L-Evanġelju tas-Sibt, 21 ta’ Ottubru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 8-12

Il-kalendarju kattoliku huma mimli b’tifkiriet jewt festi lil nies li ġew maqtula kultant f’silenzju assolut jgħidu ħaġa waħda: “Jiena nemmen f’Ġesù Kristu”. Oħrajn urew dan it-twemmin tagħhom billi taw ħajjithom kollha kemm hi għal dak li dan it-twemmin kien ifisser għalihom.

Tista’ tgħid li l-biċċa l-kbira tagħhom mhux talli ma kienux magħrufa fi żmienhom talli kienu mkasbra u mżebilħa, kultant fil-Knisja stess. Insejħulhom qaddisin. Tal-ewwel il-Knisja tiċċelebrahom bl-aħmar għax huma martri u l-oħrajn nagħmlulhom festa bl-abjad għax huma konfessuri (dawk li jistqarru).

Fis-sajf malti nogħxew nimlew it-toroq tal-irħula u l-bliet tagħna b’arbli u kolonni u statwi mżeffna, nonxru pavaljuni kbar b’disinji kumplessi minn naħa għall-oħra tat-toroq tagħna, niċċelebrawhom b’mużika opersitika ħafna drabi medjokri, nagħmlu l-marċi f’ġieħhom u naqbżu u nixxalaw u nawguraw lil dawn il-qaddisin il-ħajja (viva, viva). Kollha ħwejjeġ lijistgħu ikunu sbieħ u jistgħu ikunu wkoll aħjar, huma parti mill-kultura tagħna li turi tassew min aħna.

Se jkun dan kollu magħruf quddiem Alla bħala stqarrija tal-fiduċja tagħna fih? Jekk dan forsi le, affarijiet oħra j’Alla jkunu. Ġesù jkellem lid-dixxipli ċar. Jitlob minnhom ħaġa waħda. Stqarrija ċara u tonda li huma miegħu. Min jistqarr li jafni nistqarr li nafu. Min jgħid li ma jafux, hu li ma jigdibx jgħid il-verità ukoll: ma nafekx. Mhux kulmin jgħidli: Mulej, Mulej. Mhux min jgħidli: smajnik fuq it-television aħna, u int kilt fil-pjazez tagħna; ngħidilkom: ma nafkomx. Mhix gidba! Mhix tpattija! Hija l-verità.

Min jiċħad li jafu, ma jsir jafu qatt. Min jiddejjaq juri li jafu mhux se jieħu gost jagħmilha miegħu u jidher miegħu. Kultant għandna ideja dejqa wisq tat-twemmin tagħna. Naħsbu li l-importanti li nkun tajjeb jien, li ‘ma nobgħodx’, li nagħmel dmiri. Immaġina ftit li kieku tr-relazzjonijiet sbieħ ta’ bejnietna jkunu hekk. Il-maħbub jiddejjaq jidher mal-maħbuba tiegħu, ma jobgħodhiex u dmiru lejha jagħmlu dejjem, imma ma jridx jgħid li jafha. Relazzjoni hekk ma sservix wisq. Ġesù m’hu qed jgħid xejn li ma nafux diġa. Imma għax jixtiqilna l-ġid ma jiddejjaqx ifakkarulna.

Imma anke dawn jinħafru għax il-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla huma ikbar miċ-ċaħda u d-dnub tal-bniedem. L-ikbar firda bejn Alla u l-bniedem isseħħ meta l-bniedem jaqta’ qalbu min Alla għalih innifsu jew għal ħaddieħor, meta l-bniedem jipprova jagħafas il-brejkijiet ta’ Alla quddiem bniedem li jindem u jdur lejh, meta jeskludi mid-dirgħajn miftuħa ta’ Kristu fuq is-salib lil xi ħadd li naqas li jistqarru quddiem il-bnedmin. Dak hu dnub li jiċħad l-omnipotenza ta’ Alla, jiċħad il-ħniena tiegħu, dnub li jgħid li Alla jista’ jobgħod. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna biex nitolbu għal min jagħmlilna d-deni, għall-għedewwa tagħna. Dirgħajn Alla miftuħa għalihom ukoll. Parti mill-sitqarrija ta’ twemmin fl-isem ta’ Ġesù Kristu, hija l-imħabba li huwa għandu lejn kulħadd, (l-interprteazzjoni li nħobb nagħti lill-kelma maltija: ħadd tfisser ‘no one’, ma jeżistix, nullità). Alla jħobb u jagħder anke lil min f’għajnejn il-bnedmin m’hu xejn. Id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu hi ċ-ċaħda ta’ dan kollu.

Meta, int li temmen u tistqarr dak li temmen, illum titlob għal min bata u għall-familja tiegħu, itlob ukoll għal min ikkawża dik it-tbatija. Dirgħajn Alla miftuħin għalih ukoll.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading