Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Qabad u ħareġ!

Qabad u ħareġ!


Inkun riekeb ma’ xi ħadd, hu jew hi fil-paqqa. Meta, f’daqqa waħda, nisma’ l-għajta: “Ara ftit kif qabad u ħareġ!”

Mit-ton tal-espressjoni wieħed jintebaħ kemm hija frażi li turi rabja. U bir-raġun! Tkun għaddej għall-affari tiegħek, issuq. U, is-Sur A u s-Sinjura B, inkella s-Sinjorino Ċ jew is-Sinjorina D, fetlilhom joħorġu. Hekk! Mingħajr indicator! Iss! Arem ħej! Is-sabiħa hi li din il-biċċa edukazzjoni tat-toroq (u żgur li m’hijiex hekk!) isseħħ f’kull staġun fit-toroq ta’ pajjiżna. Ajma! L-aktar jekk isseħħ fis-sajf! F’dik is-sħana kollha! Għidli ftit joħroġx l-għaraq għalik! U tibdiex tara kollox ta’ taħt fuq. Jew, a la Taljana, sotto sopra!

Għax ħbieb irridu nifhmuha li l-menefregiżmu, jiġifieri li jien ma jimpurtani minn xejn u minn ħadd, huwa l-valenu prim għas-soċjetà tagħna. Ma nistgħux le nibqgħu sejrin hekk! Li jien nagħmel li jaqbilli! Li ngħid il-kliem li lili jippromovini u daqshekk! Li jien infittex kif ħa niggwadanja. Imma, meta niġu għas-si u n-no, malajr inqattgħu l-karti. Għaliex l-impenn jgħajjini. U jgħajjini tant li nerġgħu naqgħu fin-nasba qadima u viljakka ta’ coraggio fuggiamo! Kuraġġ! Ejja naħarbu! U jekk dan iħammar wiċċ lil dawk kollha li, almenu, jħossu fihom tbaqbad u, xi kultant ixxewwek, is-sejħa li jkunu l-ewlenin ċittadini fis-soċjetà tagħna, aħseb u ara aħna, fil-Knisja, kemm għandna nħossu fina dan it-tixwik. U dan l-iskomodu. Li, iebes kemm hu iebes, m’għandu qatt le isir inkomodu. Irridu nħallu s-sens ta’ dover veru, u mhux ta’ dak li jaqbilli jew inkella ta’ dak li hu konvenjenti għalija, jsaltan fiha. Le! Ma naqbadx u noħroġ! Iżda nirrispetta r-regoli tat-triq!

It-triq! X’metafora hi din għall-ħajja b’mod ġenerali. U anki għall-ħajja Nisranija b’mod partikulari! It-triq. Hemm x’timxi! Hemm fejn issuq! Imma, u issa irridu ngħiduha b’idejna fuq sidirna din, la qed insuq ejja nitgħallem ukoll il-virtù tas-sabar. Jew tas-santa paċenzja. L-għaliex, min jaqbad u joħroġ, jaf m’għandux paċenzja lanqas! Jaf tant kemm hu mgħaġġel li jagħmel dak li paspar f’moħħu li jagħmel. Jew, biex ikun aktar eżatt, dak li l-aċċelleratur taħt riġlejh qed jimmaġinah li jgħidlu: “Isa! Agħfasni! Ħalli bija turihom x’taf!” U, ngħid jien, xi tridu jurihom x’jaf? Jekk mhux ir-rejazzjoni kerha li jqajjem fis-sewwieq ta’ warajh jew warajha li, miskin u miskina, jkunu ġejjin isuqu għall-affari tagħhom? Mhux sewwa hux li jagħtih jew jagħtiha qatgħa li jibqa’ u tibqa’ jiftakarha u tiftakarha għomru u għomorha! Biex, sintendi, ma ngħidux il-kliem ħażin u d-dagħa li joħroġ mill-fomm u li issa mhux sanzjonat bil-liġi tal-bniedem. Għalkemm, il-kuxjenza tiegħi u tiegħek, tant kemm tniggiżna fuqha. L-għaliex ħbieb għandna nniżlu s-sema bid-dagħa u bil-kliem ħażin? Kemm jaħasra dan id-diskors iebes u, iva, ta’ saħta, jista’ jiġi iffrankat fuq il-familji, it-toroq u anki pajjiżna stess! Li rrid hu li niddeċiedi li nżomm pass lura. Li nagħlaq ħalqi. Li nieħu paċenzja.

Jista’ jagħti każ ukoll li, dak li jkun, jaf jibqa’ ħiereġ jew ħierġa, l-għaliex ikunu aljenati. Bil-WhatsApp li, Alla jbierku, għaddej il-ħin kollu fuq l-ismartphones tagħna qajla ta’ madwarna jkunu jafu l-għamliet ta’ messaġġi li nkunu qiegħdin nirċievu. O kemm nibqa’ mħasseb u anki toħroġli wkoll dik id-demgħa minn għajnejja meta nara persuni li mhux biss jkunu inkullati mal-iscreen tal-mobile tagħhom imma wkoll, fuq dak il-wiċċ sabiħ, ikun hemm bħal qisu l-kilba jew l-għajta fgata li tirċievi l-imħabba. Kieku s’hawn kollox sew! Min minna m’għandux bżonn l-imħabba. Nibda’ minni l-ewwel wieħed. Iżda meta nitfa’ l-ankri tiegħi fuq screen ta’ mobile u nwaħħalha f’rasi li l-imħabba veru u li għandi bżonn daqs il-ħobż li niekol u l-ilma li nixrob se tiddependi minn dak il-messaġġ li ħa nirċievi, speċjalment meta nara l-kelma typing fuq in-naħa ta’ fuq tal-WhatsApp application tiegħi, allura hemmhekk hemm tabilħaqq problema kbira! Ma nistax le niddependi li ħajti se tieħu r-ruħ jew tieħu d-daqqa tal-mewt fuq messaġġ ta’ WhatsApp!

Ħbieb, irridu nimirħu u niftħu l-orizzonti tagħna fil-ħajja. Inkella għal ġolħajt.com. U kemm bħalissa, u madwarna, din il-website infamja għandha subscribers! U, n-numru tas-subscribers tagħha dejjem tiela’? Kemm irrid nifhem li l-aktar ħaġa importanti li għandi f’ħajti hija l-libertà! Il-ħelsien! Mela għalhekk uħud jaqbdu u jibqgħu ħerġin fis-sewqan. L-għaliex il-libertà fihom hi maħnuqa! Għax meta jien aljent u aljenata jfisser li ħsiebi huwa priġunier ta’ xi ħaġa inkella ta’ xi ħadd. Ifisser li hemm sitwazzjoni f’ħajti li lili qed tagħmilli tant ħsara li ġabtni addicted għaliha. Ġabittni li jien donni ma nistax ngħix jekk mhux imqabbad magħha. Allura, din is-sitwazzjoni krudili, lili wasslittni biex inkun irresponsabbli fl-għemil tiegħi. Anki fis-sewqan. Mela, aqbad u oħroġ! Tikkalkulax!

Awċ x’kelma dik! Tikkalakulax! Imma f’ħajti jiena nista’ tabilħaqq nikkalkula jew le? Kollox jiddependi ta’ x’qed nipprova nifhem u nfiehem bil-kelma nikkalkula. Il-ħajja m’hijiex le bħall-bilanċ. B’ħamsa fuq naħa u b’ħamsa fuq oħra. Min jaf kemm persuni, anki fis-sewqan, qabdu u ħarġu meta ma kienx imisshom l-għaliex ikkalkulaw b’dan il-mod. La hemmhekk naqsuni mela nonqos jien. U hekk inġib kollox invell. Speċi ta’ nieħu l-liġi b’idejja! Inħoss li dan ir-raġunament ma jreġix!

Minn naħa l-oħra dak li qed nifhem b’kalkolu huwa li jien nitlob għad-don tal-għarfien. Jiġifieri d-dixxerniment. Ikun qed jagħżaq fl-ilma min f’ħajtu jaħseb biss f’moħħu. Il-moħħ daqskemm hu b’saħħtu huwa dgħajjef. U għalhekk ejja ma nesaġerawx fuq il-kapaċitajiet tal-moħħ uman. Bħal donnu li l-moħħ kapaċi jagħmel kollox. Kapaċi jasal iżda kapaċi wkoll jieħu il-punctures fit-roti tiegħu daqs tazza ilma. Mela ejja nibqgħu saqajna mal-art. Jekk ma rridux nitkaħħlu ma’ xi ħajt inkella ma’ xi siġra.

Ikun aktar għaqli jekk induru lejn l-Ispirtu s-Santu u, b’umiltà, għax aħna, l-ewwel m’aħna, bnedmin tad-demm u l-laħam, nitolbuh hekk: Spirtu s-Santu, iċċarjġani! Jiġifieri Spirtu s-Santu agħtini l-qawwa li hemm fik. Agħtini qawwietek. U x’inhi qawwietek Mulej jekk mhix dik tal-għerf u tal-fehma? Tad-dixxerniment u tal-għarfien? Kemm għandna bżonnu dan id-don kbir ħbieb! Dan id-don tassew jagħmilna updated mas-soċjetà li qiegħdin ngħixu fiha.

Imma kif se nkun updated? Billi fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajti nuri li jien bniedem ta’ prinċipju. U hawn iva, naqbad u noħroġ! Hawn m’hemmx bżonn aktar ta’ indicator. L-għaliex, bid-deċiżjoni tiegħi stess li nkun ħadt, jiena iva inkun indicator. Inkun dak li, bl-eżempju tiegħi, inkun qed nuri t-triq lill-oħrajn. Inkun tabilħaqq role model.

Din it-tip ta’ mġieba aħna l-Insara nsejħulha xhieda. Nafu biżżejjed il-qawwa tagħha. Int ħu mill-martri li għexu f’kull żmien fil-Knisja. X’għamlu? Eżatt bħalma għamlu dawk li, l-għaliex raw li l-prinċipji tal-kuxjenza tagħhom ma jxellifhomlhom ħadd u xejn qabdu u ħarġu! U l-għemil xokkanti tagħhom, li abbli ġagħal lill-maġġoranza tinġarr minn dak li taħseb l-opinjoni pubblika, wassalhom biex ipaqpulhom. Jgħajtu magħhom. U, forsi, jinsulentawhom. U anki joqtluhom. Mela, hawnhekk iva, huwa tajjeb li wieħed jaqbad u joħroġ. Għax ikun qed joħroġ għonqu. Ikun qed joħroġ ħajtu stess!

Mela, għażiż ħija, għażiża oħti, meta tkun qed issuq tabqadx u toħroġ. Stenna ftit meta jmissek. Jekk ma tridx li tagħmel xi storja u tħabbat xebgħa karozzi warajk. U ħallik mill-mobile waqt is-sewqan! Il-mobile għandu postu f’ħajtek. Imma żgur mhux waqt li qed issuq. Madankollu ftakar ukoll li meta qed nitħaddtu fuq prinċipji, huma liema huma, tinkwetax. Hawnhekk iva, abqad u oħroġ! L-għaliex huwa meta toqgħod kwiet u kwieta, imbeżża’ bil-komfort li tagħtik il-pożizzjoni tiegħek, li ġġiegħel partita nies jaħbtu fuq xulxin. Iġġagħlhom jidgħulek u jinsulentawk. Iġġagħlhom jigdmu jdejhom bir-rabja tagħhom għalik.

Tibżax! F’dan il-każ … aqbad u oħroġ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: