Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 20 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 20 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 1-7

In-nies jinġabru bl-eluf u jgħaffġu fuq xulxin. Dan huwa poplu li, bħalna l-Maltin, ordni ma jafx x’inhi. L-importanti min se jkun quddiem u min se jinqeda l-ewwel. Ftit li xejn nindunaw li iktar kemm ngħaffġu iktar naqgħu lura u ninqdew tard. Kultant anke fit-triq, mimlija mhux b’eluf ta’ nies imma b’eluf ta’ karozzi, ħafna huma l-galantomi li jridu jkunu quddiem ħaddieħor anke jekk b’sogru ta’ xi taffiġa. Ninġabru u ngħaffġu bħan-nagħaġ.

U Ġesù jippreżenta ruħu b’mod indirett bħala r-ragħaj it-tajjeb li jipprova jnissel ordni fil-merħla tal-eluf jgħaffġu fuq xulxin għax m’għandhomx min imexxihom f’ordni, m’għandhomx min ifhiemhom li inqas kemm jgħaffġu iktar ikunu ħielsa biex jimirħu.

U r-ragħaj jgħallem. Ma jċanfarx iżda jwissi. Mhux jabbuża mil-folla billi juża l-popolarità iżda jiftaħ il-għajnejn, biex kulħadd ikunu għaref.

Ġesù jwissi kontra l-ipokresija tal-mexxejja. Ovvjament biex tħares ruħek minnha trid l-ewwel tagħrafha. Trid tkun għaqli biżżejjed li tara dak li mhux jidher. Safjin bħall-ħamiem, iżd agħaqli bħas-sriep. L-ipokresija mhix faċli tagħraf qabel tbati l-konsegwenzi tagħha. Fl-ipokresija hemm tradiment, qerq u min ma jiftaħx għajnejh sewwa, min fil-gidba jara l-verità u jemminha, jiġi żmien meta jħoss ix-xafra tinfidlu dahru u jisħet is-siegħa u l-mument li emmen. Huwa veru li ż-żejt jitla f’wiċċ l-ilma, iżda kemm ikun aħjar li kieku ma jitħalltu qatt. Ma nistgħaġbux li jkun hemm min jipprova jqarraq. Sakemm il-bniedem jibqa’ bniedem, dejjem se jkun hemm min juża l-ħażen biex iqarraq u jsaħħaħ lilu nnifsu u l-interessi tiegħu. Għandna nistgħaġbu meta għal darba, darbtejn jew iktar inħallu min iqarraq bina għax nagħmluh alla tagħna. Aħjar nindunaw għax inkunu bil-għaqal u nużaw moħħna sewwa milli nindunaw għax nindunaw li xi ħadd uriena ħaġa u kien oħra.

Ħafna jwiegħduna ħajja bla xkiel, bla saram u bla tbatija. Nagħtikom kollox. Niftakru f’waħda mit-tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert. Jekk tagħtini qima nagħtik id-dinja kollha. Agħmilni alla tiegħek u nieħu ħsiebek jien u aħna nemmnu u nbiegħu ruħna lil min iwegħdna l-ġid u l-fama u l-prosperità. Min jagħti l-ħajja jagħti l-mewt. U l-bniedem li jwiegħed li jista’ jeħlisna minn kull saram biex inkunu geddumna fix-xgħir huwa l-bniedem li qed jagħmilna dipendenti fuqu, joħdilna minn ħalqna l-ħila li naħsbu, nagħrblu u niddeċiedu. Għalhekk nispiċċaw bla ruħ, għalhekk ruħna tinqatel. Nibżgħu minn min jista’ jeqred kemm il-ġisem u kemm ir-ruħ. Nibżgħu minn min iħajjarna nparrtu ruħna ma’ dak jidher li hu s-saltniet tad-dinja kollha.

Wara kollox hemm min jieħu ħsiebna. Min irid jaħkimna ma jissodisfax il-bżonnijiet tagħna iżda joħqolilna iktar bżonnijiet, iġiegħelna nemmnu li dak li kulma noħolmu bih huwa indispensabbli għalina u fejn ma jwassalx il-ħolm tagħna joħlom għalina hu. Alla ma jafx jagħmel hekk, Alla ma jistax jagħmle hekk. Alla jħobb u għax iħobb jagħti lil kulħadd dak li għandu bżonn fil-ħin li għandu bżonnu. Aħna niswew ħafna iktar minn żewġ għasafar tal-bejt u Alla ma jinsiniex.

Il-fiduċja tagħna mibnija fuqna nfusna jew fuq il-wegħdi li jagħmlu l-bnedmin, twassalna biex ninsiru vittma tal-ipokresija ta’ min iridna ngħixu nittallbu. Inkunu boloh jekk il-fiduċja tagħna naħluha fuq il-bnedmin. Aħjar temmen fil-Mulej milli tittama fil-kbarat; aħjar temmen fil-Mulej milli tafda fil-bnedmin.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: