L-Evanġelju tal-Ħamis, 19 ta’ Novembru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 11, 47-54

L-ikla għand il-Fariżew ma spiċċat sew xejn. L-għalliema tal-liġi ħadu għalihom għax ħassew li f’dak li Ġesù kien qed jgħid dwar il-fariżej, kien hemm imdaħħlin huma wkoll. L-akkuża ta’ Ġesù, ma kienetx indirizzata lilhom iżd ahuma ħassewhom inġurjati, mmalfamati, akkużati u jekk mhux ikkundannati wkoll. Wieħed minnhom ma flaħx iżomm ħaqlu magħluq quddiem din l-offiża ta’ Ġesù u hekk kixef is-sens ta’ ħtija li kien qed iħoss. Għallinqas jidher li kellu kuxjenza li għada taħdem.

Dan kien għalliem tal-liġi, dak li jirrifletti fuq il-liġi ta’ Alla, jinterpretaha u jwassalha lill-poplu ta’ Alla. Iżda bħal dawk kollha esperti fil-liġi, kienu jippruvaw jużaw il-liġi għal żewġ affarijiet: l-ewwel, biex jgħinu lill-bnedmin jgħixu skont il-liġi ta’ Alla, kienu jivvintaw eluf ta’ liġijiet oħra u t-tieni, dejjem jużaw il-liġi u jaraw kif iduru magħha biex jieħdu raġun, kważi kważi jattribwixxu setgħa divina lil-liġijiet li jivvintaw huma u jqiegħduhom fuq l-istess livell tal-liġi ta’ Alla. Il-problema qiegħda hawn: li l-liġi ta’ Alla hija mibnija fuq l-imħabba li Alla għandu għall-bnedmin, imħabba li teħles, imħabba li tagħmel il-ħajja faċli, filwaqt li l-liġijiet ta’ dawn l-esperti tal-liġi kellhom intenzjoni waħda, l-osservanza assoluta tal-liġi nnifisha. Imma kif jgħid l-Appostlu Missierna: “il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla, li tana l-ħila li nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux ta’ l-ittra imma tal-Ispirtu; għax l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja”. (2 Kor. 3, 6)

Il-Lhud kienu jħossuhom ipprivleġġjati minn Alla meta tahom il-liġi, mhux għax kienet liġi li torbot imma liġi li teħles, għax l-ispirtu tagħha kien spirtu ħieles, mingħajr ktajjen mingħajr frosta. Il-ktajjen u l-frosta huma r-riżultat tal-liġijiet, drawwiet u tradizzjonijiet li jdaħħlu l-bnedmin, li biex iżommu dak li joġolqu huma u jiddefenduh, lesti wkoll li joqtlu lil dawk li Alla jibgħat bil-kelma tiegħu. Ibda minn Abel u spiċċa f’Żakkarija li qatluh fl-iktar post qaddis fit-tempju, bla mistħija u bla skruplu. Il-liġi tal-bniedem li torbot u tqiegħed il-parametri ssir iktar importanti u assoluta mil-liġi ta’ Alla li tiftaħ il-bibien għal kulħadd u teħles minn kull xkiel.

Barra minn hekk il-bniedem li joħloq liġi juri li għandu s-setgħa, għax jistenna li, anke bil-qawwa tal-forza, l-bqija tal-bnedmin jobduha. U iktar kemm il-bnedmin jobduha, iridu jew ma jridux, iktar is-setgħa ta’ min jagħmel il-liġi tikber u tkun konfermata, iktar dak il-bniedem ikun jista’ jippretendi li hu Alla. Hawn min isejjaħ dan kollu, il-logħba tas-setgħa, jekk hi kollox, żgur li logħba mhix. Hija impożizzjoni tas-setgħa li timmanipula l-libertà tal-bqijatal-bnedmin suġġetti għaliha. Intom ħtaftu l-imfietaħ tal-għerf u ma ħallejtu lil ħadd jidħol. L-għerf f’idejn dawn il-bnedmin qatt ma ssarraf f’għaqal; mhux talli ma waqqax il-ħitan tal-ħabsijiet, talli għamilhom swar għoljin u godlija.

Jekk inħarsu madwarna nindunaw li dan għadu jiġri sallum.

Jiġri fil-Knisja meta d-drawwiet u l-liġijiet u r-riflessjoni fuq il-liġijiet u l-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla jsiru aqwa mill-Kelma ta’ Alla nnifisha; meta l-osservanza ta’ dan kollu toħnoq u tifga l-ispirtu tagħhom, meta l-liġi li hi l-d-dawl ta’ Alla biex il-bniedem jara sew fejn hu miexi, u jekk jiżbalja jkun jaf fejn għandu jerġa lura, issir il-mażżra ma għonq min jipprova jħares ’il fuq biex iduq il-ħniena, il-mogħdrija u l-imħabba ta’ Alla. Is-salib fuq l-ispalla ta’ min jerfgħu ma jfixklinix milli nimxu wara Ġesù, anzi huwa mitlub minna sempliċiment għax hu qed iġorru quddiemna, imma l-mażżra twaqqafna u tiġbidna ’l isfel, twaqqafna waqt li hu jkompli miexi.

Jiġri fis-soċjetà meta naraw li aħna stess naduraw bnedmin, mingħalina li qed jagħtuna dak li rridu mingħajr ma nindunaw li huma u jagħtuna qed jgħidulna dak li jagħtuna qed jagħtuhilna għax iridu huma, il-ħallieqa tal-libertajiet li jisquna bihom biex aħna nsiru dipendenti fuqhom u ninqatgħu fi gżejjer ’il bogħod minn xulxin u kontra xulxin, u jaljenawna minn dak li hu veru ħtieġa, li nkunu flimkien u nqiegħdu l-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor qabel tagħna, biex nissaħħu flimkien u nsiru ħaġa waħda, għax l-għaqda hija l-għadu li jhedded is-setgħa tagħhom.

Jiġri fil-familji tagħna, fil-kommunitajiet reliġjużi, fil-gruppi tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol meta l-virtù tal-ubbidjenza nibdluha fl-abbuż tal-jasar u l-iskjavitù, meta nimmanipulaw l-awtorità tar-responsabbiltà f’dittatorjat li jiffrustra lill-proxxmu tagħna u jbiegħdu minn Alla, għax idejqu u jaqtalu qalbu, jagħalqlu l-bieb tat-tama u jħajru u jinkoraġġih biex jaħseb u jiġbed biss għalih innifsu, meta nqisu li l-opinjoni u l-gosti tagħna għandhom isiru liġi għal kulħadd.

Dan jiġri meta ngħattu dan kollu b’xi tip ta’ filantropija, jew karità, meta nlibbsu l-għemil tagħna bil-libsa tas-solidarjetà biex ngħattu l-mistħija tal-għera tal-individwaliżmu tagħna. Dan jidher meta nippromwovu mentalità li biha kulħadd jista’ jiddeċiedi hu x’inu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Iċ-ċapċip għall-individwaliżmu tal-bniedem huwa tfakkira kontinwa tal-marda qattiela tal-bniedem li taqtgħu waħdu għalih innifsu. Inkunu boloħ jekk naħsbu li ż-żerriegħa li qed niżirgħu ma tikber qatt. Inkunu boloh jekk inqisu li aħna għorrief iktar minn missirijieta u iktar minn Alla nnifsu u naħsbu li meta niżirgħu ir-riħ se naħsdu l-bnazzi.

Iżda Ġesù ma jaqta qalb ħadd. Il-muftieħ tal-għerf qiegħed hemm biex jiftaħ il-bieb għal kulħadd. ‘Ħażin għalikom’ mhix kundanna iżda ftuħ l-għajnejn.

Quddiem kliem bħal dan nistgħu nagħmlu bħalma għamlu dawn l-għorrief li ssakkru barra, naraw kif nagħmlu biex ngħaddu ż-żmien bina nfusna u nsibu mezz biex neħduha kontra Alla u mingħalina nirbħulu.

Inkella nistgħu niftħu qalbna, nindmu u nibdlu l-attitudni tagħna biex għemilna jkun bħal dak ta’ Alla.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: