħ il-Għid. U din hi l-qalba tal-fidi Nisranija. Li l-Vanġeli kellhom jieqfu mad-difna ta’ Ġesù, l-istorja ta’ dan il-profeta konna nżiduha ma’ tant bijografiji ta’ persunaġġi erojċi li qattgħu ħajjithom jaħdmu għal ideal. Hekk il-Vanġelu kien ikun ktieb li jedifikana, anki jfarraġna, imma ma kienx ikun aħbar ta’ tama.

Imma l-Vanġeli ma jagħlqux mal-Ġimgħa l-Kbira, imorru lil hemm; u hi sewwasew din il-biċċa oħra li tibdlilna ħajjitna. Dak is-Sibt wara li hu ġie msallab, id-dixxipli ta’ Ġesù kienu mifnija; dik il-blata mgerrba fuq id-daħla tal-qabar kienet għalqet ukoll it-tliet snin entużjażmanti li huma għexu mal-Imgħallem ta’ Nazaret. Deher li kien spiċċa kollox, u xi wħud, delużi u mwerwra, ġa kienu qed iħallu Ġerusalemm.

Imma Ġesù jqum mill-mewt! Dan il-fatt mhux mistenni jaqleb ta’ taħt fuq u jibdel il-ħsieb u l-qalb tad-dixxipli. Għax Ġesù ma jqumx biss għalih innifsu, bħallikieku t-twelid mill-ġdid tiegħu kien prerogattiva li hu għajjur għaliha: jekk jitla’ għand il-Missier, dan għax irid li l-qawmien tiegħu jieħu sehem fih kull bniedem, u jkaxkar miegħu fl-għoli lil kull ħlejqa. U dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin id-dixxipli jiġu mibdula min-nifs tal-Ispirtu s-Santu. Mhux biss għandhom aħbar sabiħa xi jwasslu lil kulħadd, imma huma stess huma differenti minn qabel, qishom reġgħu twieldu għal ħajja ġdida. Il-qawmien ta’ Ġesù jibdilna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Ġesù huwa ħaj, hu ħaj fostna, hu ħaj u għandu dik il-qawwa li tibdel.

Kemm hi ħaġa sabiħa li naħsbu li aħna l-ħabbara tal-qawmien ta’ Ġesù mhux biss bil-kliem, imma bil-fatti u bix-xhieda ta’ ħajjitna! Ġesù ma jridx dixxipli li jafu biss jirrepetu formli li tgħallmu bl-amment. Hu jrid xhieda: persuni li jxerrdu t-tama bil-mod kif huma jilqgħu, jitbissmu, iħobbu. Fuq kollox iħobbu: għax il-qawwa tal-qawmien lill-Insara tagħmilhom kapaċi jħobbu mqar meta l-imħabba donnha tkun tilfet ir-raġunijiet tagħha. Hemm xi ħaġa “iżjed” fil-ħajja Nisranija, u li ma nistgħux infissruha sempliċiment bħala kuraġġ jew ottimiżmu ikbar. Il-fidi, it-tama tagħna mhix biss ottimiżmu; hi xi ħaġa oħra, iktar! Hi bħallikieku dawk li jemmnu kienu persuni b’“biċċa aktar mis-sema” fuq rashom. Kemm hi sabiħa din: aħna persuni li għandna biċċa iżjed mis-sema fuq rasna, aħna msieħba minn preżenza li hemm min bilkemm jirnexxielu jħossha.

Hekk xogħol l-Insara f’din id-dinja hu dak li jiftħu wesgħat ta’ salvazzjoni, bħal ċelloli ta’ riġenerazzjoni li għandhom il-ħila jroddu l-ħajja lil dak li donnu deher mitluf għal dejjem. Meta s-sema jkun kollu sħab, min jaf jitkellem dwar ix-xemx huwa barka. Araw, il-veru Nisrani dan hu: mhux igerger u jirrabja, imma konvint, bil-qawwa tal-qawmien, li l-ebda ħażen mhu hemm għal dejjem, l-ebda lejl mhu bla tmiem, l-ebda bniedem ma hu għalkollox żbaljat, m’hemm l-ebda mibegħda li ma tintrebaħx bl-imħabba.

Daż-żgur, xi drabi d-dixxipli jkollhom iħallsu qares għal din it-tama mogħtija lilhom minn Ġesù. Jiġuna f’moħħna tant Insara li ma telqux lill-poplu tagħhom, meta wasal iż-żmien tal-persekuzzjoni. Baqgħu hemm, fejn lanqas il-jum tal-għada ma kien ċert, fejn ma setgħu jagħmlu l-ebda proġett, baqgħu hemm jittamaw f’Alla. U jiġuna f’moħħna ħutna fil-Lvant Nofsani li qed jagħtu xhieda kollha tama u anki joffru ħajjithom għal din ix-xhieda. Dawn huma l-veri Nsara! Dawn qed iġorru s-Sema f’qalbhom, iħarsu lil hemm, dejjem lil hemm. Min kellu l-grazzja li jħaddan il-qawmien ta’ Ġesù jista’ jkompli jittama f’dak li jidher bla tama. Il-martri ta’ kull żmien, bil-fedeltà tagħhom lejn Kristu, jirrakkontaw li l-inġustizzja mhijiex l-aħħar kelma fil-ħajja. Fi Kristu Rxoxt nistgħu nkomplu nittamaw. Il-bnedmin li għandhom “għaliex” jgħixu, jirreżistu iżjed minn oħrajn fi żminijiet ibsin. Imma min għandu lil Kristu miegħu tabilħaqq ma jibża’ minn xejn iżjed. U għalhekk l-Insara, l-Insara veri, qatt ma huma bnedmin faċli jew li jċedu malajr. L-umiltà tagħhom ma rridux nifxluha ma’ sens ta’ inċertezza jew ta’ ċediment. San Pawl jixpruna lil Timotju biex ibati għall-Vanġelu, u jgħidlu hekk: “Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan” (2 Tim 1:7). Meta jaqgħu, dejjem jerġgħu jqumu fuq saqajhom.

Araw, ħuti, għaliex in-Nisrani hu missjunarju tat-tama. Mhux b’merti tiegħu, imma grazzi għal Ġesù, il-ħabba tal-qamħ li, għax waqgħet fl-art, mietet u tat ħafna frott (ara Ġw 12:24).

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s