Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Minn issa ‘l quddiem …

Minn issa ‘l quddiem …


Inħossni tassew imbierek kull darba li, bħala saċerdot, inkun mistieden biex immexxi l-Ewkaristija taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament taż-żwieġ. Is-sagrament taż-żwieġ huwa mument sabiħ fil-ħajja tal-komunità ta’ fidi u anki fil-ħajja ta’ l-istess soċjetà. Dan l-għaliex il-mument taż-żwieġ ifisser li issa, b’riħet din ir-rabta, bdiet tabilħaqq ħajja flimkien. Ħajja bit-tlajja’ u bl-inżul tagħha. L-għaliex, ir-rabta taż-żwieġ isseħħ f’din id-dinja.

Niftakar li xi ġimgħat ilu kont mistieden li mmexxi l-Ewkaristija taż-żwieġ. Kienet esperjenza sabiħa immens għalija l-għaliex, għall-ewwel darba, stajt naqsam dan il-ferħ ma’ saċerdot ieħor li kkonċelebra miegħi. Kemm hu sabiħ meta s-saċerdot jinfetaħ għas-saċerdot ħuħ biex flimkien jiċċelebraw iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika taż-żwieġ. Kemm il-koppja, il-familjari u, saħansitra, in-nies, iħossuhom ferħana u mbierka. L-għaliex m’hemm l-ebda traċċa ta’ protagoniżmu f’ċelebrazzjoni bħal din. Lanqas xi għatx klubi biex nuri x’talenti għandi għas-skapitu li nidfen lis-saċerdot ħija fuq l-artal! Le! Niċċelebraw it-tnejn flimkien! L-istess bħalma jiġri fis-sagrament taż-żwieġ. Il-koppja, ir-raġel u l-mara, li, bil-ħalfa tagħhom fuq l-altar, jibdew din it-triq għalenija. U flimkien, nerġa’ nisħaq, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fis-saħħa u fil-mard. U s-siment ta’ din l-imħabba ta’ bejniethom hija l-istess imħabba u r-rispett reċiproku għal xulxin tul ħajjithom kollha!

Mort is-sala. U ħassejt arja mill-isbaħ! Friska! Mhux biss l-għaliex it-temp beda joqgħod. Imma, u fuq kollox, l-għaliex rajt ċertu ħerqa biex din il-mixja ta’ mħabba titlaħħam u ssir rejaltà. It-tħejjijiet kienu kbar. U apprezzajthom bil-bosta. Waħda waħda! Bilfors li tapprezzahom! Il-Mulej waħdu jaf kemm xogħol u sagrifiċċji jkunu saru minħabba fihom. Iżda, f’dan il-festin ta’ dan it-tieġ partikulari, laqgħtitni ħaġa li, drabi oħra, għalkemm seħħet taħt imnieħri, qatt ma seħħli napprezzaha biżżejjed. Tant li ntogħmha u nħallieha tinżel f’qalbi aktar milli f’ħalqi. Din il-ħaġa ma kienet xejn għajr il-kanzunetta mill-isbaħ ta’ Shania Twain From This Moment On. Meta fittixt dwarha rajt li fuqha kienu daħlu mal-120,568, 749. X’lista ta’ viewers dik eh! Barra minhekk kien hemm 369,000 li għamlulha like! Tabilħaqq impressjonanti!

X’ħin rajt quddiemi dak ir-record daqshiex ta’ pubbliċità mill-ewwel bdejt nara ftit x’tgħid il-lirika ta’ din il-kanzunetta.

“Jiena għadni kemm ħlift li se nkun dejjem hemm. Se nagħti kull ħaġa u kollox. Se nieħu ħsieb dejjem fil-mard u fis-saħħa, fil-ferħ u fin-niket. Għat-tajjeb u għall-ħażin. Se nħobbok b’kull taħbita ta’ qalbi.

Minn dan il-mument il-ħajja bdiet. Minn dan il-mument int hu/hi. Ħdejk huwa fejn napparjteni. Minn dan il-mument ‘il quddiem jiena ġejt mbierek u mbierka. Jiena ngħix biss, għall-ferħ tiegħek. U għall-imħabba tiegħek nieħu l-aħħar nifs tiegħi.

Minn dan il-mument ‘il quddiem. Nagħtik idi b’qalbi kollha. Għandi seba’ mitt sena biex ngħix ħajti miegħek. Iġri nibda’. Int u jien qatt m’hu ħa ninfirdu. Il-ħolmiet tiegħi saru rejaltà minħabba fik.

Minn dan il-mument, kemm indum ngħidx, se nħobbok. Inwegħedek dan. M’hemm xejn li jien mhux se nagħti.

Minn dan il-mument ‘il quddiem, int ir-raġuni l-għaliex nemmen fl-imħabba. U int it-tweġiba għat-talb tiegħi minn hemm fuq. Dak li għandna bżonn huwa biss it-tnejn li aħna. Il-ħolmiet tiegħi saru rejaltà minħabba fik.

Minn dan il-mument, kemm indum ngħix, se nħobbok, nwegħdek dan. M’hemm xejn li jien minix se nagħti. Minn dan il-mument se nħobbok kemm indum ngħix, minn issa ‘l quddiem”.

Liema mara u liema raġel ma tixtieqx u ma jixtieqx li dawn ix-xewqat u dan il-ħolm, li ħażżeż fuq il-karta b’tant majestrija Robert John Lange, imsieħeb minn Shania Twain, ma jseħħux? Min tassew ma ssallbitx u ma ssallabx biex jgħixu ħajja sabiħa flimkien? Min ma xtaqx li dik id-demgħa li leħħet f’għajnejha u f’għajnejh, meta daħlet miegħu u daħal magħha, id f’id, fil-Knisja, u wara fis-sala fejn sar il-festin tat-tieġ, ma riditx u ma riedx li tissarraf f’rejaltà?

Iżda’ x’ġara? Dak li qatt ma nħolom li jiġri! Jien, li kont ħlift li dejjem kont se nkun dejjem hemm għalih u għaliha, x’ħin qamet buffura riħ, ħrabt. Ħsibt għal rasi. U jien, li wegħedt li se nagħti kull ħaġa, issa bdejt nikkalkula u niġbed lejja biss. Mela bdejt naħseb għalija. Jien, li wegħedt li nieħu ħsiebek fil-mard u fis-saħħa, fil-ferħ u fin-niket, fit-tajjeb u fil-ħażin, x’ħin l-affarijiet ma ġewx kif bdejt nipproġettahom f’moħħi u kif xtaqthom f’qalbi, minflok li qalbi kompliet tħabbat għalik, iebset! Stirat! Mietet!

U, minn meta qalbi twebset għalik, minn hemm bdiet għalija t-tkarkira tal-mewt. Proprju minn dak il-mument! L-għaliex, kull darba li bdejt narak, bdejt nintebaħ li posti ma kienx aktar miegħek. Li, fi ftit kliem, jien m’għadnix le nappartjeni lilek. U ħa ngħidlek, anki jekk qed ngħidhielek b’qasma ta’ qalb, minn dak il-mument intbaħt li jien, miegħek, ġejt misħut u misħuta. Għalhekk l-għaliex għandi ngħix għalik? L-għaliex għandi issa noqgħod inpaxxik? U l-għaliex għandi nagħtik sal-aħħar nifs ta’ ħajti għall-imħabba tiegħek? Ma nħobbokx aktar! U mela jien tal-ħabba gozz jew! Jekk għandix!

U ħa ngħidlek, minn dan il-mument ‘il quddiem idi nżommha fil-but. U lanqas irrid biss naqlagħha minn hemm! U, is-seba’ mitt sena li għandi hija biex infittex nitilqek. Iġri nasal li nwettaq dan jaħasra! Dak jum il-ħelsien tassew għalija! Issa, aktar minn qabel, intbaħt li jien u int hemm bżonn li ninfirdu! Illum qabel għada! L-għaliex int, il-ħolm tiegħi, mhux talli ma apprezzajtux u għentni nagħmlu rejaltà talli tajtu bis-sieq u xħettuli fil-landa tal-iskart!

Irringrazzja lill-Mulej li, kemm indum ħaj u ħajja, ma nobgħodokx u ma neqirdekx! U, jekk tibqa’ tweġġagħni, dan inwegħdulek u nwettqu żgur. U, jekk ħa tkompli iddejjaqni, se nagħmel minn kollox biex dan inwettqu. Biex ma taħsibniex li jien il-beċċun u l-beċċuna tiegħek!

Għax, minn dan il-mument, bil-mod ta’ kif ġibt ruħek miegħi, int ir-raġuni iva tar-rovina tiegħi. U, l-għemil tiegħek ta’ insensibiltà, huwa t-tweġiba għalija li lilek jien m’għandi nafda qatt aktar! Mela dak li għandna bżonn huwa biss li ninfirdu. U dan malajr kemm jista’ ikun. Bik f’ħajti l-ħolm tiegħi krieh sewwa. Tant li miegħek jagħtini ħmar illejl. Wieħed f’wieħed!

Minn dan il-mument ‘il quddiem, kemm indum ngħix, ma nħarisx aktar lejn wiċċek. Dan inwegħdulek. Għax il-ħolm tiegħi inbidel f’esperjenza qawwija ta’ imrar minħabba fik! Għalhekk, minn dan il-mument, se nitbiegħed minnek. Minn issa ‘l quddiem!…

Din hija n-naħa l-oħra tal-munita. L-għażla hija f’idejna. Kemm se ninvestu fir-relazzjoni tagħna. Kemm se nitolbu. Kemm se nqattgħu ħin flimkien. Kemm se naffrontaw is-sitwazzjonijiet li jiġu għal wiċċna bit-tir li ningħaqdu. U qatt li ninfirdu! Jekk tassew irridu li din ir-relazzjoni tissokta huwa aħna li rridu nxammru l-kmiem. Huwa aħna li rridu nsibu min jgħinna nibnu fiduċja f’xulxin. Huwa aħna li, f’kuljum li jgħaddi minn fuqna, irridu nagħmlu dak kollu li hu possibbli għalina biex ikun mument ta’ maturità, tisfija, maħfra, ferħ, skoperta, kuraġġ, għerf, sabar, ħlewwa, riflessjoni, rikrejazzjoni, ħidma, tiġdid … Insomma, mħabba fil-prattika!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: