Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-grazzja tal-mistħija tfejjaqna mid-dnub

Il-grazzja tal-mistħija tfejjaqna mid-dnub


Il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

L-ewwel isem tagħna hu “midneb”.  Għaldaqstant nitolbu ‘l Mulej il-grazzja li nistħu quddiem Alla li jista’ kollox li jħaddanna bil-ħniena tiegħu kollha.  U biex nitolbu maħfra, it-triq it-tajba jurihielna llum il-Profeta Baruk, afferma l-Papa waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu.

Infatti l-ewwel qari hu att ta’ ndiema, qal il-Papa dwar s-silta meħuda mill-ktieb tal-Profeta Baruk (1, 15-22). Il-poplu jindem quddiem il-Mulej u jitlob maħfra għal dnubietu: jindem hu u jħares lejn il-glorja tal-Mulej u l-affarijiet koroħ li għamel. Is-silta mill-Profeta Baruk tibda’ hekk: “Il-ġustizzja għall-Mulej Alla tagħna”, għax hu ġust u “f’wiċċna d-diżunur”.

Għalhekk, afferma l-Papa in-nies kienu jħossuhom diżonorati u b’dil-qalb jitolbu maħfra.  U ma jgħidux: “għamilna din, dik u l-oħra..”l-affarijiet li dejjem għamlu jistqarruhom mal-Mulej u quddiem il-Mulej”.  Dan hu l-mod tal-indiema: il-poplu kollu nidem, f’dak il-waqt, u jitlob maħfra għall-abitanti kollha ta’ Ġerusalemm, għar-rejiet u l-mexxejja, għas-saċerdoti u l-profeti u għall-missirijiethom: għax dnibna kontra l-Mulej”.

Dan ifisser li aħna lkoll midinbin, ilkoll, saħaq Franġisku.  Tant li ħadd minna ma jista’ jgħid “jien ġust” jew “jien minix bħal dak jew bħal dik”.  Imma nagħraf pjuttost, li jien midneb.  U jien nasal ngħid li dan hu kważi l-ewwel isem tagħna: midinbin, afferma l-Papa li kompla jistaqsi: Għaliex aħna midinbin? M’obdejniex dejjem fir-relazzjoni tagħna mal-Mulej: Hu qal ħaġa u aħna għamilna oħra; ma smajniex leħnu: Hu kellimna bosta drabi.  Fil-fatt, kompla jinsisti l-Papa, matul ħajjitna lkoll nistgħu naħsbu: “kemm-il darba l-Mulej kellimni, kemm-il darba ma smajtux?!”  Per eżempju, Hu tkellem mal-ġenituri, mal-familja, mal-katekista, fil-knisja, fil-prietki, kellem ukoll lil qalbna: nisimgħu leħen il-Mulej imma ma smajniex dak il-leħen li jgħidilna biex nimxu dejjem skont l-amar li tant Hu.

Fis-silta tal-Profeta Baruk li ttina l-liturġija, inkomplu naqraw: Aħna ħadnieha kontra Alla.  U d-dnub dejjem dak hu, għaliex ma jeżistix dnub “iżolat”.  Għax id-dnub hu dejjem dnub quddiem Alla. Anzi, kompla jispjega l-Papa, “id-dnub iżolat” jeżisti biss “fid-deskrizzjoni tal-kotba, imma fil-ħajja, d-dnub hu dejjem ħaġa kerha quddiem Alla, fir-relazzjoni tagħna miegħu”.  U b’hekk, kompla l-Papa bi kliem Baruk, “aħna rribellajna kontra Alla, webbisna rasna biex ma nisimgħux leħnu: din hi l-ostinazzjoni tal-qalb.

Jien naħseb li l-Profeta jgħallimna kif nindmu; jgħallimna liema hi t-triq biex nitolbu maħfra, it-triq il-vera.  Baruk jikteb: bid-dnub niżel fuqna tant ħażen, għax – innota l-Papa – id-dnub jirvina, jirvina l-qalb, jirvina l-ħajja, jirvina r-ruħ: idgħajjef, imarrad.  Fis-silta mill-Profeta Baruk inkomplu naqraw: Ma smjaniex leħen il-Mulej, anzi, kull wieħed u waħda minna, minflok leħen il-Mulej baqa’ jimxi fuq l-inklinazzjonijiet midinba ta’ qalbu, qeda allat għorba u għamel dak li hu ħażin f’għajnejn il-Mulej.

Il-Mulej fil-fatt kellimna imma aħna għamilna bil-maqlub: waqjna fl-idolatrija, l-idolatrji żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, għamilna dak li hu ħażin f’għajnejn il-Mulej u mxejna fuq l-inklinazzjonijiet perversi ta’ qalbna.

Il-Papa ssuġġerixxa li nagħmlu riflessjoni personali u qal li fi qlubna bosta drabi hemm inklinazzjonijiet lejn id-dnub: lejn il-kilba, l-għira, il-mibgħeda, l-ilsien ħażin.  Naħsbu ftit fl-ilsien ħażin, forsi intom le, qal lill-kongregazzjoni, imma kemm-il darba ma għidtx affarijiet tajbin fuq ħaddieħor? Kemm-il darba qassast?  Fil-fatt l-ilsien ħażin hu inklinazzjoni tal-qalb biex tirvina l-ħajja ta’ ħaddieħor.  Aktar minn hekk, aħna nċarrtu ħwejjiġna meta nisimgħu l-aħbarijiet dwar il-gwerrer, imma t-tqassis huwa gwerra, hi gwerra tal-qalb biex neqirdu lil xi ħadd.  U meta l-Mulej jgħidilna: għalaq ħalqek, toqgħodx tqassas, minflok, jiena nagħmel li jfettilli.

Allura huwa importanti nitħarsu dejjem minn dad-dnub tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla li jħobbna, li jtina kollox, anki meta aħna nagħmlu li jiftlilna.  Għal dir-raġuni, issuġġerixxa l-Papa, meta nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza u nħejju ruħna għall-qrar, ma nistgħux nagħmlu biss lista tad-dnubiet, qiesu xi direttorju tat-telefon jew il-lista tax-xiri minn xi supermarket: le.  Irridu nagħrfu li għamilna dnub quddiem il-Mulej: dejjem fir-relazzjoni tagħna miegħu: Jien għamilt dan quddiemek.

Ħafna drabi mmorru nqerru bil-lista tad-dnubiet – koroħ, veru – nitfgħu kollox f’riġlejn is-saċerdot u nibqgħu friski.  U jien nistaqsi: fejn hu l-Mulej f’dan?  Ħsibt li dan id-dnub hu kontra l-Mulej?  Ah!  Lanqas daħalli f’moħħi!  Inkella din mhix xi tebgħa li trid tneħħiha, kieku kienet tebgħa kont tibgħatha d-dry cleaning biex tnaddafha.  Iżda, spjega l-Papa, id-dnub hu ribelljoni kontra l-Mulej, hu ikraħ fih innifsu, imma ikraħ kontra l-Mulej li hu tant twajjeb.  Allura, jekk jiena naħseb hekk, minflok f’dipressjoni minħabba dnubieti, inħoss fija dak is-sentiment tant kbir: il-mistħija, id-diżunur li jitkellem dwaru l-Profeta Baruk.  Għax il-mistħija hija grazzja: inħossni nistħi quddiem il-Mulej.

Minn dan il-Papa ssuġġerixxa li jsir eżami tal-kuxjenza individwali:  Ħadd ma jwieġeb bil-miftuħ, imma jwieġeb f’qalbu: intom tistħu quddiem il-Mulej minħabba dnubietkom?  Tlabtu l-grazzja tal-mistħija, il-grazzja li nħossni nistħi quddiemek, Mulej, talli għamiltlek dan u dak?  Għax jien ħażin: fejjaqni, Mulej.  U jalla l-Mulej ifejjaq lil kulħadd, awgura l-Papa, filwaqt li fakkar li l-mistħija tiftaħ il-bieb għall-fejqan tal-Mulej.

U x’jagħmel il-Mulej min-naħa tiegħu?  Jagħmel dak li tlabna fil-kolletta tal-bidu: “Mulej, Int li turi l-qawwa tiegħek, l-aktar bil-ħniena u l-maħfra”.  Għalhekk, meta l-Mulej jarana hekk, mistħija minħabba dak li għamilna u bl-umiltà nitolbu l-maħfra, Hu li jista’ kollox, iħassar, iħaddanna, imellisna u jaħfrilna.  Imma biex naslu għall-maħfra, it-triq hi dik li jgħallimna llum il-Profeta Baruk.

Infaħħru ‘l Mulej għax ried juri s-setgħa bla tarf tiegħu porpju bil-ħniena u l-maħfra; u fil-ħolqien tad-dinja wkoll.  Propju bil-ħniena u l-maħfra u quddiem dan Alla tant twajjeb, li jaħfer kollox, li hu tant ħanin, nitolbu l-grazzja tal-mistħija, li nistħu; il-grazzja lil nħossu fina d-diżunur.  Kif jikteb il-Profeta Baruk: Il-ġustizzja lil-Mulej Alla tagħna, għalina d-diżunur, jiġifieri l-mistħija.  U b’dil-mistħija, nersqu qribu li hu omnipotenti fil-ħniena u l-maħfra.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: