Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Is-sewwa mħawra bil-prudenza

Is-sewwa mħawra bil-prudenza


Darba smajt talk tassew sabiħa. Kienet talk tassew mill-Ispirtu ta’ Alla fejn, min għamilha, ma qgħadx le idur mal-lewża. U lanqas ma qatel il-Kelma ta’ Alla b’ħafna paroli fil-vojt. Min kien l-abjad sejjaħlu abjad u l-iswed sejjaħlu iswed. Allura, kif tistgħu tobsru, il-messaġġ wasal ċar u tond kif kellu jasal. U għal dan nirringrazzja lill-Mulej!

B’xorti ħażina imma ġieli l-ġawhar jaf jinxteħet f’ħalq il-ħnieżer. Ġieli, dan il-ġawhar, ma jiġix apprezzat kif għandu jiġi apprezzat. Allura ma jirċevix l-ġieħ li jistħoqqlu. Mela x’ġara?
Persuna li kienet qed tisma’ t-talk, wara, pronta pronta qaltli: “Imma kif intom ma titkellmux hekk?” Il-kumment tagħha rajtu inġust għall-aħħar. L-għaliex, u fil-verità, dan mhu veru xejn. Huma ħafna li jitħaddtu kif għandhom jitħaddtu fuq dan l-argument partikulari. U tħaddtu mingħajr ħafna dawrien u logħob mal-lewża l-istess bħal min għamel it-talk. Inkluż fuq il-mezzi tal-media lokali. U, l-għaliex tkellmu, aqta’ kemm qalgħu! Insomma. Hu x’inhu l-argument li fuqu tħaddtu l-punt tiegħi huwa sempliċi ħafna: l-entużjażmu mhux meqjus jagħmel ħafna ħsara. Dan huwa sinjal kemm l-injoranza għadha grassa fostna!

L-entużjażmu fil-ħajja irid ikun. U allaħares le. Inkella kif ħaġa tista’ timxi tabilħaqq ‘il quddiem? Mingħajr entużjażmu dak li jkun aqta’ kemm iħossu ħażin. U batut. Mhux l-ewwel darba li jispiċċa mingħajr motivazzjoni. U, la issa ġejna għaliha, mhux darba jew tnejn li jħossu qed jaqta’ qalbu malajr quddiem l-għawġ. U allura, u b’xorti ħażina, jispiċċa iżarma. Madankollu anki l-entużjażmu żejjed, ikun fuq liema kwistjoni jkun, jagħmel ħafna ħsara. Ġeneralment min ikollu ħafna entużjażmu żejjed arah jinħela fil-paroli. Inkella, jekk ma jkunx jaqbel mal-ħaġa, jispiċċa igerger u jgerger. Min jisker bl-entużjażmu isimgħu jifraħ u jibqa’ idur mal-ferħ tal-ideja. Imma x’jiġri? Meta l-mument jgħaddi tibda’ ukoll tgħaddilu l-ħeġġa li jinżel ftit bilqiegħda ħa jagħmel xi ħaġa dwar dak li kien mimli entużjażmu dwaru.

Le ħbieb! L-entużjażmu irid ikun sobrju. Jiġifieri meqjus! Il-veru entużjażmu jħallini b’saqajja mwaħħlin sewwa mal-art għalkemm ruħi tkun fis-sema. Fuq kollox, l-entużjażmu veru iġagħlni nieħu r-resposabbiltà ta’ kif jien, fil-limitazzjonijiet tiegħi, nista’ nikkontribwixxi ħalli t-tali ħaġa jew it-tali messaġġ jasal fejn għandu jasal. Mingħajr ħafna tidwir u, fl-istess ħin, bir-rispett kollu lejn il-persuni konċernati u l-persuni l-oħra kollha. Barra minhekk l-entużjażmu veru jimlini bl-għaqal li nifred il-persuna mill-għemil tagħha. Le! Ma nistax ngħaqqad il-persuna u l-għemil u nitfagħhom hekk, kif ġie ġie. Ħaġa waħda. Il-persuna tibqa’ persuna u l-għemil jibqa’ għemil. Il-persuna għandha dejjem tingħatalha d-dinjità li jixirqilha. Filwaqt li l-għemil, jekk ma jkunx jaqbel mal-Fidi, għandu dejjem jiġi iġġudikat skont dak li tgħallem il-fidi. Fi ftit kliem u b’mod teoloġiku aħna ngħidu tikkundanna lid-dnub imma issalva lill-midneb. U din tgħodd għal kulħadd. Mela għalija l-ewwel wieħed.

Għalhekk, il-veru entużjażmu fil-Mulej, iwassalni biex qatt ma nikklassifika lin-nies. Inkella naqa’ fil-ġudizzju tagħhom jiena stess. U nafu x’kundanna ħarxa hemm għal min jiġġudika lill-oħrajn. Bħalma nafu wkoll bil-kundanna li hemm lesta għal min ma jwiddibx. Għal min ma jiftaħx l-għajnejn. Għal min iħalli kollox għaddej. Għal min, minflok ma jgħin lil dak li jkun jara l-konsegwenzi ta’ għemilu fuq persuni innoċenti, minflok itaptaplu fuq l-ispallejn. Basta li kollox jidher okay. U, jekk jogħġbok, aħjar kelma lura biex ma jinqalax inkwiet. Għalkemm, dak li għalija u għalik jidher inkwiet għall-Mulej jista’ ikun il-mument tal-fejqan. Filwaqt li s-skiet tagħna biex ma jqumx inkwiet jista’ ikun il-waqt tar-rovina għall-Mulej.

Mela l-entużjażmu jwassal biex, ilkoll flimkien, ma niġrux lejn l-estremi. Imma li mmorru għall-verità. Dik il-verità li twessa’ il-viżjoni ta’ kif se nħossni jien u ddaħħal ukoll fix-xena kif se jħossu ħaddieħor. Dak ħaddieħor li l-vuċi tiegħu mhux dejjem tinstema. U hija apprezzata kif għandha bil-jedd kollu tkun.

Mela, il-veru entużjażmu jagħmilna aktar responsabbli u sensittivi dwar kif nitħaddtu fuq xulxin. Hekk, dak li nemmnu fih, isir aktar tagħna meta ngħadduh bl-akbar rispett, ħlewwa u persważjoni lill-oħrajn.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: