Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ħa nerġgħu niftħulha!

Ħa nerġgħu niftħulha!


F’pajjiżna għandna ħafna pożittiv. Bħala Maltin u Għawdxin, kulħadd skont il-kapaċitajiet tiegħu, kulħadd taha d-daqqa t’id tiegħu biex illum qiegħdin fejn qiegħdin. Mela, grazzi Mulej!


Ilkoll naqblu fuq il-prinċipji tal-ġustizzja, tas-solidarjetà, tal-koperazzjoni, tax-xogħol u ta’ dak kollu li jagħmilna pajjiż ċivilizzat u minn ta’ quddiem nett f’ħafna oqsma. Madankollu hemm qasam li, minkejja tant avvanzi li għamilna matul is-snin, għad fadlilna wisq x’naqdfu fih! Għadna wisq inġorru mibegħda għal xulxin!

Ta’ Malti bħalek jiena nistaqsi l-mistosqija ovvja: L-għaliex, wara kull avveniment li jiġri f’pajjiżna bilfors irridu ninfirdu bejnietna? Irridu noħolqu l-klikek? Dawk kontra l-oħrajn? U l-oħrajn kontra l-oħrajn? Meta se nibdew nitgħallmu li rridu nagħmlu distinzjoni ċara bejn il-bniedem, li jixraqlu kull rispett għax hu bniedem, u l-ideja li għandu tat-tali u t-tali ħaġa? Meta se nieqfu nwaħħlu ma’ xulxin l-ideja mal-bniedem u l-bniedem mal-ideja? Meta se naslu biex nifhmu li fil-ħajja ma jeżiżtux l-anġli għalihom u d-demonji għalihom imma li f’kull wieħed u waħda minna, ibdi minni l-ewwel wieħed, hemm fija dak li hu tal-anġlu u dak li hu tad-demonju?

Din is-sena partikulari, f’diversi waqtiet tagħha, kienu liema kienu, pajjiżna kien it-tejatru ta’ mibegħda kbira. Ta’ kliem u attitudnijiet, rabja u vendetti fuq xulxin. Dan żgur li ma jagħmilniex ġieħ. Dan lilna jkompli aktar iniżżilna l-isfel fil-klassika tal-falliment uman. Aħseb u ara mela ta’ dak li hu spiritwali! Meta se nibdew nintebħu li t-titjib ekonomiku irridu nsostnuh bil-mod ta’ kif nittrattaw ma’ xulxin? Tgħid għad jiġi żmien f’pajjiżna fejn nibdew ngħidu: fejn huma l-Maltin u l-Għawdxin? Dan qed ngħidu mhux l-għaliex għandi xi biża mill-barranin imma l-biża tiegħi hu li aħna, bħala Maltin u Għawdxin, naqra naqra, qegħdin ninsew wisq, u b’rata allarmanti, l-għeruq umani u Insara tagħna. Jiġifieri dawk l-għeruq tat-tjieba, tal-ħlewwa, tar-rażan, tal-maħfra, tal-ġustizzja, tas-sliem u tal-paċi.

Sabiħa u għandha tkun li kulħadd isemma’ leħnu. Inkella fejn hi d-demokrazija? Imma ejjew ilkoll inkunu responsabbli għall-mod kif naħsbu u naġixxu. Għall-mod ta’ kif nitħaddtu u niktbu fuq xulxin. Irrid nifhem li jien ma ngħix għalija waħdi. Allura nagħmel jew ngħid li jaqbilli. Għax hekk naraha l-ħaġa. Irrid inżomm quddiem għajnejja li dak li se ngħid u se nagħmel se jinfluwenza lill-oħrajn. Pajjiżna huwa żgħir. Aħbar, hi x’inhi, tiġri daqs leħħa ta’ berqa minn naħa għall-oħra tiegħu. Mela ejja nibżgħu ftit għan-nies u għall-familjari li huma milquta minn dik l-aħbar partikulari u mhux naqbdu inparlaw bl-addoċċ u nikkumentaw hekk li aktar nissuktaw nitfgħu l-melħ fuq il-ferita.

Fis-soċjetà tagħna ilkoll inġorru r-responsabbiltajiet tagħna. Allura, bl-aktar mod kalm, seren u ta’ kuraġġ, ejja nara ftit x’inhu r-rwol tiegħi f’din is-soċjetà. U hekk, kliemi u għemili, isostnu dak l-irwol partikulari. Kulħadd jaqbel għalenija u jikkundanna kull att kriminali. Hu x’inhu dan l-att. Dan l-għaliex kull att kriminali huwa għemil faħxi kontra d-dinjità sagrosanta ta’ dik il-persuna li kienet il-vittma tiegħu, hu min hu u hi min hi, u tal-familjari u l-ħbieb tagħha. Minn naħa l-oħra ejjew ma nissuktawx noqtlu lil xulxin billi noqtlu l-fama ta’ dik, dak jew dawk. Hija verità li r-rimedju legali huma l-qrati. Imma xi tbatija tgħaddi minnha dik il-persuna jew dawk il-persuni li fuqhom tkun saret malafama? Min verament jista’ jikkompensa l-ħsara kbira li tkun saret lil dik il-persuna u lill-familjari tagħha?

Filwaqt li spiss jissemma li hawn is-saltna tad-dritt, kull liġi hija xabla li taqta’ minn żewġt ixfar. Meta ħbieb, f’dan il-pajjiż daqshekk sabiħ u bi storja kbira, se nibdew nitħaddtu mis-saltna tal-imħabba? U mhux din li fiha għandha l-fejqan għal tant weġgħat li nġorru ġewwa fina bħala poplu?

Bħala Nisrani u Franġiskan ma nsib xejn aqwa għall-kisba mill-ġdid tar-ruħ tas-soċjetà tagħna mit-talba sabiħa ta’ San Franġisk t’Assisi, it-Talba tal-paċi.

Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek. Fejn hemm il-mibgħeda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba; fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra; fejn hemm id-dubbju, ħallini ndaħħal il-fidi; fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama; fejn hemm id-dlam, ħallini inkebbes id-dawl; fejn hemm in-niket; ħallini nxerred il-ferħ.

La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien; la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddiehor jien; la tħallix li iżjed ikun maħbub, milli nħobb jien. Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu. Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura. Għax meta mmutu, nqumu għall-Ħajja ta’ dejjem.

Il-paċi għandna bżonn u mhux il-mibegħda. Ejja naħdmu għall-paċi fostna! Ejjew nerġgħu niftħulha fuq il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u s-solidarjetà ta’ bejnietna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: