Messaġġ waqt Quddiesa tar-Reunion tal-Gozo Hostel


Il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru 2017. Riflessjoni tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, waqt Quddiesa tar-Reunion għall-Għawdxin li erbgħin sena ilu għamlu użu mill-Gozo Hostel miftuħ f’Malta mid-Djoċesi ta’ Għawdex, ġewwa Għajnsielem.

Huwa pjaċir tiegħi ningħaqad magħkom illum meta qed tfakkru l-esperjenza li għextu flimkien erbgħin sena ilu meta bħala studenti u ħaddiema f’Malta sibtu kenn f’hostel. Dakinhar wieħed mill-motivi ewlenin li xprunawkom biex tagħmlu din l-esperjenza kienet il-fidi Nisranija tagħkom. Fil-fatt, kienet il-komunità ekkleżjali f’Għawdex taħt it-tmexxija għaqlija tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi li għamlet kontribut sostanzjali biex inkiseb l-ewwel il-hostel fil-Belt imbagħad f’Birkirkara. Permezz ta’ din ix-xorta ta’ inizjattiva dehret ċara d-dimensjoni soċjali tal-Vanġelu. Dakinhar il-Knisja f’Għawdex għarfet issarraf il-fidi f’din l-opra soċjali li kienet ta’ benefiċċju għal numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ u familji Għawdxin.

0610

Inħeġġiġkom biex, kif seħħ erbgħin sena ilu, illum ukoll intom tfittxu tinkarnaw it-twemmin Kristjan tagħkom fis-soċjal. Kif l-għajnuna li ngħatatilkom erbgħin sena ilu switilkom biex illum intom stabbiliti fis-soċjetà, stħarrġu biex, misjuqin mill-imħabba tagħkom għal Kristu, intom tistgħu tagħtu sehemkom fil-kamp soċjali, partikularment billi tgħinu lil min ma għandux mezzi biżżejjed biex jieqaf fuq riġlejh. Kif ilbieraħ il-Knisja wriet attenzjoni magħkom u kienet b’mod prattiku solidali magħkom, nagħmlilkom il-qalb biex intom li tagħmlu parti mill-Knisja tal-lum, tagħtu attenzjoni lil min huwa fil-bżonn u tkunu solidali miegħu.

Jien konvint li raġuni oħra wara l-inizjattiva li ttieħdet erbgħin sena ilu biex kien hemm hostel għall-istudenti u ħaddiema Għawdxin f’Malta kienet l-imħabba li l-antenati tagħna kellhom għall-gżira Għawdxija. Proġett bħal dak tal-hostel kien ukoll investiment tajjeb għall-ġenerazzjonijiet futuri Għawdxin. Iż-żmien tana parir. Għalhekk nappellakom biex tkomplu tieħdu interess ġenwin fis-soċjetà Għawdxija u aħdmu biex Għawdex jikseb dak li jixraqlu. Kunu l-vuċi li twassal l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin.

Nagħtikom l-eżempju tal-isfidi kbar li dan l-aħħar qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom l-istudenti Għawdxin. Hija ironija tal-istorja li meta llum qed infakkru t-twaqqif tal-ewwel hostel li kien ukoll jilqa’ fih studenti universitarji, illum hemm studenti Għawdxin f’Malta li ma jistgħux isibu akkomodazzjoni! Din ma għandhiex tkun preokkupazzjoni għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom biss, imma tagħna lkoll. Ma nistgħux nippermettu li jkun hemm studenti li jirrinunzjaw li jkomplu bl-istudji terzjari tagħhom sempliċement għax ma jkunux jistgħu jegħlbu l-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni.

Minn qalbi nawguralkom li l-fidi Nisranija tagħkom u mħabbitkom għal din il-gżira janimawkom biex Għawdex ikompli jikteb storja ta’ suċċess.

Ritratt ta’ Charles Spiteri.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.