Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Erbgħa, 18 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tal-Erbgħa, 18 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 10, 1-12

Hu jagħżel. Hu jsejjaħ u jibgħat. Imma fuq kollox huwa jitlob u jħeġġeġ lil kullmin jibgħat biex jagħmel bħalu. Itolbu biex ikollna iktar ħaddiema kuraġġużi għax qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Itolbu u tħallu xejn ifixkilkom, xejn u ħadd.

Imma tnejn u sebgħin mhux biżżejjed? Tnejn u sebgħin kienu l-anzjani li ssieħbu ma’ Mosè u rċevew l-Ispirtu s-Santu; tnejn u sebgħin huma r-razez ġodda wara li Noè u wliedu ħelsu mill-għarqa, il-pedament tal-umanità l-ġdida; tnejn u sebgħin kienu l-lingwi li tħarbtu meta l-bniedem ipprova jibni torri biex jilħaq li Alla. Ġesù bagħat tnejn u sebgħin dixxiplu u tahom sehem mill-ispirtu tiegħu biex jagħmlu nies ġodda bil-kelma li afdalhom u biex jgħaqqdu f’lingwa waħda lil dawk kollha kienu mxerrdin, il-lingwa tal-mogħdrija u tal-ħniena u tal-imħabba; din hi l-lingwa li ma jitgħallem ħadd iżda li jista’ jifhem u jgħix kulħadd. Tnejn u sebgħin, le mhumhiex biżżejjed.

U bagħthom tnejn tnejn. Għalina llum jista’ jidher li ħela nofs il-manpower li kellu. Hekk minflok tnejn u sebgħin post seta’ jilħaq biss sitta u tletin. Ġesù mhux imħarreġ fl-ekonomija tar-riżorsi. Iktar m’għandek iktar tista’ tilħaq. Ġesù mħarreġ fl-ekonomija tal-eżempju tal-ħajja. Biex tnejn iwasslu l-messaġġ mhux ħafna għandhom bżonn, iżda rieda sħiħa li jgħixu dak li jippridkaw. Għal ħafna il-messaġġ ta’ Ġesù huwa tqil, skomdu, ħolma li tintemm malli wieħed jistenbaħ. Meta tnejn qed jgħixu dak li jippridkaw, meta l-ħbiberiji jkunu xhieda ta’ dak li jintqal, dak li jidher impossibli jsir ir-rejaltà. F’dinja li iktar kemm jgħaddi ż-żmien tippromwovi u teżalta l-individwaliżmu, tnejn tnejn ma tistax tkun aħjar. Il-kelma tqanqal, l-eżempju jkaxkar. Biex ikun hemm dinja ġdida bil-lingwa li jifhmha kulħadd, weħidna ma nirnexxux. Weħidna teorija biss inwasslu, flimkien nuru il-prattika.

Wasslu s-sliem. Dik l-ewwel kelma. Mhux ġudizzju jew kundanna. Il-paċi miegħek. Mhux il-paċi tan-nuqqas ta’ ġlied , iżda hija l-paċi tal-Mulej li ġejja minn imħabba bla truf u bla fruntieri, bl-anteressi jew kundizzjonijiet. Is-sliem huwa l-bewsa tal-merħba li warajha kull ħtija togħsfor, kull nuqqas isir għodda ta’ maħfra. Is-sliem huwa l-mezz kif il-familja waħda tikber u ssir kommunità, fejn ħadd ma jkollu għalfejn jittallab, fejn kollox hu ta’ kulħadd. Is-sliem, għal min jaċċettah, iwassal għall-fejqan iwassal għall-għaqda ma’ Alla nnifsu. Ħa jifraħ min jilqgħu; għandu għalfejn.

Min ma jilqgħux jidher li huwa kkundannat, mhux wisq għax il-ġudizzju ta’ Alla huwa aħrax, imma għax qed iwebbes rasu fl-imgħoddi tiegħu. Il-bniedem li ma jilqgħux mhux jaqla’ l-kundanna ta’ Alla, iżda qed jikkundanna lilu nnifsu. U Alla jirrispetta l-libertà tal-għażla, għax li tħobb ifisser ukoll li tirrispetta l-għażla.

Jekk illum ikollok ċans, u jkollok żgur, ilqa’ din il-kelma u magħha ilqa’ s-sliem. U itlob biex it-tnejn u sebgħin ma jibqgħux tnejn u sebgħin, itlob li jiżdiedu. U fuq kollox itlob li mat-tnejn u sebgħin tiżdied int. Itlob u ibda miexi magħhom u kull fejn tkun u ma’ kull min tkun wassal is-sliem u l-fejqan. U tinħasadx jekk ikun hemm min jistkerrħek. Jekk dan iseħħ, avżat minn qabel: int ukoll ħaruf qalb l-ilpup. Bniedem avżat, nofsu armat.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: