Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > X’benefiċċji fih il-qari?

X’benefiċċji fih il-qari?


Issa li s-sena skolastika 2017-2018 bdiet tirranka huma ħafna l-punti li wieħed għandu jfakkar. L-edukazzjoni hija s-sinsla tas-soċjetà tagħna. Iżda, bħala Maltin u Għawdxin, irridu nammettu li aħna, bħala poplu, ma tantx inħobbu naqraw.

Ħdejn popli oħra donna niddejqu naqraw. Tajjeb mela li, kull wieħed u waħda minna, isaqsi lilu nnifsu u lilha nnifisha din il-mistoqsija importantissima: X’benefiċċji fih il-qari? L-għaliex il-qari huwa tant meħtieġ għalina bħala bnedmin u ċittadini Maltin?

L-ewwel, il-qari jiftaħna għall-ħwejjeġ ġodda li hawn madwarna u li aħna qajla nafu bihom. Permezz tal-qari int u jien nesponu ruħna għalihom. Il-qari jiftħilna orizzonti tassew kbar biex naċċessaw informazzjoni ġdida. Il-qari jurina wkoll modi ġodda, modi li lanqas inkunu ħlomna bihom qabel, ta’ kif nistgħu insolvu problema. Fl-istess ħin il-qari jagħtina wkoll l-għodod meħtieġa ta’ kif ħaġa nistgħu niksbuha. Kos hux! Qatt irrejalizzat li bil-qari jiena nista’ niskopri fija namra għall-passatemp li dejjem ħassejt li kelli imma li qatt ma seħħli nesprimih b’mod konkret? Bil-qari naf nesplora xi ħaġa li jien, fil-fond ta’ qalbi, veru nħobb u nixtieq. U, jista’ jagħti l-każ, li dik il-ħaġa taf tispiċċa l-istess karriera tiegħi. Inkella s-suċċess tiegħi fil-ġejjieni. Kemm hu mportanti ħbieb li nifhmu li l-qari jiftħilna t-triq beraħ għall-iskoperta u anki għall-fehma.

It-tieni, il-qari jgħinna ntejbu lilna nfusna. Il-qari tassew jgħinni nifforma lili nnifsi aħjar. Dan l-għaliex permezz tal-qari jiena nibda’ nifhem, aktar u aktar, id-dinja li qed ngħix fiha. Permezz tal-qari jibda’ jkolli aktar għarfien ta’ suġġett li jista’ jibda’ jinteressani. Hekk, ngħidu aħna, kif nibda’ nibni kunfidenza fija nnifsi. Inkella kif nħejji pjan aħjar qabel nieħu deċiżjoni. Jew kif nimmemorizza l-ħwejjeġ aktar u aħjar. Dan it-titjib kollu tiegħi nnifsi jibda’, sewwasew, mill-qari. L-għaliex permezz tal-qari jiena noħloq mogħdija strutturata lejn għarfien aħjar u għemejjel li jħalluli aktar frott bnin. Il-qari jurini li huma dawn it-tip ta’ għemejjel li jien għandi nagħżel fil-futur.

It-tielet, il-qari jgħinni intejjeb l-għarfien tiegħi. Dan iseħħ l-għaliex aktar ma naqra aktar ħaġa nifimha. Kemm hu importanti li ħaġa, jekk jista’ ikun, inkun nafuha mill-A saż-Żeta. U mhux ta’ kaf jew ejja ħa mmorru! Eħ kemm ħsara ssir meta naġixxu fuq biċċa informazzjoni! Barra, sintendi, li dak li jkun jaqa’ waħda għaċ-ċajt żul minn hemm! Il-qari jurini l-potenzjalitajiet tiegħi imma, fl-istess ħin, iwissini wkoll safejn għandi nasal. Jekk ma rridx li noħodha għal rasi inkella nitkaħħal ma’ xi ħajt! Il-qari jġibni aktar konxju u konxja tar-regoli tal-ħajja bil-għan li nadottahom u nadattahom għas-sitwazzjoni personali tiegħi u dik tas-soċjetà li fiha ngħix. Ejjew ma ninsewx li biex nilgħab il-logħba tajjeb irrid, l-ewwel u qabel kollox, nifhem sewwa ir-regoli.

Ir-raba’, il-qari jgħinni nħejji sewwa għall-azzjoni. Għalhekk qabel niddeċiedi fuq xi ħaġa jew xi ħadd fejn l-ewwel għandi nfittex l-għajnuna u l-gwida? Minbarra li jkun għaqli bil-bosta li nistaqsi l-fehma ta’ nies ta’ fiduċja u ta’ esperjenza tajjeb ukoll li naqra. L-għaliex il-qari jiftaħli toroq ġodda ta’ kif għandi nieħu l-pass li jkolli f’moħħi li nieħu. Fid-dinja tallum huwa meħtieġ fuq li meħtieġ li wieħed jeżamina lilu nnifsu u jieħu feedback minn persuni oħra jekk irid li d-deċiżjoni li jkun se jagħmel ikollha impatt pożittiv f’ħajtu u f’ħajjet ħaddieħor. F’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni il-qari jgħin ukoll biex wieħed jara l-benefiċċji u r-riskji ta’ kull deċiżjoni li jkun se jagħmel. U dan jgħodd għal kull tip ta’ deċiżjoni. Ibda’ minn kif issajjar ikla u kif tilgħab logħba ċess sa liema post huwa sabiħ biex wieħed jagħmel il-vaganza tal-familja u l-bqija. Tiskanta kemm il-qari jaf iġib bidliet kbar. Meta qrajt il-menu sewwa qabel ordnajt l-ikel wara dejjem ħriġt sodisfatt u sodisfatta. L-istess bħal meta qrajt sewwa l-manwal qabel użajt gadget ġdid. Mela l-qari jgħinni nkun imħejji u mħejjija sewwa qabel nagħmel xi deċiżjoni. Hi x’inhi din id-deċiżjoni.

Il-ħames, il-qari jgħinni wkoll nikseb esperjenza minn persuni oħra. Dan l-għaliex meta naqra jiena nikseb it-tagħrif u l-esperjenza ta’ xi ħadd. Il-qari jista’ jħaffifli s-suċċess tiegħi biex nikseb għan. U dan iseħħ l-għaliex jiffrankali l-battikata li noqgħod nirrepeti l-istess żball. U dan minflok li dak il-ħin prezzjuż nużah biex niffoka fuq il-mogħdija t-tajba bil-għan li nikseb dik il-ħaġa. Il-qari jgħinni niskopri muntanji ta’ ġawhar ta’ esperjenzi, fallimenti u anki pariri tal-oħrajn. Il-ħajja hija wisq qasira biex nibqa’ nirrepeti l-istess żbalji li wettqu persuni oħra fl-imgħoddi. Għalhekk il-qari jgħinni nikseb riżultati li ħaddieħor diġà ikun kiseb wara ħafna żmien. Il-qari huwa mod eċċellenti kif insir naf lill-persuni u nitgħallem minnhom.

Is-sitta, il-qari huwa għodda mill-aqwa ta’ komunikazzjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni hija l-aktar għodda importanti li tista’ tiġi mwassla lill-oħrajn permezz tal-qari. Meta nikkomumika permezz tal-qari nibda’ nifhem aktar. U għalhekk nibda’ nikkomunika aħjar man-nies. Ejja nifhem li jekk ma naqrax m’għandix fil-fatt x’nikkomunika. U, jista’ jagħti l-każ, li ma nibdiex nifhem dak li n-nies qiegħdin jaqsmu bejniethom. Permezz tal-qari nibni sisien aktar b’saħħithom biex nikkomunika. Għalhekk il-qari huwa wieħed mill-aktar għodod importanti li għandi nuża biex bih nikkomunika mal-oħrajn. U ma rrid qatt ninsa’ li jekk ma naqrax ma nistax le nikkomunika mad-dinja u ma’ dak li n-nies qiegħdin jitħaddtu dwaru hemm barra. Inkluż il-messaġġ li dawn il-ħsibijiet stess qegħdin jippruvaw iwasslu. Il-qari jgħaqqadni mad-dinja.

Is-seba,’ il-qari jgħinni nuża’ moħħi aħjar. Meta naqra jiena nkun f’silenzju perfett l-għaliex il-qari jgħaqqadni ma’ moħħi. Fis-silenzju jiena nfittex aktar. Fis-silenzju moħħi jiċċara u jibda’ jiffoka aktar u aħjar. B’hekk inkun nista’ nitgħallem u nikber. Dan l-għaliex il-qari jibda’ jgħinni nħoss u nara l-affarijiet mill-mod ta’ kif iħares l-awtur dwar tant ħwejjeġ fil-ħajja. B’hekk il-qari jgħinni nifforma lili nnifsi aħjar.

It-tmienja, il-qari jżidli l-immaġinazzjoni u l-krejattività. Il-qari jesponini għad-dinja tal-imaġinazzjoni. Il-qari jurini li xejn m’huwa impossibbli f’din id-dinja. Meta naqra qed nesplora mod ieħor ta’ kif qed nara ħaġa. Mod li jista’ ikun ħafna differenti minn dak li jiena dejjem kont midħla tiegħu. Il-qari jurini kif azzjoni differenti tista’ twassalni għal riżultati differenti. Il-kotba jafu joħduni f’immaġinazzjoni li jien qatt ma nkun ħlomt biha qabel. Dan bħalma jiġri eżattament f’għanqbuta kbira fejn nista’ ngħaqqad aktar u aktar ħwejjeġ li kont naf u ħwejjeġ li għadni kemm tgħallimt. B’hekk nista’ nistruttura soluzzjonijiet u tweġibiet.

Il-magħruf akkademiku Amerikan u president ta’ Harvard Unversity fl-1869, Charles William Eliot, qal: “Il-kotba huma l-ħbieb l-aktar siekta u kostanti. Huma l-aktar aċċessibbli u dawk l-aktar li jagħtuk parir għaqli. Il-kotba huma l-aktar għalliema li għandhom sabar”. Il-qari jwassalna għat-tagħlim. It-tagħlim iwassalna għall-azzjoni. U l-azzjoni twassalna għall-kisba ta’ tant affarijiet ta’ ġid għalina u għall-oħrajn! Il-qari huwa l-ewwel pass għal ħafna affarijiet. Huwa l-ewwel tarġa solida li biha nista’ nitla’ aktar ‘il fuq fit-taraġ tas-suċċess. U hekk nista’ nikseb ħaġa kbira wara l-oħra. Il-kittieb Lhudi-Franċiż, André Maurois, kiteb: “L-arti tal-qari hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, dik li tikseb għarfien aħjar tal-ħajja mill-laqgħa ta’ dak li jkun magħha fi ktieb”. Kollox jiddependi kemm f’ħajti se nidħol fl-għar tas-silenzju fejn fih insib il-qawwa li ninterjorizza dak li naqra. Ejja ma ninsix li s-silenzju, fih innifsu, huwa mżejjen bil-qawwa li tifqa’ u tinfed kull ostakolu. Kif nistgħu f’pajjiżna noħolqu aktar reading corners fejn il-poplu tagħna jkun jista’ jaqra ħa jikber fl-għarfien, fit-tagħlim, fl-azzjoni u fil-progress veru?

Taf x’qed ngħid bħalissa? Kemm il-qari jgħinni ngħix aħjar bħala persuna, ċittadin u anki Nisrani! Jekk dan int temmnu l-għaliex ma xxerridx xi idejat minn dawn il-ħsibijiet fuq il-Facebook tiegħek? U jekk int għalliem u għalliema l-għaliex ma taqsamx dawn il-ħsibijiet mal-istudenti li tgħallem? Iftaħ diskussjoni magħhom fil-klassi. Xejn xejn tistimulahom ħa jaħsbu l-għaliex il-qari hu jew għandu jkun daqshekk importanti għalihom!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: