Katekeżi Quddiesa, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Quddiesa hi talba


2. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 15 ta’ Novembru 2017.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Inkomplu bil-katekeżi fuq il-Quddiesa. Biex nifhmu l-ġmiel taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, nixtieq nibda b’aspett sempliċi ħafna: il-Quddiesa hi talba, anzi, hi t-talba per eċċellenza, l-ogħla waħda, l-aktar sublimi, u fl-istess waqt l-iżjed “konkreta”. Fil-fatt, hija l-laqgħa ta’ mħabba ma’ Alla permezz tal-Kelma tiegħu u tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Hi laqgħa mal-Mulej.

 

Imma l-ewwel irridu nwieġbu għal mistoqsija. X’inhu tabilħaqq it-talb? Hu qabelxejn djalogu, relazzjoni personali ma’ Alla. U l-bniedem ġie maħluq bħala essri f’relazzjoni personali ma’ Alla li jsib il-milja sħiħa tiegħu biss fil-laqgħa mal-Ħallieq tiegħu. It-triq tal-ħajja miexja lejn il-laqgħa għal dejjem mal-Mulej.

Il-Ktieb tal-Ġenesi jafferma li l-bniedem ġie maħluq fuq ix-xbieha u s-sura ta’ Alla, li hu Missier u Iben u Spirtu s-Santu, relazzjoni perfetta ta’ mħabba li hi għaqda. Minn dan nistgħu nifhmu li aħna lkoll ġejna maħluqa biex nidħlu f’relazzjoni perfetta ta’ mħabba, f’għotja kontinwa tagħna nfusna lil xulxin biex hekk nistgħu nsibu l-milja ta’ dak li aħna.

Meta Mosè, quddiem l-għollieq jaqbad, sema’ lil Alla jsejjaħlu, talbu jgħidlu x’jismu. U xi jwieġeb Alla? “Jien dak li jien” (Eż 3:14). Din l-espressjoni, fis-sens oriġinali tagħha, tesprimi preżenza u risq, u fil-fatt dritt wara Alla jżid: “Il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb” (v. 15). Hekk ukoll Kristu, meta jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu, isejħilhom biex jibqgħu miegħu. Mela din hija l-ikbar grazzja: li nħossu li l-Quddiesa, l-Ewkaristija hi l-mument ipprivileġġjat biex noqogħdu ma’ Ġesù, u, permezz tiegħu, ma’ Alla u ma’ ħutna.

It-talb, bħal kull djalogu veru, ifisser ukoll li tagħraf toqgħod fis-skiet – fid-djalogi hemm mumenti ta’ silenzju –, u fis-skiet flimkien ma’ Alla. U meta aħna mmorru l-Quddiesa, forsi naslu xi ħames minuti qabel u nibdew inpaċpċu ma’ ta’ maġenbna. Imma dak mhuwiex il-mument li fih toqgħod tpaċpaċ: hu l-mument tas-skiet biex nitħejjew għad-djalogu. Hu l-mument li fih nidħlu ġewwa fina biex nitħejjew għal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Is-skiet hu importanti ħafna! Ftakru x’għidtilkom il-ġimgħa li għaddiet: m’aħniex sejrin għal xi spettaklu, sejrin għal-laqgħa tagħna mal-Mulej, u s-skiet iħejjina u jseħibna. Nibqgħu ma’ Ġesù fis-skiet. U mis-skiet misterjuż ta’ Alla toħroġ il-Kelma tiegħu li tidwi fil-qalb tagħna. Ġesù nnifsu jgħallimna kif hu tabilħaqq possibbli “noqogħdu” mal-Missier u dan jurihulna bit-talb tiegħu. Il-Vanġeli juruna lil Ġesù li jinġabar waħdu f’postijiet maqtugħa biex jitlob; id-dixxipli, meta jaraw din ir-relazzjoni intima tiegħu mal-Missier, iħossu l-bżonn li jkollhom sehem minnha, u jitolbuh: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Smajna fl-Ewwel Qari, fil-bidu tal-udjenza. Ġesù jweġibhom li l-ewwel ħaġa meħtieġa biex nistgħu nitolbu hi li nagħrfu llissnu “Missier”. Attenti: jekk jien lil Alla ma nafx ngħidlu “Missier”, m’iniex kapaċi nitlob. Irridu nitgħallmu ngħidu “Missierna”, jiġifieri noqogħdu fil-preżenza tiegħu b’kunfidenza ta’ wlied. Imma biex nistgħu nitgħallmu, hemm bżonn li umilment nagħrfu li għandna bżonn niġu mgħallma, u ngħidu bis-sempliċità: Mulej, għallimni nitlob.

Dan l-ewwel punt: inkunu umli, nagħrfu li aħna wlied, nistrieħu fil-Missier, nafdaw fih. Biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet hu meħtieġ niċċekknu bħal tfal. Fis-sens li t-tfal jafu jafdaw, jafu li xi ħadd ħa jieħu ħsiebhom, ħa jieħu ħsieb jipprovdilhom l-ikel, x’jilbsu u l-bqija (ara Mt 6:25-32). Dan hu l-ewwel atteġġjament: fiduċja u kunfidenza, bħall-ulied mal-ġenituri tagħhom; int taf li Alla se jiftakar fik, jieħu ħsiebek, tiegħek, tiegħi, ta’ kulħadd.

It-tieni predispożizzjoni, li wkoll hi ħaġa li ssibha fit-tfal, hi li nħallu lil min jissorprendina. It-tfal dejjem jagħmlu elf mistoqsija għax iridu jiskopru d-dinja; u jistagħġbu mqar bi ħwejjeġ żgħar għax kollox ġdid għalihom. Biex nidħlu fis-Saltna tas-smewwiet hemm bżonn inħallu lil min jgħaġġibna. Fir-relazzjoni tagħna mal-Mulej, fit-talb – nistaqsi jien – qed inħallu lil min jgħaġġibna, jew naħsbu li t-talb ifisser nitkellmu ma’ Alla bħall-pappagalli? Le, ifisser li nafdaw ruħna f’idejh u niftħu qalbna biex inħalluh jgħaġġibna. Qed inħallu lil Alla jissorprendina, hu li hu dejjem Alla tas-sorpriżi? Għax il-laqgħa mal-Mulej hi dejjem laqgħa ħajja, mhux laqgħa ta’ xi mużew. Hi laqgħa ħajja u aħna mmorru għall-Quddiesa u mhux f’xi mużew. Sejrin għal laqgħa ħajja mal-Mulej.

Fil-Vanġelu nisimgħu dwar ċertu Nikodemu (Ġw 3:1-21), raġel anzjan, awtorità f’Iżrael, li jmur għand Ġesù biex isir jafu aħjar; u l-Mulej ikellmu fuq il-ħtieġa li “jitwieled ġdid mill-għoli” (ara v. 3). Imma xi jfisser dan? Tista’ “terġa’ titwieled”? Possibbli terġa’ lura għall-gost, il-ferħ, l-għoġba tal-ħajja, anki quddiem tant traġedji? Din hi mistoqsija fundamentali tal-fidi tagħna u din hi x-xewqa ta’ kull min jemmen: ix-xewqa li jerġa’ jitwieled mill-ġdid, il-ferħ li jerġa’ jibda mill-ġdid. Aħna għandna din ix-xewqa? Kull wieħed u waħda minna jixtieq jitwieled dejjem mill-ġdid biex jiltaqa’ mal-Mulej? Intom għandkom din ix-xewqa? Fil-fatt, nistgħu faċilment nitilfuha, għax, minħabba tant attivitajiet, tant proġetti li rridu nagħmlu, fl-aħħar ftit li xejn jifdlilna ħin u nitilfu l-mira ta’ dak li hu fundamentali: il-ħajja tal-qalb tagħna, il-ħajja spiritwali tagħna, il-ħajja tagħna li hi laqgħa mal-Mulej fit-talb.

Fil-verità, il-Mulej jissorprendina meta jurina li hu jħobbna anki fid-dgħufijiet tagħna. “Ġesù Kristu […] iħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Ġw 2:1-2). Dan id-don, għajn ta’ faraġ veru – għax il-Mulej dejjem jaħfrilna – dan, ifarraġ, hu faraġ tassew, hu don li jingħatalna permezz tal-Ewkaristija, dik l-ikla tat-tieġ li fiha l-Għarus jiltaqa’ mad-dgħufija tagħna. Nista’ ngħid li meta nitla’ nitqarben fil-Quddiesa, il-Mulej qed jiġi jiltaqa’ mad-dgħufija tiegħi? Iva! Nistgħu ngħidu hekk, għax hu minnu! Il-Mulej jiltaqa’ mad-dgħufija tagħna biex ireġġagħna lura għall-ewwel sejħa tagħna: dik li nkunu fuq ix-xbieha u s-sura ta’ Alla. Dan hu l-ambjent tal-Ewkaristija, dan hu t-talb.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s