Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Min jistqarr li hu Nisrani u jgħix ħajja pagana jagħti skandlu

Min jistqarr li hu Nisrani u jgħix ħajja pagana jagħti skandlu


It-Tnejn 13 ta’ Novembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fir-riflessjoni dwar il-Vanġelu skont San Luqa li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa f’Santa Marta huwa qal li Ġesù jibda bi stqarrija li fiha ħafna sens: Hu impossibbli li ma jingħatawx skandli. Però, osserva Franġisku, Ġesù jagħmel twissija qawwija għax iżid jgħid li gwaj għalih min jagħti skandlu. Aħjar tintrabatlu ġebla tat-tħin ma’ għonqu u jinxteħet il-baħar milli jagħti skandlu lil dawn iż-żgħar.

Ġesù, kompla jgħid il-Papa, idur fuq in-nies tiegħu u jgħidilhom biex joqgħodu attenti biex ma jkunux huma li jagħtu skandlu.

L-iskandlu hu ikrah, issokta Franġisku, għax hu ġerħa li tferi lill-poplu t’Alla, ġerħa li kultant tista’ tibqa’ għomor sħiħ. L-iskandlu jista’ wkoll joqtol it-tama, lill-familji u lil tant qlub.

Il-Papa Franġisku osserva li Ġesù spiss jitkellem dwar l-iskandlu u kien attent li ma jkunx kawża ta’ skandlu hu nnifsu. Infatti, Ġesù jgħid li jekk idek hi kawża ta’ skandlu, aqtagħha barra. U meta quddiem it-tħabbira tas-salib Pietru jipprova jmerih, bla ma jdur mal-lewża Ġesù jċanfru u jgħidlu li hu ta’ skandlu għalih.

Dal-kliem Ġesù qed jgħidu lilna għax min jistqarr li hu Nisrani u jgħix ħajja pagana jagħti skandlu. Kemm-il darba smajna li min jgħid li ma jmurx il-knisja għax hemm ġew jiltaqa’ ma min il-ġurnata kollha jixgħel ix-xemgħat u malli joħroġ minn hemm ħlief iqassas u jiżra’ s-sikrana ma jagħmilx!

Kemm Insara jimbuttaw lin-nies bl-eżempju li jagħtu. L-inkoerenza tal-Insara hi waħda mill-aktar armi qawwija li għandu x-xitan biex idgħajjef u ibiegħed lill-poplu t’Alla mill-Mulej, qal Fraġisku. Kien Ġesù stess li lill-poplu qallu biex jagħmel dak li jgħidulu d-dutturi tal-liġi imma biex ma jagħmlux bħalhom.

Bħalma jagħmel dejjem, il-Papa stedinna biex nagħmlu l-mistoqsija lilna nfusna: kemm jien koerenti f’ħajti? Jien koerenti mal-Vanġelu, mal-Mulej? Jekk m’inix, jien ta’ skandlu għal ħaddieħor? Jien membru ta’ xi għaqda reliġjuża u mbagħad lill-ħaddiema tiegħi nittrattahom ħażin, napprofitta ruħi minnhom?

Imbagħad, żied jgħid il-Papa Franġisku, hemm l-iskandlu li jagħtu r-rgħajja, aħna r-rgħajja tal-Knisja. Gwaj għal min jisfrutta n-nies, lin-nagħaġ, gwaj għal min jilbes il-vanità u jinsa lil-merħla, kien qal il-Profeta Ġeremija.

Hemm imbagħad rgħajja oħra li jitbiegħedu min-nies. Dan jiskandaliżża. Imma Ġesù jgħallimna li r-ragħaj għandu jkun dejjem qrib il-merħla. Ir-ragħaj li moħħu biss fil-flus għandu jiftakar li Ġesù qalilna li ma nistgħux naqdu żewġ sidien. Għalhek kull ragħaj għandu jistaqsi lilu nnifsu: kemm jien ħabib tal-flus?
Hemm imbagħad ir-ragħaj li moħħu fil-karriera, biex jilħaq, vanituż, minflok ikun umli u manswet, u hemm dak li jħossu superjuri għal ħaddieħor. Dan kollu jiskandaliżża.

Nistgħu nibqgħu nsemmu aktar, afferma Franġisku, imma għal-lum biżżejjed. Biżżejjed nistaqsu lilna nfusna: jien niskandaliżża, bħala Nisrani, bħala ragħaj? Mulej, jien wieħed minn dawk li nħossni aktar importanti minnek?

Ma rridux ninsew it-twissija ta’ Ġesù, temm il-Papa: Ibżgħu minnkom infuskom. Illum jista’ jkun il-jum it-tajjeb biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar dan: jien niskandalizza jew le?

Ħajr lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: