L-Evanġelju tat-Tlieta, 24 ta’ Ottubru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 35-38

M’hemmx mistrieħ għal min irid is-sewwa għax kull minuta għandha valur. Kif titlaq ir-riedni taħsad u tinħasad. Tiskanta x’tista’ tasal biex tagħmel kif issib ruħek bla lġiem. L-aljenazzjonijiet huma ħafna, jiġbduk, jinteressawk u jirrendulek, għallinqas hekk iwiegħdu u hekk kultant hekk jagħmlu, imqar għal ftit.

Ġesù jaf lil min għażel. Din it-twissija u parir fl-istess ħin hija ndirizzata lid-dixxipli, mhux lil kulħadd; mhux li dawk li jqisu lilhom infushom progressisti u liberali iżda lil dawk li l-biċċa l-kbira tal-bnedmin iqisuhom b’rashom marbuta, antikwati, bejjiegħa tal-ideat u l-ħolm. Id-dixxiplu huwa qrib ta’ Ġesù, jimxi warajh, jagħmliha miegħu u jitgħallem minnu. Id-dixxiplu huea dak li jrid jeħodha kontra l-kurrent u juri li l-kriterji tad-dinja huma foloz u jgħadduk biż-żmien. L-aljenazzjoni b’dak li huwa sabiħ fl-għajnejn hija rejali u meta tara lil ħaddieħor jgħixha titkaxkar bl-eżempju u twarrab il-kelma.

Ġesù jagħti parir biex qatt ma ninqabdu fuq sieq waħda għax malajr ninqalbu. Ġenbejna mħażżmin, lesti għat-tluq. L-ilbies li kienu jinsatru bih fi żmienu kellu bżonn ħżiem. Kif tidħol ġewwa u jkollok il-ħsieb li tibqa’ hemm għal tul ta’ ħin, l-ewwel ħaġa li tagħmel, tneħħi l-ħżiem biex tkun komdu. Il-ħsieb tilbsu meta taf li trid timxi, terfa’ l-libsa u żżommha f’postha biex waqt il-mixi ma tiġix f’saqajk. Jekk imħażżem dejjem, dejjem lest biex timxi. Il-waqfien mhux għalina għax kif nieqfu naqtgħu lura. Id-dixxiplu ma jistax jieħu nifs fil-mixi tiegħu. Jekk inħarsu madwarna, fis-soċjetà li qed ngħixu fiha, nindunaw li qed inħossuna komdi, kuntenti bina nfusna u b’li għandna. Il-ħżiem neħħejnieh għax irridu niqbgħu ġewwa. Irridu nibqgħu komdi. U ġewwa ninsew li jeżisti barra, ninsew li d-dinja mhix spazju magħluq bejn erba’ ħitan, jew imdawwar bi ftit ilma. Ġo dahrek taħseb li inti s-sultan tal-univers u sa ċertu punt ikollok raġun għax l-erba’ ħitan jew il-ftit ilma li jdawwar ir-roqgħa art li ddur fi ċrieki fiha, jsir l-univers tiegħek. Min jissogra jipprova jiftaħlek it-tieqa jsir l-akbar għadu li jheddidlek is-saltna tiegħek. Żomm ġenbejk imħażżma. Kun lest biex timxi. Anke meta’ taqa’, qum u imxi. Tieqaf qatt!

Il-kumdità ta’ ġewwa ddarrina wkoll id-dlam. Meta xi ħadd idum fid-dlam u għajnejh jbdew jidraw id-dalma u jqogħodu għaliha, xi ftit jew wisq jibda jara iżjed fid-dlam u għandu mnejn isir kuntent b’dak li qed jara. Ma jarax id-dettalji, ma jarax il-kuluri, ma jarax il-ħofor, jara dellijiet, jara biss ħjiel, jara biss madwaru, imma qed jara. Mhix din aljenazzjoni tal-biża li tnessik id-dawl, il-kulur, il-wisgħa, id-dettal! Mhix aljenazzjoni li tgħamik minn dawk li hemm madwarek u li għalik isiru forom bla ruħ u bla sbuħija! Mhix aljenazzjoni li tnessik it-tul tal-viżjoni li tista’ tara fid-dawl, ’il barra mill-erba’ ħitan jew ftit ilma li jdawrek. Żommu l-imsiebaħ tagħkom mixgħula, biex anke fid-dlam taraw iktar, biex anke fid-dlam tkunu dawl għall-oħrajn, biex ma tarax sal-ponta ta’ mnieħrek biss.

Il-ġenbejn imħażżma u l-imsiebaħ mixgħula huma sinjal ta’ bżulija, ħeġġa u entużjażmu mimli b’sens ta’ avventura għall-aħjar li nistgħu niltaqgħu miegħu għada. Il-kumdità u d-dlam jikkunentawna b’dak li naħsbu li għandna llum u jnessina li għada jiġi wkoll, jekk mhux hawn fil-ħajja ta’ dejjem. Imma anke hawn hu mportanti.

Waqafna għax komdi, wafana għax drajna, waqafna għax qtilna fina l-ħeġġa ta’ għada aħjar. Illaxkajna fuq dmirna, tgħallimna niskartaw, nogħxew naħlu l-ħin u kburin b’dan kollu. San Pawl Missierna josserva li sirna niftaħru b’dak li jmissna nistħu minnu.

It-twissija ta’ Ġesù hija grazzja ta’ fiduċja kbira fina. Tintelaqx. Qum u imxi fid-dawl, imqar ta’ musbieħ inemnem. Tinqabadx fuq sieq waħda. Hieni int. Imbierek int jekk ma tissakakrx ġewwa fejn tinkesa bl-għanqbut; imbierek int jekk ma tikkuntentax bid-dlam tad-dellijiet mixħuta fuqek.

Tħallix li dak li ma tagħmilx għax trid, b’għażla jkollok tagħmlu bilfors, meta ma tkunx tista’ toqgħod iktar bilwieqfa fuq saqajk u jkollok timtedd wiċċek ’il fuq.

Id-dinja hija ferm iktar wiesgħa mill-erbat ħitan jew ftit ilma li jdawruk. Il-ħajja hija ħafna isbaħ mid-dlam li drajt fih.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading