Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Inkunu tlifna kollox jekk nitilfu l-ħila li nħossuna maħbubin

Inkunu tlifna kollox jekk nitilfu l-ħila li nħossuna maħbubin


It-Tlieta 7 ta’ Novembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar il-qari tal-Vanġelu tal-ġurnata meħud minn San Luqa. Il-Mulej, qal Franġisku, jgħallimna li jekk għandna nistiednu lil xi ħadd id-dar, nistiednu li min ma jistax iroddilna lura.

 

Raġel għamel ikla kbira u meta bagħat lill-qaddej tiegħu għall-mistednin, kulħadd beda jġib l-iskużi biex ma jmurx.

Bħal dak ir-raġel li fassal li jibni mħażen kbar imma dak il-lejl stess kien se jmut, dawn kienu marbutin mal-interessi personali tant li ma kellhomx ħila jifhmu l-gratwità tal-istedina.

Jekk ma nifhmux il-gratwità tal-istedina ta’ Alla ma nkunu fehemna xejn, osserva l-Papa. Imma x’irridu nħallsu biex inkunu nistgħu mmorru għal din l-ikla? Il-biljett tad-dħul hu l-mard, il-faqar, id-dnub. Dawn huma li jippermettulek tidħol: il-fatt li għandek bżonn il-fejqan, li teħtieġ l-imħabba, qal il-Qdusija Tiegħu.
Fil-parabbola naraw żewġ atteġġjamenti, kompla jgħid, min-naħa hemm Alla li ma jitolbok ebda ħlas u jgħid lill-qaddej biex iġib għall-ikla lill-magħtubin, lill-foqra, bi gratwità mingħajr qies, għax Alla jilqa’ lil kulħadd.

Min-naħa l-oħra hemm l-atteġġjament tal-ewwel mistednin li ma jifhmux dil-gratwità, l-istess bħal ħu l-iben il-ħali li ma riedx jidħol għall-ikla għax ma fehemx lil missieru.

Dan ħela ġidu fix-xalar, fid-dnub u inti tagħmillu festa? U jien, kattoliku prattikanti, immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd, għalija m’hemm xejn? Bniedem bħal dan ma jifhimx il-gratwità tas-salvazzjoni, jaħseb li s-salvazzjoni hi: ‘jien inħallas u inti ssalvani’.

Le, saħaq il-Papa Franġisku, is-salvazzjoni hi gratwíta u jekk inti ma tidħolx f’din id-dinamika inti ma tkun fhimt xejn. Is-salvazzjoni hi rigal ta’ Alla li jien irrodd lura b’rigal ieħor: l-għotja ta’ qalbi. Min jaħseb fl-interessi tiegħu biss, dak li meta jagħti rigal diġà qed jaħseb x’se jirċievi lura, mhux jifhem li l-Mulej ma jitlob xejn lura. Jitlob minna biss imħabba u fedeltà għax is-salvazzjoni ma nistgħux nixtruha, hi sempliċiment sehem fl-ikla.

Dawk li jaqtugħha li ma jieħdux sehem fl-ikla, li jħossuhom ‘ċerti minnhom infushom’, iħossuhom salvi anki jekk jibqgħu barra, iżda tilfu s-sens tal-gratwità, s-sens tal-imħabba. L-aktar ħaġa importanti li tilfu, issokta Franġisku, hi li tilfu l-ħila li jħossuhom maħbubin.

U meta inti titlef is-sens li tħossok maħbub, int tlift it-tama, tlift kollox, osserva Franġisku. Ifakkarna fil-kitba fuq il-bieb tal-infern li jiddeskrivi Dante Alighieri fil-poema La Divina Commedia: “Aqtgħu jieskom minn kull tama, intom li tidħlu hawn ġew”, għax tlift kollox.

Aħna għandna naħsbu f’das-Sinjur li jrid li d-dar tiegħu timtela. Dan hu l-Mulej, li hu tant kbir, tant iħobb li bil-gratwità tiegħu irid jimla daru.

Nitolbu lill-Mulej, temm jgħid il-Papa Franġisku, biex jeħlisna mill-periklu li nitilfu l-ħila li nħossuna maħbubin.

Hajr lill-kamra tal-ahbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: