Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-cartoons tajbin għalina l-adulti?

Il-cartoons tajbin għalina l-adulti?


Darba, waqt li kont qed nitħaddet ma’ omm żgħażugħa li hija marida b’marda serja, f’daqqa waħda qaltli: “Patri! Fit-tali ħin kont qed nara l-cartoons mat-tfal”. U meta staqsejtha l-għaliex hija weġbitni: “L-għaliex mat-tfal cartoons biss nista’ nara”.

Dan il-fatt tefgħani f’oċejan ta’ ħsieb. U jien, bejn belgħa u oħra tal-kafè, ukoll bdejt niftakar fil-cartoons li kont nara. Ibda’ minn Remi, Il uomo tigre, Holly e Benji, Mazinga zeta u spiċċa f’I Puffi, Scooby Doo u Wacky Races. Taf li f’moħħi għadha stampata d-daħka tal-magħruf Muttley! Il-kelb ippastardjat! U meta dan l-aħħar qgħadt nara xi episodji sbieħ ta’ Muttley, biex niftehmu, mhux biss dħakt iżda meta wasalt biex nistrieħ ħa nkun sod għax-xift ta’ billejl fl-Isptar, aqta’ kif irqadt! Qisni bambin tax-xemgħa! Jew ċomba!

Mill-kuraġġ, mill-mistrieħ u mill-imħabba tal-ħajja li ħassejt meta bdejt nara mill-ġdid il-Wacky Races, u ġo moħħi, bħall-antifona tal-festa, kelli l-background music tad-daħka ta’ Muttley, aqta’ kemm ħassejtni aħjar! U, l-għaliex dejjem inżomm quddiem għajnejja l-prinċipju ta’ Charles Darwin, learning by observation (jiġifieri meta nosserva nitgħallem) bdejt iva nintebaħ kemm il-cartoons fihom effetti pożittivi ħafna għas-saħħa tal-bniedem.

B’xorti ħażina ħafna minna jaħsbu li l-cartoons qiegħdin hemm biss għat-tfal. Madankollu int u jien, (bħalma effettivament ġrali jien), nibqgħu b’ħalqna miftuħ kemm il-cartoons qiegħdin anki għalina l-kbar. Il-fatt li int u jien għandna niftakru sewwa dawk is-serje ta’ cartoons li konna naraw meta konna żgħar diġà huwa fatt li jitħaddet minnu innifsu. Ifisser li għalina dawn kienu u għad għandhom l-importanza tagħhom f’ħajjitna. Min minna jista’ jinsa’ l-interess u l-imħabba li kellna biex naraw dawn il-cartoons?

Id-dinja tal-cartoons hija tabilħaqq vasta. Jeżiżtu comics, videos tal-cartoons u anki cartoons animati. Il-cartoons għandhom storja twila. U kienu magħna fi żmien fejn it-televiżjoni lanqas biss kien maħlum. Il-cartoons għadhom jinstabu sallum fil-ġurnali tagħna. Hawn min il-professjoni tiegħu u tagħha hija dik ta’ cartoonist. Jiġifieri li tpingi l-cartoons. Kemm hija tabilħaqq sengħa kbira li tkun cartoonist!

Il-cartoons kienu jintużaw biex bihom jitwassal messaġġ soċjali lill-poplu b’forma tal-arti mimlija sens ta’ umoriżmu. Ħafna kienu u għadhom ikunu s-suġġetti tal-cartoons bħal, ngħidu aħna, atturi, politiċi, personalitajiet ta’ l-isport u persuni oħra. Ġieli kien hawn min għamel cartoon tiegħu nnifsu stess. Nafu mill-esperjenza kemm il-messaġġ bil-cartoons jasal. Revoluzzjonijiet kbar seħħu permezz tal-cartoons. U, saħansitra, attakki terroristiċi ġew motivati minn cartoons. Għalhekk l-appell għall-użu responsabbli ta’ dawn il-cartoons qatt m’hu barra minn loku.

Illum jeżiżtu għadd ta’ programmi software li bihom tista’ tagħmel immaġini ta’ cartoon tiegħek innifsek. U, bil-għajnuna ta’ servizzi fuq il-web, u li huma mingħajr ħlas, jipprovdulek ċertu siti li bihom tista’ tagħmel il-portrait tiegħek innifsek online jekk trid.

Kif konna qiegħdin ngħidu li adult jara l-cartoons huwa ta’ għajnuna kbira għalih u għaliha. Interessanti li videos animati u cartoons bħal The Simpsons, Flinstones u anki Tom and Jerry għadhom magħna. Dawn il-videos kienu eżaminati u murija mill-ġdid biex, forsi, jfakkruna fit-tifkiriet memorabbli tat-tfulija tagħna. Bħala adulti, l-istess bħalma jagħmlu lit-tfal, il-cartoons jagħmlulna tajjeb. Fil-cartoons hemm ċerta ħlewwa li ma tistax tirreżiżtieha. U din il-ħlewwa tinstab imżewwġa mal-umoriżmu li joffru l-karattri u l-uċuh tal-cartoons. Il-cartoons kienu wkoll użati biex bihom jitwassal messaġġ speċjali. Fil-fatt, il-cartoons jistgħu jintużaw biex titwassal idea billi jiġu mpinġija uċuħ umoristiċi.

Fi żmien l-imgħoddi il-cartoons kienu jintużaw biex jitwasslu messaġġi qalb in-nies b’mod mill-aktar satiriku. Il-cartoons fil-midja tal-istampa u fuq it-televiżjoni ilhom jiġu użati għal dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Il-cartoons huma mod ta’ mogħdija ta’ żmien u anki biex inaqqsu l-istress għalina l-adulti. Mhux dan biss imma wkoll il-cartoons jgħinuna noħolmu u anki jkollna viżjoni ottimista tal-ħajja. Għat-tfal, il-cartoons jistgħu jkunu aktar edukattivi u kif ukoll ta’ ferħ. Hija verità li xi cartoons juru aspett vjolenti tal-adulti. Għalhekk għandhom jiġu evitati kemm mit-tfal u anki mill-kbar. Tant hu hekk li anki l-ġenituri huma fid-dmir li jevitaw lil uliedhom tipi ta’ logħob, ispirati minn dawn il-cartoons vjolenti. Wara kollox hija r-responsabbiltà tal-ġenituri li jagħżlu b’mod għaqli dak li uliedhom għandhom jaraw jew ma għandhomx jaraw.

Mela, il-cartoons iġorru magħhom messaġġi ta’ awareness soċjali. Il-cartoons għandhom stejjer li jikkonċentraw fuq l-eroj. Il-karattru t-tajjeb dejjem jirbaħ il-ġlieda filwaqt li l-karattru l-kattiv u l-ħażin dejjem jitlifha. Ejjew ma ninsewx li f’ħajjitna wkoll, bħalma jseħħ fil-cartoons, aħna wkoll jkollna konklużjonijiet feliċi. Meta aħna l-adulti naraw il-cartoons aħna niġu mgħejjuna nikkonċentraw. U l-konċentrazzjoni tgħinna niffukaw u tgħallimna wkoll norbtu l-episodji tal-cartoons li nkunu qiegħdin naraw.

Instab ukoll li xi cartoons edukazzjonali jgħinuna bħala adulti biex niżviluppaw il-vokabularju. L-istess mela bħalma jiġri fid-dinja tat-tfal fejn it-tifel u t-tifla jitgħallmu kliem ġodda u hekk itejbu l-mod mitħaddet u anki dak miktub tal-ilsien tagħhom. Il-cartoons għandhom ukoll il-kapaċità li jgħallmuna għadd ta’ tagħlimiet fil-ħajja. Fil-fatt, il-cartoons jgħallmuna nitgħallmu naqsmu ma’ ħaddieħor u anki jgħinuna nkunu nafu dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. B’dan il-mod, int u jien, bħala adulti, nistgħu nitgħallmu dak li hu neċessarju fid-dinja rejali. U l-cartoons dejjem ifissru parti żgħira tad-dinja rejali b’mod umoristiku.

Il-cartoons huma maħżuna bħala memorja mill-isbaħ tat-tfulija. Barra minhekk huma għandhom rabtiet tassew sbieħ. Huma sewwasew dawn ir-rabtiet sbieħ li aħna nġorru magħna meta nikbru u nsiru adulti. Bħala adulti l-cartoons jgħinuna nsiru nafu ħwejjeġ differenti dwar kulturi oħra. Għalhekk, dan it-tagħlim jissokta jgħaqqad fina s-sentiment tal-għaqda.

Bħalma rajna l-cartoons jgħinuna biex, bħala adulti, inneħħu l-istress li nġorru bħall-għabra mal-psike u l-ispirtu tagħna. Ma rridux wisq biex nintebħu li meta naraw il-cartoons nerġgħu nsiru tfal. Għadd u għadd ta’ studji baqgħu juru b’ċerta konsistenza li l-cartoons inaqqsu l-istress li huwa relatat mal-mard fina l-adulti. Barra minhekk xi studji juru li meta wieħed jara l-cartoons ikun qed jagħmel il-ġid lil moħħu stess. Dan l-għaliex il-moħħ, waqt id-daħk, joħroġ l-endorphins. Dawn l-elementi pożittivi jgħinuna nħossuna tajjeb mentalment u fiżikament. Permezz tal-cartoons aħna l-adulti nistgħu nirrelataw aħjar mat-tfal u kif ukoll nistgħu nifhmuhom aħjar. Barra minhekk li wieħed jara l-cartoons huwa mod tajjeb biex wieħed jgħaddi l-ħin. Hu bil-qabda aħjar milli wieħed joqgħod jara films vjolenti inkella tal-biża’. Fl-aħħar nett, il-cartoons żviluppaw bħala wieħed mill-aktar karattri tal-għaġeb fuq l-iscreen, u, sintendi, bil-għajnuna tat-teknoloġija moderna l-karattri tal-cartoons joħorġu dejjem aktar aħjar.

Kumment interessanti li tat Dr. Laurel Steinberg, psikoterapista minn New York, juri l-qawwa tal-cartoons fil-ħajja tagħna l-adulti. “Il-cartoons tat-tfal jistgħu jkunu trattament ta’ sapport l-għaliex jħaddnu fihom temi bħal ordni fil-komunità, il-ħbiberija, il-familja, it-teamwork, li t-tajjeb jirbaħ lill-ħażin, u li x-xemx għada dejjem sa titla’. Il-cartoons jgħinuna jkollna ottimiżmu u jagħtu ftit serħan lil xi ħadd mill-inkwiet jew milli jħossu mdejjaq. Dawn kollha jistgħu jgħollu l-burdata tiegħek”.

X’cartoons beħsiebek tara wara li tkun qrajt dan l-artiklu?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: