Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > It-tliet doni ta’ Alla

It-tliet doni ta’ Alla


It-Tnejn 6 ta’ Novembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fis-silta mill-ittra lir-Rumani li tinqara fil-quddiesa tal-lum, Pawlu jtemm ir-riflessjoni tiegħu dwar is-sejħa ta’ Alla lill-Iżraeliti u lill-ġentili. Pawlu jagħmel dan l-argument biex jikkonvinċi lil-Lhud li kulħadd hu magħżul minn Alla u jtemm bl-affermazzjoni qawwija li dak li jwiegħed Alla ma jerġax lura minnu.

 

Il-Papa Franġisku spjega li fl-istorja tas-salvazzjoni s-sejħiet ta’ Alla lill-poplu tiegħu kienu tlieta: il-ħatra, il-wegħda u l-patt.

Il-poplu t’Alla hu l-poplu magħżul u huwa Alla nnifsu li jkompli jsaħħaħ din l-għażla. Dan nifhmuh mill-Ktieb tal-Ġenesi li fih naqraw bosta drabi li Alla jgħid lil Abraham: ‘Jien kont li għażiltek,’ u jtenni l-wegħda: ‘Jien sa nagħtik iben, minkejja li għandek disgħin sena.’

B’dil-wegħda l-Mulej ikompli jiċċelebra l-patt li għamel fil-bidu u din hi l-istorja tas-salvazzjoni, qal il-Papa Franġisku.

Għalhekk, żied jgħid, dawn id-doni tal-ħatra, tal-wegħda u tal-patt, qatt ma jistgħu jitħassru għax Alla qatt ma jerġa’ lura minn kelmtu. Huma wegħdiet mal-poplu t’Alla, mal-Knisja u ma’ kull wieħed u waħda minna, għax aħna lkoll imsejħin. Aħna nġorru fina l-wegħda li għamel magħna l-Mulej u kollha kemm aħna nagħmlu pattijiet miegħu. Iżda kulħadd hu ħieles li jżomm il-patt jew li jiċħdu.

Għalhekk tajjeb nistaqsu lilna nfusna: Jien kif inħoss is-sejħa? Inħossni Nisrani b’kumbinazzjoni? Kif ngħix il-wegħda tas-salvazzjoni fil-mixja tiegħi? Kemm jien fidil għall-patt kif hu fidil miegħi l-Mulej? Il-Mulej ma jistax jiċħad lilu nnifsu, għax Hu fidil dejjem.

Allura jien inħossni magħżul minn Alla? Inħoss it-tmellisa tiegħu f’qalbi? Inħoss li jħobbni u jieħu ħsiebi, u li kull meta nitbiegħed minnu, Hu jiġi jfittixni? Bħala għajnuna għal dir-riflessjonji nistgħu niftakru fil-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, qal il-Papa.

Fl-ittra lir-Rumani, Pawlu jkompli billi jtenni erba’ darbiet il-kliem ‘diżubbidjenza’ u ‘ħniena’. Hemm tensjoni bejniethom għax fejn hemm id-diżubbidjenza dejjem ikun hemm il-ħniena, issokta jgħid il-Qdusija Tiegħu. Dan ifisser li tul il-mixja dejjem se jibqa’ jkun hemm id-dnubiet, id-diżubbidjenza, imma quddiem dawn dejjem hemm il-ħniena, għax Alla qatt ma jerġa’ jieħu lura d-doni li jkun tana.

Kemm huma kbar u fondi s-sapjenza u l-għerf ta’ Alla, jikteb l-Appostlu, kemm huma misterjużi triqatu! Dan hu att ta’ adorazzjoni, osserva l-Papa Franġisku. Pawlu qed jinżel għarkupptejh u jadura quddiem il-misteru tad-diżubbidjenza u l-ħniena li teħlisna.

Illum jagħmlilna tajjeb, temm l-omelija l-Papa Franġisku, jekk naħsbu ftit dwar is-sejħa tagħna, dwar il-wegħdiet tal-Mulej u dwar kif jien ngħix il-patt tiegħi miegħu, jekk jien għandix ħila nfaħħar lill-Mulej għad-doni li tani. Il-Papa temm jistedinna biex qatt ma ninsew is-sejħa u d-doni li tana Alla, għax dawn qatt ma jittreġġgħu lura għax Alla hu ‘fidil dejjem’.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: