Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Rabtiet tajba mal-ħajjin u l-mejtin

Rabtiet tajba mal-ħajjin u l-mejtin


Il-Ħamis 2 ta’ Novembru. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, fit-tifkira Solenni tal-Mejtin Kollha, Katidral ta’ Għawdex.

 

Matul ix-xahar ta’ Novembru ċ-ċimiterji tagħna jieħdu dehra ta’ ġnien imwarrad bi fjuri l-ġmiel tagħhom. Il-kotra ta’ ġensna f’dan ix-xahar tal-erwieħ tixref saċ-ċimiterju biex iżżur l-għeżież mejtin tagħha. Forsi mingħajr ma nintebħu, meta nqiegħdu l-ward u x-xemgħa fuq l-oqbra, meta noffru talb jew karità b’suffraġju, aħna nkunu qegħdin ngħidu li nixtiequ nkomplu bir-relazzjoni tagħna mal-għeżież li ħallewna. Meta mmorru fuq l-oqbra u npoġġu dawn l-oġġetti li jesprimu l-imħabba u l-għożża tagħna, aħna nkunu qegħdin nikkonsolidaw ir-rabtiet affettivi mal-antenati tagħna.

Ħajja mingħajr relazzjonijiet ma tagħmilx sens. Ħajjitna għandha tifsira skont ir-relazzjonijiet li jkollna mal-persuni ta’ madwarna. Ladarba l-mewt tifridna mill-għeżież tagħna, aħna nagħmlu dan ir-ritwal sabiħ u rakkomandabbli biex din ir-relazzjoni li tkun immarkat lil ħajjitna, tibqa’. Jien għandi f’moħħi lill-ulied li jmorru fuq il-qabar tal-ġenituri tagħhom, lil dawk il-ġenituri li jkunu jidfnu lil uliedhom, lil dak ir-raġel miżżewweġ li jieqaf jistrieħ fuq il-qabar ta’ martu, jew bil-kontra.

It-tama Nisranija tgħidilna li għalkemm il-mejtin ħallewna, huma għadhom “ħajjin”, għax “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel” (Prefazju tal-Quddiesa tal-Mejtin). Bis-saħħa tal-fidi aħna nafu li dawk li ħallewna jibqgħu jħobbuna – u jħobbuna bi mħabba aqwa minn dik li kienu juruna meta kienu għadhom fuq l-art. Il-mewt tifridna, imma ma tħollx ir-rabtiet ta’ bejnietna.

Imma mhux kulħadd jista’ jgawdi din l-esperjenza. Darba kien hemm persuna li qaltli li tibża’ tgħaddi minn quddiem ċimiterju partikulari. Għall-ewwel jien ħsibt li għandha xi flieles f’rasha; imma mbagħad fissritli li hija tħossha tinġibed lura għax f’dak iċ-ċimiterju hemm midfun xi ħadd li miet miġġieled magħha. Din il-persuna għandha għali tal-mewt għax ma rnexxilhiex tħit ir-relazzjonijiet imqattgħa qabel ma waslet il-mewt!

Dan huwa riskju għal kull wieħed u waħda minna. Huwa faċli li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jitħabblu – forsi anki minħabba l-ħmerijiet jew ir-ras iebsa tagħna! Hija ħasra li ċerti relazzjonijiet jibqgħu mxellfin għal żmien twil u xi drabi anki għall-eternità. Inċidenti ta’ din ix-xorta jiġru f’kull livell: bejn il-membri tal-familja, bejn il-ġirien, bejn l-isħab fuq ix-xogħol, fil-komunità parrokkjali, bejn l-isqof u s-saċerdoti/lajċi, u nistgħu nibqgħu sejrin. Ma nistgħux nippermettu li l-mewt tpoġġina f’qagħda impossibbli li nkunu nistgħu nibnu dawk ir-relazzjonijiet li nkunu ħattejna! Il-fatt li għadna fuq riġlejna jfisser li għadna fil-ħin biex nirranġaw ir-relazzjonijiet miksura qabel ma jkun tard wisq.

2.11

Imbagħad hemm dawk l-imsejkna li r-relazzjonijiet jiksruhom wara l-mewt, partikularment meta jinfetaħ it-testment. Xi drabi dawn ir-relazzjonijiet tant jinkisru bil-goff illi saħansitra darba kien hemm iben li l-ewwel kien difen lil missieru fil-qabar tiegħu, imma mbagħad meta sar jaf x’kienu d-dispożizzjonijiet li ħalla missieru, huwa ried jaqilgħu minn hemm biex żgur ma jkollux x’jaqsam miegħu u hekk iħassar ir-relazzjoni miegħu!

Ma’ ħutna li mietu għandna opportunità li nibnu relazzjoni għalkollox speċjali u għalkollox differenti minn dik li nkunu għexna hawn. Għaliex dawk li mietu llum daħlu f’relazzjoni għalkollox ġdida ma’ Alla, ma’ Ġesù Kristu, mal-Madonna u mal-qaddisin. Għalhekk illum nixtieq li mhux biss nitolbu għall-erwieħ, imma wkoll nitolbu bl-interċessjoni tagħhom, issa li huma għandhom relazzjoni ġdida ma’ Ġesù, biex huma jinterċedu għalina biex Alla jgħinna ħalli ma nkunux boloh, u nikkoreġu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. B’għafsa ta’ qalb ngħid li bħala komunità Nisranija mhux dejjem għandna biex nifirħu f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet interpersonali. Dan id-defiċit fir-relazzjonijiet żgur li jkollu riperkussjoni wara l-mewt. Nittama li l-Mulej ikun ħanin magħna, jagħder il-bluha tagħna, u li r-relazzjonijiet imperfetti ta’ bejnietna ma jaffettwawx ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.

Bil-kortesija ta’ Radju Katidral.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: