Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Via dell’Abbondanza

Via dell’Abbondanza


Dan l-aħħar kelli l-grazzja nżur l-iskavi tal-belt Rumana ta’ Pompeii. Kien nhar l-24 t’Awwissu tas-sena 79 WK meta Pompeii, flimkien mal-belt ġara tagħha, Herculaneum, ġiet letteralment mirduma mill-ġebel imdewweb u vulkaniku pulverizzat flimkien mal-irmied sħun bir-rata ta’ 1.5 miljun tunella s-sekonda li ħareġ mill-Vulkan Vessuvju. Dan kollu kien imsieħeb ma’ sħaba tal-mewt ta’ tephra (jew aħjar biċċiet tal-ġebel imwaddba mill-eruzzjoni volkanika) u gassijiet. Dan kollu ammonta għall-100,000 darba aktar mill-enerġija termali tal-bumbardamenti ta’ Hiroshima-Nagasaki.

Kienu għall-ħabta tas-1.30 pm meta middejt riġlejja f’din il-belt Rumana antika. Wara xi minuti ta’ mixi, fejn ma stajtx ma ngħaddix minfejn il-gladjaturi ta’ Pompeii kienu jħejju ruħhom għall-ispettakli, ġejt fiha, jiġifieri f’Via dell’Abbondanza. Irrid ngħid li ma kienux le r-Rumani li semmew lil din it-triq Via dell’Abbondanza iżda l-arkejoloġi li ħadmu f’Pompeii. Din it-triq ewlenija f’Pompeii tħaddan fiha l-aktar bini ippreservat. Via dell’Abbondanza tgħaqqad il-forum fil-punent tal-belt sa’ Bieb Sarno fl-Lvant, li hu viċin l-amfitejatru.

Pompeii kienet belt b’saħħitha ekonomikament. Fatt interessanti li jikxef dan huwa l-ħafna ħwienet li kien hemm imxerrda mal-belt kollha. Is-sinjali imnaqqxa juru t-tip ta’ affarijiet dak il-ħanut partikulari kien ibiegħ. Għalhekk Via dell’Abbondanza, li kienet waħda mit-toroq ewlenin f’Pompeii, kienet miżgħuda bil-ħwienet. Ħanut ħdejn l-ieħor. Wieħed jista’ jimmaġina kemm din it-triq kienet dejjem mimlija bin-nies minħabba l-attività kummerċjali tagħha. Ovvja li n-nies tinġabar fejn hemm il-ġid, l-abbundanza!

Aktar ma bdejt nimxi f’din it-triq, waqt li bdejt nittawwal lejn il-fdalijiet ta’ ħanut u mbagħad ta’ ħanut ieħor, stajt aktar napprezza bil-bosta l-istorja qadima ta’ din il-belt Rumana. F’din it-triq ewlenija ta’ Pompeii wieħed kien isib ħwienet li kienu jbiegħu ikel u anki inbid. Tip ta’ ħanut li nsibu f’Via dell’Abbondanza kien t-thermopolium (bil-Grieg θερμοπώλιον). Jiġifieri ħanut tal-ikel. F’dan it-tip ta’ ħanut kienet għal kollox possibbli li tixtri ikel diġà msajjar biex tieklu. Għalhekk it-thermopolium nistgħu nqabbluh mal-fast food modern. Dan it-tip ta’ ħanut kien l-aktar li jintuża mill-fqar jew inkella minn dawk li ma setgħux jaffordjaw kċina privata. Mhux ta’ b’xejn li n-nies ta’ klassi għolja ma kienu jħarsu xejn sabiħ lejn il-foqra! Fit-thermopolium l-ikel kien jinżamm fit-terra-cotta f’bank apposta li kien jintuża biex iservi l-ikel. L-ikel kien jew jittiekel fil-ħanut inkella barra t-triq.

Fattur kurjuż ħafna huma l-iskrizzjonijiet li nsibu matul din it-triq li hija r-ruħ tal-belt kollha. Hekk ngħidu aħna f’tinqixa minnhom insibu hekk: “Nitlobkom tagħżlu lil Gaius Lulius Polybius bħala duumvir (jiġifieri l-ogħla uffiċċju politiku f’Pompeii)”. Kos hux! Mela anki f’Pompeii kien hemm il-kampanji elettorali! Imbagħad, fl-istess triq, insibu t-tieni sejħa biex il-Pompejani jivvutaw, din id-darba, għall-Publius Paquis Proculus. Hekk jgħid l-ispot politiku permezz tal-iskrizzjoni: “Nitlobkom tagħżlu lil Publius Paquius Proculus bħala duumvir, (bniedem) li adatt għall-uffiċċju pubbliku. Jixraqlu”.

Sejħa oħra għall-għażla elettorali din id-darba iddur fuq Aulus Trebius Valens u Gnaeus Audius Bassus. “Nitlobkom tagħżlu lil Aulus Trebius Valens u Gnaeus Audius Bassus bħala duumviri għall-ħames snin għall-amminstrazzjoni tal-ġustizzja”. Talba oħra f’Via dell’Abbondanza ġiet minn ċertu Sabinus. Dan kien qed jikkanvażja lil Quintus Paquius Proculus. Sabinus kiteb hekk: “Nitlobkom tagħżlu lil Quintus Paquius Proculus bħala aedile (li kien responsabbli mill-manutenzjoni tal-binjiet pubbliċi, ir-regulazzjoni tal-festi pubbliċi u tal-infurzar tal-ordni pubbliku), (bniedem), li jixraqlu l-uffiċċju pubbliku. Sabinus, il-lukandier, jitlob dan”.

Kif diġà għedna Via dell’Abbondanza kienet twassal għall-Forum. Jew aħjar għall-post ċentrali ta’ Pompeii fejn l-allat kienu jiġu meqjuma, kienu jsiru l-laqgħat tal-gvern u l-mexxejja kienu jiddiskutu t-tmexxija tal-belt.

Għalkemm il-Vulkan Vessuvju għamel waħda mill-kbar nett fis-sena 79 WK madankollu Via dell’Abbondanza baqgħet tgħajjat, anki minn ġor-radam għal mijiet ta’ snin, il-kumerċ, il-kampanji elettorali, il-bini reliġjuż u dak ċivili. Wara kollox l-Abbundanza vera dejjem twassal għal tifsira ġdida tal-politika.

U x’inhi l-politika jekk mhux dik “it-tama li, [bħall-kolonna] iżżomm id-dinja? It-tama li hija l-ħolma tal-bniedem imqajjem”? U min seta’ jgħidha din jekk mhux Plinju x-Xiħ jew aħjar Gaius Plinius Secundus (23 AD-79 AD)? L-istess bniedem, naturalista u filosfu naturali li ħalla ħajtu proprju fl-iżbruffar katastrofiku tal-Vessuvju (AD 79) fuq ix-xtajta fi Stabiae? U qabel miet kellu jkun il-magħruf xhud tal-qerda ta’ Pompeii stess?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: