Inħarsu minn fuq għal isfel biss biex ngħinu lill-proxxmu jqum fuq tiegħu


It-Tnejn 9 ta’ Ottubru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nieħdu ħsieb il-persuni miġruħa kif għamel is-Samaritan it-Tajjeb. Waqt l-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta l-Papa Franġisku ħeġġiġna biex ngħinu lil min hu fil-bżonn ħalli jqum, kif kien jagħmel Kristu stess, li ma kienx jibqa’ għaddej, u li għadu jħallas għalina biex itina l-ħajja.

 

Nieħdu ħsieb il-persuni miġruħa kif għamel is-Samaritan it-Tajjeb. Waqt l-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta l-Papa Franġisku ħeġġiġna biex ngħinu lil min hu fil-bżonn ħalli jqum, kif kien jagħmel Kristu stess, li ma kienx jibqa’ għaddej, u li għadu jħallas għalina biex itina l-ħajja.

Il-Papa bena r-riflessjoni tiegħu fuq il-Vanġelu tal-lum li fih Ġesù jirrakkonta l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.

Dil-parabbola, qal il-Papa, hi t-tweġiba li ta Ġesù lill-imgħallem tal-Liġi li pprova jonsbu meta staqsa x’għandu jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem. Ġesù jġiegħlu jirreċita l-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, imma l-imgħallem tal-Liġi, li ma kienx jaf kif se joħroġ min-nasba li għamillu Ġesù, staqsieh min hu l-proxxmu. Għalhekk Ġesù wieġbu b’dil-parabbola.

Fil-parabbola, kompla l-Papa Franġisku, hemm sitt atturi: il-briganti, ir-raġel midrub, is-saċerdot, il-levita, sid il-lukanda u s-Samaritan, pagan li ma kienx jifforma parti mill-poplu Għebrajk,

Kristu jwieġeb b’din l-istorja biex jispjega proprju l-misteru tiegħu nnifsu.

Il-Papa Franġisku għadda biex jispjega l-atteġġjamenti tal-protagonisti. Il-briganti telqu kuntenti għax kienu serquh minn tant affarijiet tajbin u ma impurtahom xejn minn ħajtu. Is-saċerdot, li suppost kien bniedem ta’ Alla, u l-levita, li kien qrib tal-Liġi, jibqgħu għaddejjin, minkejja li r-raġel kien agunija.

Dan hu atteġġjament komuni fostna, issokta Franġisku. Drajna naraw u nisimgħu bi traġedji, naqraw dwarhom fil-ġurnali, b’tiżjin ta’ skandlu u sensazzjoni, u nibqgħu għaddejjin qiesu qatt ma kien xejn. Imma das-Samaritan mhux hekk għamel, ma baqax għaddej. Dewwieh, u lanqas ħallieh hemmhekk, qiesu jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Għamilt dmiri, issa biżżejjed.’ Ħadu fil-lukanda, u meta l-għada kellu jitlaq, ħallas lis-sid u qallu li jekk ikun għamel xi spejjeż oħra, iroddhomlu meta jerġa’ jgħaddi.

Dan hu l-misteru ta’ Kristu li sar qaddej, tbaxxa, ixxejjen u miet għalina. Ġesù ma baqax għaddej. Ħallas u għadu qed iħallas għalina, jibqa’ jħallas anke meta jerġa’ jiġi t-tieni darba.

Ġesù huwa s-Samaritan it-Tajjeb u lil dak l-imgħallem tal-Liġi jgħidlu biex jimitah. Din mhix storja għat-tfal, saħaq Franġisku, imma hi l-misteru ta’ Ġesù u permezz ta’ dil-parabbola nifhmu aħjar il-fond, il-wisa’ tal-misteru tiegħu. L-imgħallem tal-Liġi ma fehemx, telaq kutu, kutu. Ma fehemx il-misteru ta’ Kristu, il-prinċipju uman li jressaqna nifhmu l-misteru ta’ Kristu, jiġifieri li kull bniedem iħares lejn bniedem ieħor minn fuq għal isfel biss biex jgħinu jqum fuq tiegħu. U min jagħmel dan ikun miexi fit-triq it-tajba, it-triq li twassal għand Ġesù.

Tal-lukanda, kompla jgħid il-Papa, ma fehem xejn, u baqa’ skantat: l-istagħġib tal-laqgħa ma’ bniedem li jkun qed jagħmel xi ħaġa li qatt ma tkun mistennija. L-istagħġib ta’ sid il-lukanda hu proprju l-istagħġib tal-laqgħa ma’ Ġesù.

Hawnhekk il-Papa għamel ftit mistoqsijiet: Jien x’qed nagħmel? Min jien: il-brigant, il-ħalliel, il-korrott? Jien saċerdot li nħares u nibqa’ għaddej? Jew mexxej Kattoliku li nagħmel l-istess? Jew jien midneb, bniedem li għandu jkun ikkundannat minħabba dnubietu, u nersaq qrib, inkun proxxmu, nieħu ħsieb ta’ min għandu bżonn?

X’qed nagħmel quddiem tant ġrieħi, tant persuni miġruħin li niltaqa’ magħhom kuljum? Nagħmel bħal Ġesù, insir qaddej?

Dir-riflessjoni tagħmlilna tajjeb jekk nerġgħu naqraw aktar minn darba dal-pass tal-Vanġelu, temm il-Papa. U hawn jinkixef il-misteru ta’ Ġesù Kristu li, minkejja li aħna midinbin, ġie fid-dinja għalina, biex ifejjaqna u jagħti ħajtu għalina.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.