Home > Aħbarijiet > Delegazzjoni Maltija fil-Vatikan għall-Kungress Internazzjonali. Il-Knisja tistieden ukoll lill-politiċi.

Delegazzjoni Maltija fil-Vatikan għall-Kungress Internazzjonali. Il-Knisja tistieden ukoll lill-politiċi.


Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2017: L-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, u l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, jinsabu l-Vatikan għall-kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’. Din il-laqgħa ta’ djalogu li tibda llum ser tlaqqa’ flimkien aktar minn 350 parteċipant mit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, fosthom rappreżentanti għolja tal-Knisja u mexxejja politiċi Ewropej, bil-għan li jikkontribwixxu għal riflessjoni kostruttiva dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa.

Logo_ReThinkingEuropeId-delegazzjoni Maltija mmexxijja mill-Arċisqof Scicluna tinkludi lil Dr Aaron Farrugia, Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, Dr Roberta Metsola, Membru Parlamentari Ewropej, Dr Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, u r-Rev. Prof. Emmanuel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Huma ġew mistiedna mill-Konferenza Episkopali Maltija biex jipparteċipaw f’dan il-kungress li jintemm għada, is-Sibt, b’udjenza mal-Papa Franġisku.

Il-kelliema ewlenin jinkludu l-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani u Pat Cox, President u eks-President tal-Parlament Ewropew, u l-Kardinal Reinhard Marx, President tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej (COMECE).

L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta ġew mistiedna jindirizzaw l-ewwel sessjoni tal-kungress li matulha ser jitkellmu dwar l-isfidi tal-integrazzjoni. Matul dawn il-jumejn, il-parteċipanti ser jiddiskutu wkoll x’tip ta’ ekonomija tinħtieġ l-Ewropa, l-istat tad-demokrazija fil-pajjiżi Ewropej u l-kontribut tal-Knisja Kattolika b’risq it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’ joffri opportunità ta’ djalogu bejn dawk kollha involuti fil-proġett Ewropew, li jixtiequ jaħdmu favur il-ġid komuni u jpoġġu l-persuna u d-dinjità tagħha fiċ-ċentru tal-politika. Il-kungress huwa organizzat mill-COMECE u s-Santa Sede, fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma.

Categories: Aħbarijiet
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: