Mhux l-ewwel darba li nkun għaddej fl-Isptar, aktar u aktar mal-kurituri, u anki fis-swali, u, illum, għax bit-3G u l-4G, faċli nisimgħu. Waw. Waw. Waw. Waw … Aqta’ kemm nitbissem! Ġieli nkun se ninfaqa’ nidħak! Naħseb li ilkoll intbaħtu fuq liema ħaġa qed nitħaddet: l-imbierek WhatsApp! Jew, kif jiktbuha uħud, Whatzup!
Insomma, tgħdiha kif tgħidha, u tiktibha kif tiktibha, bl-esse jew biż-żeta, illum huma ħafna li jużaw il-WhasApp! Dan l-għaliex il-WhatsApp jidher li huwa l-mod ta’ kif messaġġ online jasal f’ħeffa tal-għaġeb. Kemm hu fast (jiġifieri ħafif) il-WhatsApp hux! U l-WhatsApp anki hu faċli biex iżżomm il-linji tal-komunikazzjonijiet miftuħa ma’ dawk li huma l-aktar midħla tiegħek. Bħalma nitgħallem mill-Isptar, u dejjem Alla jbierek, illum huma kbir in-numru ta’ nies li jużaw il-WhatsApp! Tgħid il-Mulej għandu WhatsApp? Tgħid, il-mobile tiegħu, jagħmel l-istess ħoss li jagħmel l-mobile tiegħi u tiegħek kif nirċievu messaġġ fuq il-WhatsApp? Waw. Waw. Waw. Waw …?
Ikolli ngħid li l-Mulej WhatsApp għandu! U l-contacts li għandu fih huma bla qjies! Ħeqq! Alla hu wara kollox! Issa jekk il-Mulej għandu WhatsApp l-istatus tiegħi miegħu x’inhu? Jien qiegħed u qiegħdha online mal-Mulej fuq WhatsApp jew inkella għafastlu l-kelma Block? Biex, kull messaġġ li jibgħatli, lanqas biss nindenja ruħi narah? U l-Mulej qiegħed fuq quddiem nett tal-lista tal-friends tiegħi fuq WhatsApp? Jew inkella qiegħed fl-aħħar, tal-aħħar, u, forsi, l-aħħar nett fil-lista?
Ġeneralment, mit-tipi ta’ messaġġi li tibda’ tikteb persuna, int u jien nibdew nintebħu x’ħobż tkun tabilħaqq tiekol dik il-persuna. Almenu jibda’ ikollna ħjiel tagħha. Ma ninsewx x’tgħidilna l-Kelma ta’ Alla fuq il-WhatsApp tal-Mulej. L-istatus tiegħu magħna dejjem hu online. Xhieda ta’ dan hu dak li jgħidilna l-ktieb tal-Profeta Iżaija meta jgħidilna: “Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejjħulu sakemm hu fil-qrib!” (Iż 55:6). Mela, diġà għandna waħda ġewwa ħi! Il-Mulej huwa dejjem available għalija! X’rigal dan ħej għalija dalgħodu waqt li qed inqarmeċ il-ħobża mixwija tal-Malti u nixrob bil-mod it-tazza tat-tè jew tal-kafè!
Iżda x’tip ta’ messaġġi jibgħat il-Mulej fuq il-WhatsApp tiegħu? F’kelma waħda, dan il-Mulej, li l-mobile tiegħu jħaddan miegħu l-univers u ta’ barra minnu, x’ħobż jiekol? Int tridx nagħtu daqqa t’għajn lejn l-għamla ta’ messaġġi li jibgħat ħa naraw naqra? X’taħseb? Arahom ġejjin sieħbi!
“Mill-għoli nħarsek. Mhux biex inbeżżgħek. Iżda biex immexxik fil-mogħdija li għażilt għalik u li se tmexxik lejn il-ferħ veru”. Waw.Waw.Waw.Waw… “Kull jum ġdid Jiena inbierkek. Inbierek id-dawl li jdawwlek meta tqum u bil-ferħ li jittieħed f’darek. Gawdi kull mument tal-jum l-għaliex kull minuta hija don li qatt m’hu se jirrepeti ruħu”. Waw.Waw.Waw.Waw… “Meta qed tgħix ostaklu int taħseb li huwa mpossibbli għalik, meta taħseb li għandek il-qawwa li ġġorr dan il-piż fuq spallejk, tinkwetax. Intelaq f’idejja u ħallini nżommlok idek. Se nkun miegħek, niġġieled għalik”. Waw.Waw.Waw.Waw…
“Anki jekk ma titlobx kull jum qed nieħu ħsiebek il-ħin kollu. Anki jekk int indifferenti għalija jiena dejjem nitfakar fik. Għaliex int il-ħolqien tiegħi u anki kull ħaġa li tara. Inħobbok”. Waw.Waw.Waw.Waw… “Jekk taħseb li kollox qed joskura ruħu fi triqtek jien se nixgħel il-mogħdija tiegħek u nibqa’ miegħek biex immexxik matul l-aħjar waħda. Agħtini lilek innifsek u int dejjem tkun imdawwal u imdawla”. Waw.Waw.Waw.Waw… “Jien inkun hemm fejn l-anqas li tistenna. Jiena nkun ma’ min l-anqas li tistenna. Irrispetta lill-proxxmu tiegħek l-għaliex jiena preżenti kullimkien. Int, kollok kemm int, int parti minni”. Waw.Waw.Waw.Waw…
U mbagħad dan il-messaġġ mill-WhatsApp tal-Mulej, almenu lili, aqta’ kemm jagħmilli kuraġġ! “Ix-xebgħat tallum mhumiex sempliċiment daqqiet. Iżda huma sfidi li jien nħalli fi triqti biex nikkonviċik li int ħafna aktar qawwi u qawwija milli taħseb. U li f’kull jum int tista’ tkun persuna aħjar”. Waw.Waw.Waw.Waw…
X’jidhirlek? Jaqbillek li tħalli lill-Mulej fil-lista tal-kuntatti tal-WhatsApp tiegħek? Jekk iva mhux aħjar nibdew niċċettjaw miegħu l-ewwel? U ma nħallu l-ebda contact joħodlu postu? Wara kollox l-ebda contact daqs il-Mulej m’għandu l-qalb li għandu hu! L-ebda contact m’għandu l-għerf li għandu Hu! U l-ebda contact fil-mobile ta’ ħajti ma jista’ jmexxini kif imexxini hu! Bilħaqq, imbagħad hemm ħaġa oħra. Aqta’ kemm hu faċli li timmesiġja lill-Mulej! Lanqas għandi għalfejn nittajpa. Biżżejjed inpespislu waħda u fit-tpespisa nfissirlu dak li hemm f’qalbi. Ibqa’ ċert u ċerta li jismagħni żgur! Mela ejja nisimgħu! L-għaliex Hu jridli u għandu għalija l-aqwa ġid. Għal dejjem ta’ dejjem!
XXXXX! Waw. Waw.Waw.Waw… Taf li bgħattli!!!