L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 12, 54-59

Xi ftit jew wisq din is-sengħa tlifniha. Illum, minflok tittawwal mit-tieqa jew tgħolli ħarstek ’il fuq biex tara x’temp hu, tgħaddas rasek u tilgħab b’subgħajk fuq ‘screen’ ċkejken biex tara jekk hux nieżla xita jew jekk hix imħabbra. Ma narawx dak li hemm bħalissa, aħseb u ara kemm inassru dak li ġej. Meta missieri, li hu sajjied, kien jiflaħ jimxi kien joħroġ barra qabel is-sebħ biex jara x’temp hu u l-ajru x’qed iwiegħed. Minn dak li kien jara kien jippjana l-ġurnata. Missieri għallimni s-sengħa tal-għarfien ta’ dak li hu biex minnu nara dak li ġej.

Ġesù u n-nies ta’ żmienu kienu jgħollu ħarsithom u jdawruha madwarhom u minn dak li jaraw u josservaw, ibassru dak li jkun se jiġri. Moħħhom kien miftuħ għas-sinjali tan-natura u dak li jaraw u josservaw, magħqud mal-esperjenza, jinterpretaw is-sinjali u mhux biss isiru jafu fejn qegħdin iżda wkoll fejn jistgħu ikunu.

Meta l-moħħ jingħalaq u jintebaq, jirkeb lil sidu għama kbir. Meta l-bniedem iċedi l-ħila tal-ħsieb u jħalli lil min jaħseb għalih, ikun qed jorbot għamad quddiem għajnejh, li jsakkru fid-dlam tal-injoranza, fl-għama tal-bluha. Is-sinjali qegħdin hemm quddiem għajenjna, imma jista’ jkun li rnexxilna niksbu ħila straordinarja biex nimmaġinawhom xi ħaġa oħra jew nbdlulhom it-tifsira, iktar u iktar meta ma naħsbux b’moħħna iżda b’moħħ min irid jikkontrolla tagħna.

Ġesù għandu kliem iebes għal min idawwar it-tifsira tas-sinjali ta’ madwaru. Ma jattribwix dan mal-injoranza, jew mad-dgħufija imma ma ntenzjoni b’għażla ta’ qerq. Uċuh b’oħra. Ma tistgħux tgħidu li ma tafux, jew li m’għandkomx moħħ, imma tistgħu tgħidu li għandkom moħħ u tużawh biex tqarrqu lilkom infuskom u lil oħrajn.

Uża moħħok u użah sew. Aħseb qabel tagħmel xi ħaġa u tirraġunax b’passjoni, tiddeċidix f’mument ta’ rabja, ipprova ftiehem qabel tiftaħ il-kanuni tar-rabja u tal-aggressività. Aħsibha sew qabel tgħid jew tikteb xi ħaġa li ma titħassar qatt. Il-konsegwenzi jkunu ħafna iktar serji u iebsa meta ma taħsibx jew meta taħseb kif ifettillek jew kif taħseb li jaqbillek. Tinsiex li kull munita għandha żewġ uċuh, u dak li jiġri lil ħaddieħor faċilment issibu fuq spallejk. Bħalma illum inti vittma ta’ għemil ħaddieħor, għada ħaddieor jista’ jkun vittma ta’ għemilek.

M’hemmx isbaħ mill-ftehim. In-nuqqas ta’ ftehim iwassal għall-firda u għall-mibgħeda, li żżommna ’l bogħod minn xulxin. Ma nħallux min jifridna, ma ħallux lil min jibellagħhielna li jablilna nobgħodu, noffendu u nżebilħu lil xulxin. Lil min se ssib meta tkun fil-bżonn? Lil min iħeġġek biex tqobgħod u jrid akkost ta’ kollox jifirdek minn ħaddieħor, jew lil dak il-ħaddieħor li jinsab ħdejk u taħbat miegħu? Għal daqshekk biss ukoll tista’ tifhem kemm hu meħtieġ il-ftehim u kemm hi bżonjuża l-għaqda.

Għalina li nemmnu dan hu biss pedament. Il-binja hija l-imħabba u r-rispett. Fejn taħseb li m‘hemmx imħabba, kienet tgħid waħda qaddisa kbira, ibda ħobb u jkun hemm imħabba. Imma tinsiex li meta tibda tobgħod, mibgħeda se ssib. Faċli niftaħar, meta għandi għalfejn nistħi, li l-istonku tiegħi jesa’ furnata ħobż imma kelma ma jesagħhiex. L-effett ta’ kelma mixħuta bl-addoċċ u r-ras iebsa biex inostni dik il-kelma jista’ jwassalni f’sitwazzjoni kiefra fejn ikolli ninroddu lura id-dejn tiegħi, sa l-inqas ħabba.

Is-sinjali qegħdin hemm. Is-sinjali qed tarahom. Tkunx iblah u tgħid li ma tafx taqrahom.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

One thought on “L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2017”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading