Il-Ħamis 5 ta’ Ottubru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.
Min isib għeruqu mill-ġdid hu bniedem ta’ ferħ filwaqt li dak li jeżilja ruħu psikoloġikament jagħmel ħafna ħsara.
Din kienet ir-riflessjoni profonda li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari meħud mill-Profeta Neħemija li fih hemm deskrizzjoni ta’ laqgħa liturġika kbira: il-poplu miġbur ħdejn il-Bieb tal-Ilma, f’Ġerusalemm.
Kien ukoll iż-żmiem li fih intemmet storja twila ta’ aktar minn 70 sena – l-eżilju fil-Babilonja, għalhekk storja ta’ biki u niket għall-Poplu t’Alla.
Mal-waqgħa tal-imperu Babiloniż, ir-re tal-Persja Artaserse ra lill-qaddej tiegħu mnikket waqt li dan kien qed iferragħlu l-inbid, u jibda konverżazzjoni miegħu. Neħemija wera x-xewqa li jerġa’ lura lejn Ġerusalemm għax kien maħkum minn nostalġija kbira għal beltu.
Il-Papa għalhekk ikkwota s-salm: Fuq xtut ix-xmajjar tal-Babilonja qgħadna u bkejna. Ma setgħux ikantaw u ċ-ċetri tagħhom kienu mdendlin mas-siġar tal-luq, imma l-fakra ta’ belthom ma kinitx għebet.
Il-Papa qabbel dan man-nostalġija tal-migranti, dawk li huma bogħod mill-patrija u jixtiequ jerġgħu lura.
Għalhekk Neħemija kien qed iħejji biex jerġa’ lura u jieħu l-poplu miegħu lejn Ġerusalemm. Vjaġġ diffiċli għax kellu l-biċċa iebsa li jikkonvinċi ħafna nies u jieħu miegħu l-meħtieġ biex jerġa’ jibni l-belt. Imma aktar minn kollox, kien vjaġġ li permezz tiegħu l-poplu kien se jerġa’ jsib l-għeruq tiegħu.
Wara tant żmien l-għeruq kien ddgħajfu, imma ma kinux għebu.
Mingħajr l-għeruq ma nistgħux ngħixu, qal il-Papa: poplu mingħajr għeruq, jew li jinsiehom, hu poplu marid.
Li nsibu l-għeruq tagħna mill-ġdid ifisser li nkunu sibna l-forza biex nibqgħu mexjin. Iżda f’dil-mixja, innota l-Papa, hemm ħafna reżistenzi minn dawk li jippreferu l-eżilju fiżiku, l-eżilju psikoloġiku, minn dawk li jippreferu jkunu poplu bla patrija, bla għeruq. Dan l-eżilju psikoloġiku jeqred l-għeruq. Dak li jkun ma jħossux parti minn poplu.
Iżda l-poplu jibqa’ miexi u jasal il-jum li fih tiġi fi tmiemha r-rikostruzzjoni. Jinġabar biex jirrestawra l-għeruq, jiġifieri biex jisma’ l-Kelma t’Alla li kien qed jaqra l-iskriba Esdra.
Il-poplu kien qed jibki, imma did-darba bil-ferħ, għax reġa’ sab lilu nnifsu. Meta jintemm il-qari, Neħemija jistedinhom biex jagħmlu festa, biex jifirħu li reġgħu sabu l-għeruq tagħhom.
Il-bniedem li jerġa’ jsib għeruqu hu bniedem ta’ ferħ, ferħ li jqawwi. Mill-biki tan-niket, tad-dgħufija, sal-biki bil-ferħ: ninsab id-dar.
Għalhekk il-Papa stedinna biex naqraw it-tmien kapitlu ta’ Neħemija li minnu meħud l-ewwel qari tal-lum u nistaqsu lilna nfusna jekk aħna qattx insejna lill-Mulej, jekk aħna aħniex f’mixja biex insibu l-għeruq tagħna, inkella aħniex nippreferu li neżiljaw ruħna psikoloġikament, aħniex magħluqin fina nfusna.
U Franġisku temm jgħid li min jibża’ jibki, jibża’ wkoll jidħak għax meta nibku bin-niket, wara jiġina l-biki tal-ferħ. Għalhekk jeħtieġ nitolbu l-grazzja li jkollna l-biki tal-indiema imma wkoll il-biki tal-ferħ għax il-Mulej ħafrilna u f’ħajjitna għamel magħna dak li għamel mal-poplu tiegħu.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija