Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-gratwità li biha Alla tana s-salvazzjoni tiftaħ il-bieb għall-ħaddieħor

Il-gratwità li biha Alla tana s-salvazzjoni tiftaħ il-bieb għall-ħaddieħor


Il-Ħamis 19 ta’ Ottubru 2017. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jalla l-Mulej itina l-memorja li s-salvazzjoni hi gratwita, u jalla jgħinna nifhmu sew kemm Hu jinsab qrib tagħna meta aħna nagħmlu opri tal-ħniena, kemm materjali kif ukoll spiritwali, għax b’hekk inkunu bnedmin li niftħu l-bieb għalina nfusna u għal ħaddieħor.

 

Il-Papa għamel dit-talba waqt il-quddiesa li ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Fil-Vanġelu tal-ġurnata rajna li l-Iskribi u l-Fariżej kienu jaħsbu li huma ġusti, imma Ġesù jurihom ċar li Alla biss huwa ġust.

L-imgħallmin tal-Liġi, qal Franġisku, kienu jġibu ruħhom b’mod li huma ma kinux se jidħlu fis-saltna t’Alla, imma mbagħad lanqas kienu qed iħallu lil ħaddieħor jidħol.

Il-qofol tal-għerf hu l-ħila li nifhmu r-rivelazzjoni ta’ Alla, li nifhmu l-qalb ta’ Alla, is-salvazzjoni tiegħu, u meta dan ninsewh ikun nuqqas gravi. Inkunu qed ninsew li s-salvazzjoni hi mogħtija lilna b’rigal, bil-gratwità, u kull min jinsa l-ħniena t’Alla, il-qrubija tiegħu, ikun qed jarmi l-muftieħ li bih jinfetaħ il-bieb tal-għerf.

Il-Fariżej u l-Iskribi nsew il-gratwità tal-fatt li s-salvazzjoni hi inizjattiva ta’ Alla u għalhekk medhijin biss bil-liġi. Dawn kienu jaħsbu li r-regoli bla għadd li kellhom huma s-salvazzjoni. B’hekk ma jirċevux il-qawwa tal-ġustizzja ta’ Alla, li kien Hu li ħa l-inizjattiva biex isalvana.

Għalihom, Alla kien li għamel il-liġi. Imma dan mhux l-istess Alla tar-rivelazzjoni. Alla tar-rivelazzjoni hu Dak li beda jimxi magħna minn Abraham sa Ġesù Kristu, huwa Alla li jimxi mal-poplu tiegħu.

Meta aħna nitilfu dir-relazzjoni, kompla jgħid il-Papa, dil-qrubija mal-Mulej, naqgħu fil-mentalità magħluqa li tibda temmen li waħedha tista’ tasal għas-salvazzjoni għax tħares il-liġi.

Meta l-qrubija ma’ Alla, meta t-talb huma neqsin, la nistgħu ngħallmu d-duttrina u lanqas nagħmlu t-teoloġija, anqas u anqas it-teoloġija morali. Infatti, issokta l-Papa bi kliem li tennieh drabi oħra, it-teoloġija nagħmluha dejjem għarkupptejna u dejjem qrib ta’ Alla.

Il-qrubija tal-Mulej tilħaq il-quċċata tagħha fi Kristu kurċifiss għax aħna sibna l-ġustifikazzjoni bid-demm tiegħu, kif jgħidilna San Pawl. Għaldaqstant, kompla jispjega l-Papa, l-opri tal-ħniena huma l-ġebla tax-xewka tal-milja tal-liġi, għax bihom immissu l-laħam ta’ Kristu li jkun qed ibati f’dik il-persuna kemm fil-ġisem u anke spiritwalment.

Minbarra hekk, irridu nitħarsu wkoll mill-fatt li meta nitilfu ċ-ċavetta tal-għerf, naslu wkoll għall-korruzzjoni. Il-Papa qal li r-rgħajja tal-Knisja għandhom din ir-responsabbiltà għax meta jitilfu ċ-‘ċavetta tal-għerf’ ikunu qed jagħlqu l-bieb għalina u għall-oħrajn.

F’pajjiżi smajt bosta drabi bi stejjer ta’ kappillani li ma jgħammdux trabi ta’ ommijiet mhux miżżewġin, għax it-twelid ma sarx fi ħdan iż-żwieġ, qal Franġisku. Kienu jagħlqu l-bieb u jiskandalizzaw lill-poplu t’Alla. Għaliex? Għax dawn il-kappillani kienu tilfu l-‘muftieħ tal-għerf’.

Tliet xhur ilu, issokta jgħid, omm riedet tgħammed lil binha tat-twelid imma kienet miżżewġa biċ-ċivil ma’ raġel divorzjat. Il-kappillan qalilha: ‘Iva ngħammdu lil ibnek, imma żewġek hu divorzjat, jibqa’ barra u ma jistax jidħol għaċ-ċerimonja.’ Dan qed jiġri llum. Dawn il-fariżej, dutturi tal-liġi, mhux affarijiet ta’ żmien Ġesù biss, illum ukoll hawn ħafna minnhom.

Għalhekk, temm l-omelija l-Papa, itolbu għalina r-rgħajja. Itolbu għalina biex ma nitilfux il-muftieħ tal-għerf u ma nagħlqux il-bieb għalina u għan-nies li jkunu jridu jidħlu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: