Home > Lectio Divina > Lectio Divina: 29  Ħadd Matul Sena A

Lectio Divina: 29  Ħadd Matul Sena A


Vanġelu (Matt 22. 12-21): Fi żmien Ġesu il-Lhud kellhom iħallsu lir-Rumani taxxi ta’ 50%: (a) kien hemm taxxa fuq l-għelieqi titħallas skond in-numru ta’ siġar li wieħed ikollu; (b) oħra fuq il-propjeta; (ċ) taxxa għall-permess biex tiżvolġi professjoni jew sengħa; (d) kien hemm taxxa li l-Lhud tant kien jobogħdu: 20%  fuq id-dħul; (e) imbagħad kull min kellu bejn l-14-il sena u l-65 ried iħallas dinar (paga ta’ ġurnata xogħol) darba fis-sena.  Għal din it-taxxa qed jirreferi l-episodju tal-lum.  Meta jaqa’ d-diskors fuq it-taxxi kienet tinħoloq klima ta’ tensjoni.  Il-ħsieb biss li wieħed ma jħallasx xi taxxa iqanqal suspett li wieħed qed jaħseb għal xi rewwixta.  Hekk kien ġara fis-sena 6 AD meta ċertu Ġuda ma riedx iħallas taxxi.  Fil-ġuri ta’ Ġesu, il-kapijiet akkużawh quddiem Pilatu: “Dana qalilna biex ma nħallsux taxxi lil Ċesari.” Illum Ġesu kien għadu kif keċċa l-bejjiegħa mit-tempju u kellu argumenti oħra mal-kapijiet.  Għalhekk “marru jiftiehmu bejniethom jaraw kif se jonsbu lil Ġesu b’xi kelma.”

  1. “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” Hawn għandna (a) l-Fariżej, li kienu kontra l-ħakma tar-Rumani f’nofshom, u (b) l-Erodjani – nies li jappoġġjaw lil Erodi Antipa (il-volpi), bniedem bla sinsla li kien jilgħaq lir-Rumani biex jakkwista dak li jista’ minn għandhom.  Allura l-Erodjani kienu jikkollaboraw mar-Rumani. Dawn iż-żewġ gruppi s-soltu jkunu kontra xulxin.  Illum insibuhom ħaġa waħda kontra Ġesu, għax il-proposti li qed jagħmel Ġesu dwar is-Saltna ġdida Tiegħu  qed ituhom fastidju t-tnejn li huma.
  2. Ġesu dejjem għallem dak li hu tajjeb u dak li hu sewwa, u qatt ma aċċetta xi forma ta’ ipokrisija. Għalhekk il-Fariżej u l-Erodjani jibdew b’intoduzzjoni ftit twila, għax f’pajjiż maħkum minn ieħor, ħadd ma jitkellem fil-beraħ fuq ċerti affarijiet.  Anki trid toqgħod attent ma’ min tgħid kelma bejn tnejn, li ma jmurx l-ieħor jixlik biex jaqla’ xi ħaġa.  U meta jitkellmu ma kinu jgħidu xejn ċar u tond imma vagament.  Għalhekk, dawn iż-żewġ gruppi jinċensaw lil Ġesu u jfaħħruh ta’ kemm ma jibżax jitkellem ċar u ma jħares lejn wiċċ ħadd biex, mingħalihom se jdaħħluh f’xibka. Isaqsu d-domanda b’tali mod li kemm jekk iwieġeb “iva” u kemm jekk iwieġeb “le” se jikkundanna lilu nnifsu.  “Sewwa li wieħed iħallas it-taxxa? Din hi ħaġa legali, skond il-liġijiet tagħna, li nħallsu taxxa b’muniti mpuri pagani, li fuqhom wieħed isib l-immaġini tal-imperatur, u l-kitba Tiberju, iben Awgustu Divin, e. alla, li m’huwiex Alla ta’ Israel?”
  3. “Għaliex tridu ġġarbuni, ja wċuh b’oħra (ipokriti)? Uruni l-munita tat-taxxa.” Il-Lhud ma tantx kienu jużawha dil-munita għax kienu jħossu li biha qed jiċħdu l-fidi tagħhom. In fatti, Ġesu ma kellux waħda u kellu jitlob lill-oħrajn għaliha. “Ta’ min hu dan il-wiċċ u din il-kitba?” Fuq dan id-dinar tal-fidda kien hemm wiċċ Tiberju u l-kitba li tgħid: “pontifex maximus” i.e. il-qassis il-kbir.  Ġesu jinsisti fuq dan il-wiċċ u din il-kitba għax għandu quddiemu Lhud li kienu jafu sewwa l-ewwel Kmandament. Tiberju ordna l-immaġini tiegħu fuq il-muniti biex juri li hu padrun assolut li jiddomina fuq il-mexxejja kollha tad-dinja, kemm dawk politiċi u kemm reliġjużi.  Dan hu sinifikattiv ħafna għax l-għan tal-ħolqien ma jibqax il-bniedem u s-servizz lejn il-bniedem imma l-flus u s-servizz lejn il-flus. F’din il-loġika, dment li l-bniedem jipproduċi u jaqla’ l-flus, jiswa għal xi ħaġa. Meta ma jaqlax flus, m’hu tajjeb għal xejn.  Anki llum, bħal dik il-kelma “divin” fuq il-munita, il-flus isiru alla.
  4. “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari.” Il-kapijiet użaw il-kelma “iħallas” (jagħti).  Ġesu juża kelma li propjament tfisser “irrestitwixxi” (irritorna) – dak li hu ta’ Ċesari.  Din il-frażi ġieli jużawha l-politiċi biex jgħidu lill-Knisja ma tindaħal f’xejn: “Aħna nagħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, intom agħtu lil Alla dak li hu t’Alla.” Hawn min biha jifhem li kulħadd jieħu dak li ħaqqu.  Illum forsi se nisimgħu fuq id-dover li nħallsu t-taxxi bħala kontribut għall-ġid komuni. “Issottomettu ruħkom għall-awtorita, għax kull setgħa ġejja minn Alla (San Pawl lir-Rumani). Mela biex ikun hawn l-ordni, ħallsu t-taxxi.” Dan hu dover ta’ kulħadd u ma kienx hemm għalfejn isemmieh Ġesu. Minn flok qed jgħid: “Tiberju naqqax wiċċu fuq il-flus. Basta tħares lejn munita u tkun taf min hu u kemm hu kbir l-imperu tiegħu.  Dal-wiċċ ma jirriflettix dinja umana.  Alla ta’ Israel u Alla ta’ Ġesu ta’ Nazzaret ma naqqaxx ix-xbieha Tiegħu fuq il-flus imma fil-bniedem.  Mela iċħdu dan l-imperu, did-dinja antika, fejn il-flus huma alla, għax dan ma jogħġobx lil Alla.  Min jadura l-flus ma jistax jidħol fis-Saltna l-ġdida tal-imħabba, id-dinja kif Alla jixtieq li tkun.  Mela r-rabta ħażina li jista’ jkollkom mal-flus tridu tirritornawha lil Ċesari u l-dawk kollha li jaduraw il-flus. Ma tistax taqdi żewġ sidien: Alla u l-flus, għax dawn se jtuk ordnijiet opposti: (a) il-flus se jgħidulek biex tigdeb, tqarraq tjgħassar, toqtol, eċċ  (20% tan-nies kienu skjavi) (b) Alla jgħidlek ĦOBB.  Mela hemm bżonn li tħajru lil dawk kollha li b’xi mod qed jaħqru, iqarrqu, jisfruttaw, eċċ oħrajn imħabba r-rgħiba għall-flus, biex jirrestitwixxu dawn il-vittmi tagħhom u jreġġgħuhom lura għalll-iskop li għalih ħalaqhom Alla, dak li jgħixu bħala xbieha Tiegħu.  Dawn ir-rgħiba hemm bżonn jagħrfu kemm jiswa l-bniedem: mhux daqs par sandli jew mogħża, imma ferm aktar.”
  5. “Mela …agħtu lil Alla dak li hu t’Alla.” Int maħluq xbieha t’Alla.  Mela għix ta’ hekk.
  6. “Meta semgħuh jgħid hekk, baqgħu mistagħġba; imbagħad ħallewh u telqu.” Mela kull min semgħu, inklużi l-kapijiet, fehmu x’ried jgħid Ġesu.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/ omelie/fernando armellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: