Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-Maġistrat li ħabbat sewwa lill-Mafia

Il-Maġistrat li ħabbat sewwa lill-Mafia


Din is-sena ġew mfakkarin l-anniversarji ta’ żewġ maġistrati prosekuturi gwappi Taljani li ġew maqtula minħabba x-xogħol fejjiedi li wettqu biex idgħajfu kemm jifilħu lill-Mafja.

Dawn kienu Giovanni Falcone, li nqatel nhar it-23 ta’ Mejju 1992. Filwaqt li l-ieħor kien il-magħruf Paolo Borsellino, li ġie maqtul nhar id-19 ta’ Lulju ta’ l-istess sena. Madankollu min kien il-maġistrat wara dawn iż-żewġ maġistrati prosekuturi kbar u li kien il-moħħ u r-ruħ ta’ dak li wettqu? Dan ma kien ħadd għajr il-magħruf maġistrat prosekutur Antonino Caponnetto. Li, din is-sena, eżattament nhar is-6 ta’ Diċembru li ġej, jagħlaq ħmistax-il sena mejjet.

govanni-falcone-borsellino-caponnetto-mafia-620x430.jpg

Giovanni Falcone, Paolo Borsellino u Antonino Caponnetto fi żmien il-‘Pool antimafia’

Antonino Caponnetto twieled nhar il-5 ta’ Settembru 1920, fi Sqallija, sewwasew f’Caltanissetta. Caponnetto kien il-maġistrat Taljan li, fuq kollox, kien magħruf għat-tmexxija għaqlija u effettiva tiegħu tal-Pool antimafia. Dan il-pool kien ix-xogħol tal-maġistrat Taljan Rocco Chinnici, liema ideja rat lilha nnifisha tiġi fis-seħħ fl-1980. Bħalma tgħidilna l-istorja isem Chinnici kien marbut mal-ideja tat-twaqqif tal-pool antimafia li ġab biddla deċisiva fil-ġlieda kontra l-mafja. Tant kemm xogħol Chinnici kien importanti li Cosa nostra żbarazzatu minn nofs nhar id-29 ta’ Lulju 1983. Kien Antonino Caponnetto li ħa l-post ta’ Chinnici u mexxa l-pool antimafia mill-1984 sal-1990.

Wara l-qtil ta’ Chinnici, Caponnetto beda ħidmietu immedjatament f’Novembru ta’ dik is-sena, jiġifieri tal-1983. Miegħu Caponnetto sejjaħ ukoll lil Giovanni Falcone u lil Paolo Borsellino, Gioacchino Natoli, Giuseppe Di Lello u Leonardo Guarnotta. Ix-xogħol fejjiedi u prezzjuż tagħhom fl-investigazzjoni wassal għall-arrest ta’ aktar minn 400 persuna kriminali u li kienu marbuta ma’ Cosa Nostra. Il-milja tax-xogħol deher, mingħajr dubju, fil-maxiprocesso li seħħ f’Palermo bejn l-10 ta’ Frar 1986 u t-30 ta’ Jannar 1992. Dan il-magħruf maxiprocesso huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar simboli qalbiena Taljana fil-ġlieda kontra l-qtil organizzat fl-Italja.

Ta’ għaxar snin Caponnetto ittrasferixxa ruħu minn Sqallija għall-Italja, eżattament fir-reġun tat-Toscana, ġewwa Pistoia. Kien f’Firenze fejn Caponnetto illawrja fil-liġi. Imbagħad, fl-1954, huwa daħal fil-qasam tal-ġustizzja bħala Pretur ta’ Prato. Il-karriera ta’ Caponnetto fil-qasam tal-ġustizzja ħadet qadfa deċisiva ‘il quddiem fl-1983. Kien hawnhekk fejn dan il-maġistrat qalbieni aċċetta bil-qalb it-trasferiment tiegħu mit-Toscana għal Palermo. Bħalma rajna dan seħħ eżattament wara l-qtil ta’ Rocco Chinnici, li kien il-kap tal-Ufficio istruzione ġewwa Palermo. B’dan it-trasferiment tiegħu f’Palermo għal Caponnetto issa kienu bdew ħames snin ta’ xogħol fi protezzjoni kważi ta’ ħabs. Madankollu, din il-ħidma sfieqa, kienet wkoll imsieħba minn sodisfazzjonijiet professjonali kbar.

Waqt li mexa b’reqqa kbira fuq il-proċedura tal-ufficio istruzione ta’ Turin, fejn Giancarlo Caselli kien qed jaħdem biex jiġġieled lit-terroriżmu, filwaqt li issokta jkabbar ix-xogħol imniedi qablu minn Rocco Chinnici, nhar l-1984 Caponnetto seħħlu jwaqqaf pool ta’ maġistrati li kellhom ix-xogħol li jieħdu ħsieb, b’mod esklussiv, il-ġlieda kontra l-mafia. Kien frott ix-xogħol fejjiedi, iebes iżda, fl-istess ħin, riskjuż, ta’ Giovanni Falcone, Paolo Borsellino, Gioacchino Natoli, Giuseppe Di Lello u Leonardo Guarnotta li seta’ jseħħ il-proċess kbir kontra l-mafja. Mingħajr dubju d-dikjarazzjonijiet tal-pentiti kbar tal-mafja, bħal Tommaso Buscetta, għenu bis-sħiħ biex dan il-proċess seta’ jkun wieħed ta’ suċċess kbir. Meta Caponnetto iddeċieda li jħalli Palermo biex jirritorna f’Firenze indika lil Giovanni Falcone bħala s-suċċessur tiegħu. Meta l-Consiglio superiore della magistratura, għar-raġunijiet tiegħu, ipprefera lil Antonino Meli, Caponnetto qatt ma ħeba n-niket kbir tiegħu għal din id-deċiżjoni. Liema deċiżjoni, skont kliemu, kienet dovuta għall-“ħames voti tal-mistħija, fatali, astensjonijiet u żewġ voti ta’ maġġoranza”. Imbagħad Caponnetto saħaq fuq il-kliem ta’ Paolo Borsellino li kien tħaddet dwar Ġuda li kien preżenti qalb dawk li ħadu d-deċiżjoni.

Għalkemm b’mod uffiċċjali l-karriera tiegħu ingħalqet nhar l-1990 Caponnetto kellu jassisti għall-mewt ta’ Giovanni Falcone u, ftit wara, dik ta’ Paolo Borsellino. It-tnejn li huma ġew maqtula mill-mafja. Kemm baqa’ imsemmi dak il-kumment li ta Caponnetto, quddiem il-kamera tat-televiżjoni, eżattament wara l-qtil ta’ Paolo Borsellino, li ġie maqtul f’via d’Amelio. B’qalbu mimlija niket u b’xokk tassew kbir fuqu Antonino Caponnetto qal: «È finito tutto!», “Spiċċa kollox!” U, waqt li qal dan, għafas id il-ġurnalista li kien staqsieh il-mistoqsija. Madankollu Caponnetto ma ħalliex dawn il-mumenti ta’ niket itellfulu, imqar għall-waqt wieħed biss, il-missjoni tiegħu li jżarma l-qtil organizzat fl-Italja. Tant hu hekk li, ftit wara li ħarġu minn fommu dawk il-kelmiet, mill-ewwel sogħob bih għalihom. Kif fisser tajjeb ftit minuti wara il-funeral ta’ Paolo Borsellino u kif ukoll f’intervista li ta lil Gianni Minà waqt it-trażmissjoni Storie li kienet intweriet nhar l-1996 fuq Rai Due. Dakinnhar, quddiem l-istess kamera tat-televiżjoni, Caponnetto stqarr:

“Kien mument partikulari, ta’ qatgħa, ta’ niket. Kont għandi kif ħriġt mill-obitwarju fejn, għall-aħħar darba, bist il-moħħ iswed ta’ Paolo. Allura, wieħed jifhem umanament dak il-waqt tiegħi fejn ċedejt. Forsi ma kienx skużabbli. Iżda li wieħed jifhmu. F’dak il-mument stajt – u kelli l-obbligu, forsi kelli nħossu dan l-obbligu, li niġbor il-fjakkola li waqgħet minn idejn Paolo u li nagħti kuraġġ. Li niżra’ il-fiduċja f’kulħadd. Madankollu kienu ż-żgħażagħ ta’ Palermo li tawni kuraġġ. Dak il-kuraġġ li sibt ftit minuti wara fil-pjazza tat-tribunal. Dawruni għalenija b’rabja, b’niket, b’determinazzjoni, b’fiduċja, b’tama. Imbagħad fhimt kemm kont żbaljajt meta lissint dawk il-kelmiet u kemm hemm bżonn naħdem biex jaħfruli għalihom. Ħdimt biex nissokta l-opra ta’ Giovanni u Paolo”.

Minn dik il-ġrajja traġika ‘l quddiem, minflok ma’ rtira bħala penzjonant, Antonino Caponnetto beda vjaġġ ma jaqta’ xejn fl-iskejjel u fil-pjazzez fl-Italja kollha biex jirrakkonta liż-żgħażagħ li kienu Falcone u Borsellino l-isforz vera kontra l-fenominu mafjuż fl-Italja. Caponnetto seħħlu jitħaddet f’mijiet ta’ skejjel. Hekk sar xhud tal-etika tal-politika u tal-ħajja ċivili, tal-ġustizzja u tal-legalità. Fl-1993 tefa’ l-kandidatura tiegħu mal-partit La Rete, jew aħjar mal-Movimento per la Democrazia. Fit-tmien snin li dam jeżiżti dan il-moviment, jiġifieri mill-1991 sal-1999, dan il-partit politiku Taljan tax-xellug saħaq kemm felaħ favur il-ġlieda kontra l-mafja. Kien taħt il-ġwenħajn ta’ dan il-partit li Caponnetto seħħlu jiġi elett u jsir il-president tal-kunsill komunali ta’ Palermo.

Fl-1993 Caponnetto irċieva l-lawrja honoris causa fix-xjenzi politiċi mill-Università ta’ Turin. Fl-1999 Caponnetto organizza l-ewwel laqgħa dwar il-legalità u l-ġustizzja soċjali ġewwa Firenze flimkien ma’ maġistrati, avvukati, assoċjazzjonijiet u ġurnalisti bil-għan li jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-legalità fl-Italja.

Caponnetto kien ċittadin onorarju ta’ Palermo, Catania, Grammichele u Monteveglio. Għal tlett snin Caponnetto kien l-oġġett tal-ġabra ta’ firem biex jagħmluh senatore a vita. Meta għalaq it-tmenin sena fost dawk li awgurawlu kien hemm il-president tar-Repubblika Taljana Carlo Azeglio Ciampi. Kien iffesteġġjahom mal-familja tiegħu, jiġifieri ma’ martu, it-tlett uliedu, il-ħames neputijiet u mat-tifkira ta’ Falcone u Borsellino. Caponnetto kien stqarr hekk: “Inħosshom dejjem ħajjin, dejjem aktar ħajjin minn qatt qabel. Għandi l-impressjoni li jħarsuni proprju minn hemm fuq”.

Il-fundatur ta’ l-Assoċjazzjoni Viva Jospin, li kienet iddedikata lill-ex prim ministru Franċiż, Caponnetto ħalla dan il-wied tad-dmugħ wara marda twila, nhar is-6 ta’ Diċembru 2002, fl-għomor ta’ 82 sena.

Jibqgħuli f’moħħi kliem Caponnetto: “Il-mafja tibża’ mill-iskola ħafna aktar milli tibża’ mill-ġustizzja. It-tagħlim iqaċċat il-ħaxix minn taħt ir-riġlejn tal-kultura mafjuża”. Ejjew inħallu dawn il-kelmiet ta’ Caponnetto ikellmu lis-soċjetà u lill-politiċi tagħna u lil min għadu jgħum fil-ħama tal-kriminalità.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: