Home > Aħbarijiet, L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Quddies f’Għawdex b’suffraġju għal ġurnalisti mejtin

Quddies f’Għawdex b’suffraġju għal ġurnalisti mejtin


Il-Ħamis 16 ta’ Novembru. Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mibgħut lill-Għaqda Ġurnalisti Għawdxin li organizzat Quddiesa f’għeluq ix-xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, b’suffraġju għal ruħha u ruħ il-ġurnalisti mejtin kollha. Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria.

Hija ħaġa qaddisa li ltqajtu biex toffru talb għal ġurnalista bħalkom, is-Sinjura Daphne Caruana Galizia, li xahar ilu ġiet assassinata proprju għax kienet ġurnalista. Jien, li bħalkom nemmen li bit-talb nistgħu nissufrugaw lil ħutna mejtin, ukoll tlabt għaliha u għall-familja tagħha. Huwa dmir tagħna bħala

Knisja li noffru suffraġji għall-mejtin, “b’mod partikulari s-sagrifiċċju Ewkaristiku, biex, imsoffija minn dnubiethom, jistgħu jaslu għall-viżjoni beatifika ta’ Alla” (Katekiżmu, 1032).

Quddiem dan l-att mill-aktar vjolenti li ħataf ħesrem il-ħajja ta’ din oħtna fil-fidi u kollega tagħkom, inħeġġeġ lilkom, għeżież ġurnalisti, biex ma tħallux li jitnisslu fikom dubji dwar l-importanza tal-ħidma tagħkom bħala ġurnalisti. Is-servizz tagħkom il-ġurnalisti huwa meħtieġ għas-soċjetà, għax barra li tgħin biex tkun magħrufa l-verità, il-komunikazzjoni għandha qawwa li tibni l-pontijiet bejn il-persuni, il-familji, il-gruppi soċjali.

Minbarra dan, kif stqarr ħija fl-episkopat, ilkoll għandna “nibżgħu għal xulxin” – u hawn inħoss li hija l-missjoni tagħkom li bħala ġurnalisti tkunu għas-servizz tal-verità li fuqha tissejjes l-għaqda u l-għożża ta’ bejn il-bnedmin. Għalhekk nagħmlilkom kuraġġ biex b’responsabbiltà taqdu l-missjoni tagħkom, tkunu nissieġa ta’ għaqda kontra kultura ta’ vjolenza, firda u mibegħda, u jkollkom dik l-attenzjoni u l-kura fraterna lejn il-persuni.

Kif josserva l-Papa Franġisku, “il-ħajja tal-bniedem mhix biss kronaka xotta ta’ ġrajjiet, imma hi storja li qed tistenna li tiġi rrakkontata permezz tal-għażla ta’ muftieħ interpretattiv li kapaċi jagħżel u jiġbor il-fatti l-iżjed l-importanti. Ir-realtà, fiha nfisha, m’għandhiex tifsira univoka. Kollox jiddipendi mill-ħarsa li biha tiġi milqugħa, min-‘nuċċali’ li bih nagħżlu li nħarsu lejha: jekk nibdlu l-lenti, anki r-realtà tidher differenti” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, 24 ta’ Jannar 2017).

Għal ġurnalist Nisrani dan “il-muftieħ” u dan “in-nuċċali” għandhom isem: hija l-imħabba. Għalhekk, nappellalkom biex tagħmlu kollox bl-imħabba u għall-imħabba.

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: