Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Inwasslu l-messaġġ!

Inwasslu l-messaġġ!


Id-dinja tallum imlebilba għall-messaġġ. Anki jien u int, fiċ-ċokon tagħna, għandna bżonn messaġġ. Il-familja, il-Knisja u s-soċjetà tagħna għandhom iridu messaġġ.

Il-bniedem, mingħajr messaġġ, ma jgħix. Fil-verità, ma jistax ikun aktar hu. Int u jien ġejna maħluqa biex nikkomunikaw ma’ xulxin. Dan l-għaliex, il-Mulej li ħalaqna, fih innifsu, u barra minnu nnifsu, il-ħin kollu jikkomunika. U jġib lil min jikkomunika. Il-Missier jikkomunika mal-Iben u l-Ispirtu s-Santu. L-istess jagħmel l-Iben mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu. Bħalma jagħmel l-Ispirtu s-Santu mal-Missier u l-Iben.

Issa, dan Alla, ma jibqax magħluq fih innifsu. Dan l-għaliex, il-komunikazzjoni vera, tinfetaħ. Tespandi. Ħa tinkludi. U qatt teskludi. Mela, Alla Trinità jikkomunika magħna mhux biex jagħlqilna ħalqna. Anzi! Jikkomunika magħna biex aħna nikkomunikaw miegħu. Hu, la jikkomunika magħna, jagħmel dan għax ma jibżax! Anzi! L-għaliex iħobb jurina min Hu. U ma jiddejjaq xejn li jurina min Hu. Terġa’, irid jurina min Hu! U l-inkwiet tiegħu huwa jekk aħna ma nkunux irridu nħalluh jgħidilna min Hu! Issa dan jagħmlu l-għaliex jemmen bis-sħiħ li min jikkomunika ma’ ħaddieħor ma jibżax. Anzi! Jikkomunika ma’ ħaddieħor ħalli l-imħabba bejnu u bejn il-persuna l-oħra tiżviluppa aktar. U tkun il-mezz ta’ ferħ għaż-żewġ persuni involuti.

Għalhekk huwa tana l-grazzja fina li nikkomunikaw flimkien. Biex nikbru miegħu. Nikbru fiH. L-għaliex hu Alla tas-sewwa. Mhux ta’ b’xejn li s-salmista, f’Salm 17, jgħidlu hekk: “Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija, għajnejk jaraw is-sewwa” (Salm 17:2). Mela, la mingħandu toħroġ il-ġustizzja (qdusija) u s-sewwa sinjal li, qabel xejn, irrid nikkomunika miegħu l-għaliex għandi bżonn nikkomunika miegħu l-ewwel. Ħa jqaddisini fis-sewwa. Irid, fi ftit kliem, iġibni bħal dak l-istat li fuqu Ġesù tħaddet dwar Natanael (jew San Bert, jekk int mill-Għargħur): “Fih m’hemm l-ebda qerq” (Ġw 1, 47).

Meta nħaddnu l-Mulej li hu “qaddis u qawwi” fil-komunikazzjoni tagħna, dan il-Mulej li “[j]ħobb il-ġustizzja u [j]waqqaf is-sewwa” (Salm 99:3-4), jibdel il-komunikazzjoni tagħna ma’ xulxin, kemm personalment u anki kollettivament. BiH fina u fostna tibda’ titrabba l-qdusija, il-ġustizzja u s-sewwa. Tibda’ titrabba din il-qawwa li lilna, bħala individwi u bħala soċjetà, tibda’ tibdilna f’“kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir” (Fil 4:8).

Taqsamli qalbi l-frażi li nisma’, u ġieli għedtha jiena stess fi qtigħ il-qalb: “M’hemmx x’tagħmel!” Din hija frażi li tkissirna. Li ddaħħalna ġo ħajt u tħallina hemm. Ir-rejaltà hija ħafna aktar usa’ minn hekk. Ir-rejaltà tfisser li, min jafda tassew fil-Mulej u jħares triqtu, jara “l-ħżiena meqruda” (S 37:34). Din l-esperjenza s-salmista kien jafha sewwa l-għaliex, hu stess, qal: “Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar jinfirex qisu ċedru tal-Libanu. Rġajt għaddejt, u ma rajtux; fittixtu, u ma sibtux” (Salm 37:35).

Il-ħażin jispiċċa. Jinqered. L-għaliex fih barka m’hemmx! Għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex ngħinu lil xulxin ħa noħorġu mill-ħażen. Fil-ħażen hemm ir-rovina tal-persuna umana. Il-ħażen il-Mulej jobgħodu (ara Salm 45:8). L-għaliex huwa xogħol l-għadu antik tiegħi u tiegħek, tax-xitan. Li jinqeda b’kulħadd biex ikissirna.

Għalhekk, lill-ħażen irridu nieqfulu. Ġej min fejn hu ġej. Il-ħażen qatt ma jista’ isikket lit-tajjeb. U qatt ma jista’ isiktu l-għaliex dak li hu sewwa dejjem rebaħ fuq il-ħażen. Jekk hemm żewġ affarijiet li jkidduna bħala bnedmin huma d-dnub u l-mewt. U Kristu, lil dawn it-tnejn, rebħilhom! Kristu rebaħ lill-vjolenza bi mħabbtu. Kristu rebaħ lir-rabja u lill-vendetta bil-maħfra tiegħu. Kristu rebaħ lill-ipokresija bil-verità tiegħu li ssalva. Kristu rebaħ lill-kundanna tal-bniedem li jgħaddi kontra ħuħ dgħajjef billi laqa’ lura għandu lil min żbalja u niedem minn dak li għamel.

Huwa meta aħna msaħħin minn dan Kristu li naslu għall-prinċipju li għallem San Pawl lis-soċjetà vjolenti ta’ Ruma ta’ żmienu: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).

Inwassluh dan il-messaġġ fil-parlament, fid-djar, fil-postijiet tax-xogħol, fil-Knisja, fil-kunventi, fis-social media u kullimkien! Inwassluh! Għax dan huwa l-messaġġ li jibqa’ għal dejjem!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: