Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech, Ġenerali > Ilkoll mistiedna madwar il-mejda tal-festa

Ilkoll mistiedna madwar il-mejda tal-festa


Is-Sibt 14 ta’ Ottubru, 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fl-okkażjoni tal-Assemblea Djoċesana tal-Azzjoni Kattolika, Knisja arċipretali taż-Żebbuġ, Għawdex.

Mhux daqshekk rari li fil-ħajja niltaqgħu ma’ persuni li nibqgħu niftakruhom għax ikunu ħassrulna xi festa! Huwa fatt li hawn min hu espert kif jisfratta l-festi! Il-mistednin li skont il-parabbola ma marrux għall-festa tat-tieġ li għamel is-Sultan (Mt 22:1-14), ħarbtulu l-festa! Eżempju ċar ta’ min hu guastafeste.

Inħoss li permezz ta’ din il-parabbola, Ġesù bħal donnu jrid ineħħi l-għamad ta’ diqa u qtigħ il-qalb li qed jgħatti l-wiċċ ta’ ħafna. Donnu llum il-bniedem sar ma jafx jifraħ. It-tħassib tal-ħajja, it-toqol tal-problemi u l-isfidi dejjem ġodda bħal serqulna d-dritt li nagħmlu festa!

Permezz ta’ din il-parabbola Ġesù qed jistedinna biex “nagħmlu festa”. In-Nisrani ma għandux ikun il-bniedem b’geddumu mdendel tant kemm ikun jarmi dwejjaq. Kif jikteb il-Papa Franġisku, “hemm Insara li qishom jgħixu r-Randan mingħajr Għid” (Evangelii gaudium, 6). Alla jridna nkunu ferħanin. Fi kliem il-Papa, “ma hemm ebda raġuni għaliex wieħed għandu jaħseb li din l-istedina mhix għalih, għax ħadd ma huwa eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej” (EG, 3). Huwa jkompli jgħidilna: “Nifhem li l-ferħ mhux kulħadd jgħixu bl-istess mod fl-istadji u ċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja, kultant ibsin mhux ftit. Dan jadatta ruħu u jinbidel, imma dejjem jibqa’ tal-anqas bħal xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies” (EG, 6).

Ġesù jgħid li s-Sultan ħejja ikla kbira. Il-mejda tal-ikel għandha valur mhux biss għax tkun mgħammra b’ikel bnin u abbundanti, imma wkoll għaliex meta noqogħdu madwar il-mejda, aħna npoġġu flimkien ma’ oħrajn, nikkomunikaw flimkien, nisimgħu lil xulxin u nwieżnu lil xulxin. Naf b’persuni li jgħixu waħdihom u għalhekk dejjem jieklu wiċċhom mal-ħajt. Wieħed minn dawn darba qalli li anki meta jkollu platt sabiħ u tajjeb, l-ikel joqgħodlu fuq l-istonku għax ma jkollux kumpanija. Il-mejda tgħinna biex jinħolqu r-relazzjonijiet u tiġi konsolidata l-komunjoni ta’ bejnietna. Il-mejda tibni l-għaqda.

Il-fatt li l-mistednin tal-parabbola rrifjutaw l-istedina – min għax mar l-għalqa u min għax mar għan-negozju tiegħu – jindika li dawn aktar kienu interessati fil-proġetti personali tagħhom milli biex ikunu “flimkien”. Dawn il-mistednin ifakkruna f’dawk li dejjem ifittxu li jagħmlu fattihom, dawk li huma alla għalihom, dawk li jiġu jaqgħu u jqumu mill-oħrajn għax l-importanti għalihom ikun li jilħqu l-għanijiet personali tagħhom.

Dan l-atteġġjament egositiku llum huwa komuni, għax l-individwaliżmu sar il-fus tal-kultura ta’ żmienna. Kif josserva l-Papa Franġisku, “l-individwaliżmu postmodern u globalizzat jiffavorixxi stil ta’ ħajja li jdagħajjef l-iżvilupp u l-istabbiltà tar-rabtiet bejn il-persuni u jneżża’ dawk familjari min-natura vera tagħhom” (EG, 67). Li l-familja hija vittma tal-mentalità individwalista hija minn awl id-dinja! Nisma’ ġenituri jilmentaw li għalkemm jgħixu taħt saqaf wieħed, mhux daqshekk faċli li l-membri tal-familja jiltaqgħu flimkien, lanqas għall-ikel, għax kulħadd għaddej bil-programm tiegħu! Ħasra li l-familja ġiet ridotta għal grupp ta’ individwi li jikkoabitaw fl-istess dar!

Il-kultura suġġettivista qed therri wkoll il-komunità djoċesana. Jaf ikun hemm operaturi pastorali li jiġu jaqgħu u jqumu mill-programm pastorali djoċesan. Sinċerament ġieli jkun hemm mumenti fejn inħoss li “fid-dgħajsa ta’ Pietru”, minkejja li hemm numru sabiħ ta’ persuni li suppost qegħdin jaqdfu f’direzzjoni waħda, hemm minn idejh ma humiex fuq il-moqdief, jekk mhux ukoll jaqdef bil-kontra. Fil-knisja ma hemmx lok għal freelancers jew liberi battitori. Fil-Knisja mhux biżżejjed li wieħed ikun mogħni b’diversi kariżmi, imma jrid ikun ukoll f’komunjoni ġerarkika.

Din l-awtoreferenzjalità taf tmermer ukoll lill-Azzjoni Kattolika. Dan jiġri meta l-membri individwalment jew iċ-ċirkoli ma japprezzawx id-direzzjoni proposta mid-Direttorju.

Jekk is-soċjetà hija qawwija skont kemm iċ-ċittadini jkunu għalenija, dan jgħodd b’mod partikulari għall-Knisja. L-ekkleżjoloġija tal-komunjoni hija aspett fokali tat-tagħlim tal-Konċilju.

Għall-komunità ekkleżjali l-mejda mifruxa b’ikel abbundanti hija l-mejda tal-Kelma, il-mejda tal-Ewkaristija u dik tal-karità. Meta nintasbu madwar din il-mejda, niksbu l-ħajja, nagħmlu festa u nimtlew bil-ferħ. Din il-mejda hija l-antitodu tal-individwaliżmu. Hija din mejda li tikkonsolidana fl-għaqda ta’ bejnietna.

Għalhekk hija l-missjoni tagħkom bħala membri tal-Azzjoni Kattolika li toħorġu f’salib it-toroq u ssejħu li kull min issibu biex jiġi jieħu postu madwar din il-mejda. Ħadd ma huwa eskluż, la minħabba nuqqas ta’ merti, la minħabba motiv ta’ razza, u anqas minħabba raġuni ta’ morali. Il-mejda mhix għal dawk li waslu għax ikunu mxew il-mixja spiritwali kollha; għall-kuntrarju, huma mistiedna dawk kollha li għadhom “iterrqu”, anki jekk il-pass tagħhom huwa tqil jew huma zopop. Kif jgħid il-motto li għażiltu għal din is-sena, intom għandkom quddiemkom “missjoni bit-tama” – inħeġġiġkom biex tieħdu din il-missjoni bis-serjetà, għax il-Mulej u l-Knisja qed jibagħatukom biex issejħu oħrajn għal din l-ikla tal-festa li timliehom bil-ferħ u t-tama.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: